Il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 16 Lulju 2017: “Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.” Dalgħodu waqt il-quddiesa laqtitni dis-silta. Min jaf kemm drabi smajtha! Imma llum bħal donnu kienet qed tingħad lili għall-ewwel darba. Fiha Kristu kien qed jikkwota lill-Profeta Isaija (6:10) imma minkejja li għaddew dawn is-sekli kollha, il-bniedem bħal donnu għadu l-istess; iħares u ma jarax, jisma’ u ma jifhimx.

Xi żmien ilu qrajt ktieb ta’ John Horvat, Return to Order. Fih jagħti eżemplju ta’ vapur fuq cruise dejjiemi, bil-baned idoqqu, teatri mimlija u r-restoranti iffullati. Fuqu, kulħadd kien ikun jixxala u jiddeverti u ħadd ma kien qed jimpurtah minn xejn aktar. Ħadd ma ntebaħ li l-flushom kienu qed jonqsu u d-djunhom joktru.

Uħud mill-membri tal-crew bdew jintebħu li l-provisti bdew jiskarsaw u li l-vapur kien wasal għal dawra sewwa. Imma ħadd ma kellu l-kuraġġ li jwaqqaf dik id-divertita. Fuq kollox, uħud minnhom kien sejrin tajjeb huma wkoll.
Il-vapur ta’ Horvat huwa xbieha perfetta tas-soċjetà ta’ żmienna. Il-qasma fost il-popli hija kbira, evidenti u ta’diversi għamliet; soċjali, politiċi, ekonomiċi, etniċi, reliġjużi, u tant oħrajn. Il-valuri umani u morali huma taħt attakk kontiwu, waqt li mhux biss fuq ix-xefaq, imma wkoll fi xtutna u fi djarna qed jidhru kuljum id-disastri tal-biki li tħalli warajha din il-gwerra diabolika kontra l-famija, kontra l-bniedem u kontra l-ħajja stess.

Illum ukoll, uħud għadhom isibu l-kuraġġ jgħajjtu li l-vapur qed jagħmel l-ilma u riesaq lejn riskju serju li jegħreq, imma leħinhom kien mitfi mill-istorbju tax-xalar bla rażan tal-bqija. U l-vapur ikomplu jsalpa ‘l barra, minkejja li l-baħrin qed jintebħu bil-maltempata kbira li riesqa lejhom. Imma anke dawn, ħafna minnhom huma parti mix-xalata. Imma għaliex?

U fis-silta tal-qari li kellna dalgħodu waqt il-quddiesa, Kristu kompla jikkwota minn Isaija, “Għax qalb dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.

Joe Farrugia

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading