Lectio Divina: 19  Ħadd Matul Sena  A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu:  Il-ħadd li għadda rajna ‘l Ġesu jitma eluf ta’ nies, u jipproponilhom dinja ġdida fejn kulħadd se jkolli ikel biżżejjed biex jgħix.  Meta n-nies xebgħu, Ġesu “jġiegħel” lill-Appostli jmorru x-xatt l-ieħor. Fil-lingwaġġ Evanġeliku, “ix-xatt l-ieħor” kien ifisser in-naħa tal-pagani. Il-Lhud ma kinux iħobbu jmorru hemm, għalhekk Ġesu kellu “jġiegħlhom”. Bagħthom waħedhom waqt li hu baqa’ waħdu jitlob.  Kien ġa tard qabel ma temgħu n-nies, u issa kien wasal biex jidlam.  Il-Baħar (għadira) tal-Galilija mhux kbir ħafna, u wieħed seta’ jaqsam minn naħa għal oħra fi ftit ħin.  Imma l-Appostli “kellhom ir-riħ kontrihom”. Ġesu bagħthom xorta waħda għax, wara li temagħhom bil-ħobż u qawwihom bil-proposta ta’ dinja ġdida, kellhom iwasslu din l-Aħbar Tajba lil kulħadd, anki lill-pagani.  Għax din l-Aħbar hija l-Kelma tal-Imgħallem.  Kien hemm tnax-il qoffa, għax kull Appostlu dak in-nhar wassal lin-nies il-ħobż materjali flimkien mal-ħobż tal-ħajja.  Biex ikomplu l-missjoni tagħhom, l-Appostli kellhom jitilgħu fuq id-dgħajsa, i.e. jagħmlu parti mill-Kommunita Nisranija: il-Knisja, fil-waqt li Ġesu jitla’fuq il-muntanja, i.e. jidħol fid-dinja tal-Missier Etern.

  1. Fuq id-dgħajsa għandna n-nuqqas tad-dawl tax-xemx, u n-nuqqas tal-preżenza ta’ Ġesu. Meta jiġri hekk, ta’ spiss jinqala’ xi għawġ u jibdew jinbtu d-dubji. Din tifforma parti mill-ħajja tagħna.  Id-dgħajsa kienet f’nofs ta’ baħar titħabat mal-mewġ. Fil-lingwaġġ Bibliku, it-tempesta, l-aktar dik ta’ fuq il-baħar, hija xi ħaġa li twassal għall-mewt. Il-mewġ qalil ifisser kulma hu kuntrarju għall-ħajja.  Għalhekk il-Lhud, meta kienu jinqabdu fiha, kienu jitwerwru.  L-Appostli hawn jaqbadhom paniku kbir għax Ġesu ma kienx magħhom. Kull tant dan jiġri lilna, meta nħossu li Ġesu abbandunana, u arana nintlew bid-dubji. “Alla biss jista’ jimxi fuq il-mewġ tal-baħar” (Ġob). Niftakru li Alla wkoll fired il-Baħar l-Aħmar biex jaqsmu l-Lhud, għax Alla hu sid ukoll fuq il-mewġ, i.e. fuq il-forzi kollha li huma kontra l-ħajja.
  2. Il-mewġ beda jħabbat id-dgħajsa ‘l hawn u ‘l hinn, u jgħaddiha mill-prova permezz ta’ ħafna diffikultajiet, għax did-dgħajsa sejra tħabbar dinja ġdida. Ir-riħ kontra, i.e. dawk li jridu jkomplu jgħixu ħajja tal-poter, l-egoiżmu, il-vjolenza, eċċ, se jagħmlu minn kollox biex did-dgħajsa ma taqdix il-missjoni tagħha. Kif l-Appostli beżgħu li dar-riħ kien qawwi wisq għalihom, se jgħarraqhom u hekk se tfalli l-missjoni tagħhom, hekk jiġrilna aħna kull tant. Niskuraġġjaw ruħna meta naraw tant affarijiet sejrin żmerċ.
  3. Kif beda jbexbex,Ġesu jidher miexi fuq il-baħar. Billi Alla biss seta’ jimxi fuq il-baħar, u billi kienu għadhom ma għarfux eżatt liema kienet l-identita awtentika ta’ Ġesu, i.e. li kien Alla, ħasbuh fantażma. Ġesu hu l-Iben t’Alla li ġie jgħammar fostna, imma dan l-Appostli jifhmuh wara l-Għid. Meta raw dil-“fantażma” l-Appostli twerwru bdew jgħajtu. Ġesu jaċċertahom: “Tibżgħux. Jien Hu!” Din hi paġna tejoloġika. B’dan ir-rakkont, Mattew irid ipinġilna l-qagħda tal-ewwel komunitajiet Insara, li kienu mħabbtin u mħawdin b’ħafna dubji, diffikultajiet u affarijiet kontrihom. Kienu diżorjentati bil-fatt li Ġesu ma kienx fiżikament preżenti fosthom. Beda jonqoshom il-kuraġġ u s-sigurta.  Mattew irid jassigurahom li Ġesu xorta hu preżenti fosthom, imma mhux bħal meta kien qabel il-Passjoni.  Issa jinsab taħt forma differenti, il-forma ta’ wara l-Qawmien.  Mattew ma setax isib kelma biex jispjega dan l-istat glorjuż ta’ Ġesu.  Għalhekk, biex forsi dawn l-Insara jifhmuh ftit, juża l-kelma “fantażma”, li hi kelma pjuttost fqira biex tiddefinixxi sew “Kristu Rxoxt”.  Allura Ġesu jiċċara ma’ l-Appostli: “Le, m’inix fantażma. Huwa jien, imma taħt kundizzjoni differenti, i.e. kif se nkun wara li nqum mill-mewt.”
  4. “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk.” Pietru aċċetta l-Aħbar it-Tajba u l-proposta ġdida ta’ Ġesu għal dinja ġdida. Biex iwettaq din il-proposta, Pietru hemm bżonn li jmut għall-egoiżmu u s-suppervja tiegħu. Jasal ukoll biex jagħti ħajtu għall-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesu. Ġesu jsejjaħlu ħdejh. Dment li Pietru jsammar il-ħarsa tiegħu fuq Ġesu, l-ebda mewġ, l-ebda riħ qawwi, l-ebda diffikulta u l-ebda tifxkil ieħor ma jżommu mill-mixja tiegħu lejn Ġesu.  Iżda meta beda jħares kemm kienu qawwijin il-mewġ u  l-irwiefen kontrih,  u ma baqax iħares lejn wiċċ Kristu, bdew id-dubji, il-qtigħ il-qalb u l-biża’ tal-għarqa.  Aħna għandna bżonn nagħmlu bħal Pietru u niffissaw il-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ adorabbli ta’ Ġesu, u b’hekk, l-ebda tentazzjoni, dubju u tfixkil ieħor ma jkun biżżejjed biex iwaqqafna fil-mixja tagħna lejn il-Mulej u s-Saltna Tiegħu.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/frfernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading