Kampanja biex jitqiegħdu fis-seħħ il-proposti tal-Enċiklika Laudato Sì, tingħata appoġġ mill-Papa Franġisku

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 18 Lulju 2017: Wara li sentejn ilu l-Papa Franġsiku kien ħareġ l-Enċiklika “Laudato si’” dwar il-kura tad-Dar Komuni tagħna, issa ta l-appoġġ tiegħu għall-kampanja li qed timmira li tqanqal miljun ruħ biex bil-fatti u fil-prattika jidħol fis-seħħ u fil-prattika l-messaġġ ta’ dan id-dokument.

L-inizjattiva u l-organizzazzjoni ta’ dil-kampanja hi tal-“Global Catholic Climate Movement”(Il-Moviment Kattoliku Dinji għall-Ambjent). Kull min jiffirma l-pleġġ qed jintalab iwieġeb bil-fatti għall-messaġġ tal-Laudato Si’, billi jitlob mal-ħolqien u miegħu, jgħix ħajja aktar sempliċi, u jwiegħed li jħares id-dar komuni tagħna.

Il-kampanja “Pleġġ għal-Laudato si’” għandha s-sapport ta’ mexxejja tal-Knisja minn madwar id-dinja kollha inklużi l-Kardinali Turkson, Tagle, Ribat, Cupich u Marx. Mexxejja ambjentali importanti ħafna wkoll taw is-sapport tagħhom għal din l-inizjattiva.

Tomás Insua, Direttur Eżekuttiv tal-Moviment Kattoliku Dinji għall-Ambjent qal, li l-membri tal-organiżżazzjoni jħossuhom grati u ispirati mis-sapport li ngħataw mill-Papa Franġisku. Bħala persuni li niffurmaw parti mill-1.2 biljun Kattoliku madwar id-dinja, aħna għandna rwol kritiku fl-impenn biex naffronatw it-tibdil fil-klima u l-kriżi ekoloġika fis-sħuħija tagħha.

Bl-inizjattiva tiegħu, kompla jgħid Insua, il-Papa Franġisku diġà bidel id-diskussjoni li qed issir dwar it-tibdil fil-klima u dan is-sapport li qed jagħtina hu stedina biex aħna nqiegħdu fis-eħħ it-tagħlim tal-Knisja u nwieġbu għas-sejħa urġenti biex tittieħed azzjoni politika serja u soda ħalli jinbidel l-istil tal-ħajja tagħna skont il-proposti tal-Laudato Si’.

L-appoġġ tal-Papa jżid is-saħħa lill-isforzi tal-azzjoni dwar il-klima li qed tittieħed mill-Kattoliċi, żied jgħid Insua li kompla josserva li l-Papa talab li Angela Merkel biex issaħħaħ il-ftehim dwar il-klima li kien intlaħaq fil-laqgħa tal-G20 f’Pariġi.

Bosta organizzazzjonijiet Kattoliċi dan l-aħħar ma baqgħux jużaw prodotti tal-fjuwel li ġej mill-fossili; qabel ma’ bdiet il-laqgħa tal-G7 li saret dan l-aħħar f’Taormina, il-Moviment Kattoliku Dinji għall-Klima ingħaqad ma’ Nsara ta’ denominazzjonijiet oħra biex jitlob lill-gvernijiet jieħdu azzjoni serja u qawwija dwar il-problema tal-klima, filwaqt li d-Direttur Esekuttiv tal-Moviment ingħaqad ma’ mexxejja politiċi u reliġjużi li flimkien ma’ għadd ta’ xjenzjati prominenti kitbu ittra fin-Nature Magazine biex jixprunaw lill-G20 ħalli jagħrfu kemm hi urġenti din il-kriżi tal-klima dinjija.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading