Vanġelu: Ġesu jmur mad-dixxipli Tiegħu f’art pagana. Dan jagħmlu għax kien għadu kif kellu argument mal-Iskribi u l-Fariżej. Dawn ilmentaw għax Ġesu kien iħalli l-Appostli ma josservawx it-tradizzjonijiet tagħhom. Ġesu jgħajjarhom ipokriti, għax fil-waqt li jintilfu fl-irqaqat u r-regoli li vvintaw huma, jittraskuraw il-Kmandamenti. Per eżempju, kien obbligu li wieħed jieħu ħsieb il-ġenituri tiegħu. Dawn ivvintaw kelma: korban, i.e. offerta qaddisa. Għalihom dil-offerta kienet teħlishom mill-obbligu lejn il-ġenituri. Wara dan l-argument jaħraq, l-Iskribi u l-Fariżej telqu. L-Appostli ġibdu l-attenzjoni ta’ Ġesu li dawn skandalizzaw ruħhom. Ġesu jċanfar lill-Appostli għall-moħħ magħluq li għandhom. Per eżempju, kienu għadhom bit-tagħlim ta’ dari li s-salvazzjoni hija biss għal-Lhud. Ir-regoli tal-Fariżej kienu qed itaqqlu u jfixklu r-relazzjoni tajba li wieħed għandu jkollu mal-Missier Etern. “Mhux dak li jidħol fil-bniedem iniġġsu, imma dak li joħroġ mill-qalb tal-bniedem: malafama, adulterju, impurita, gideb, eċċ.”
- Ġesu telaq lejn l-inħawi ta’ Tir u Sidon. Proprjament mhux “telaq” imma “ħareġ”, qisu ma felaħx aktar b’dil-mentalita magħluqa tal-Lhud. Bħal meta l-Lhud kienu lsiera fl-Eġittu, u “ħarġu” minn hemm għall-spazju aktar miftuħ u liberu. Gesu wkoll ħa t-tagħlim tar-Rabbini f’żogħżitu. Issa dat-tagħlim ħassu qed joħonqu, u bħal donnu kellu bżonn ifittex ftit spazju aktar wiesgħa, liberu u ‘l bogħod mill-Lhud. Hawn jiltaqa’ ma’ mara Kangħanija li ma waqfitx tgħajjat: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David. Binti għandha fiha xitan u magħdura ħafna.” Dil-mara tirrappreżenta lill-komunita pagana, dik il-parti tal-umanita li kienet għada ma ltaqgħetx ma’ Kristu. It-tifla tagħha kienet taħt il-ħakma tax-xitan li kien qed jisirqilha l-umanita tagħha, u b’hekk ma setgħetx tkompli fil-mixja tagħha lejn il-ħajja. Kieku baqgħet hekk, għandu mnejn kien ikollha t-tfal li jaqgħu taħt l-istess għawġ. Għall-ewwel Ġesu ma jgħid xejn. Qisu qed jgħid bejnu u bejn ruħu: “Jien ġejt fid-dinja l-ewwel għal-Lhud.” Id-dixxipli jitolbu ‘l Ġesu jkeċċiha ‘l hemm biex jeħilsu minnha għax dejqithom tgħajjat. Id-dixxipli kienu għadhom ma fehmux li anki l-pagani għandhom l-għatx għall-Kelma ta’ Kristu. Xorta waħda għalissa Ġesu jgħidilha: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.” Hi nxteħtet f’riġlejh u talbitu bil-ħniena: “Għinni, Mulej!” Hija l-karba tal-poplu pagan li għandu bżonn jisma’ l-Kelma tal-Messija. Il-mara qalbha bħal donnu ħebritha li dil-Kelma m’hijiex biss għall-poplu Lhudi. L-umanita pagana bil-ħajja tagħhom ta’ gwerer, vjolenza skjavitu, eċċ kienet maħkuma mix-xitan. Dil-mara fehmet li, biex ikeċċu dax-xitan minn fosthom, kellhom bżonn il-Kelma ta’ Ġesu ta’ Nazareth.
- Ġesu jwieġeb: “Mhux sew tieħu l-ħobż tal-ulied u tixtħu lill-ġriewi.” Dan kien kliem iebes għax il-Lhud kienu jqisu lilhom infushom bħala l-ulied leġittimi (ta’ Abraham) u l-pagani bħala l-klieb tal-familja. Il-ħobż kien għall-ulied biss. Niftakru li hawn il-ħobż ifisser il-Kelma t’Alla li twassal għas-salvazzjoni. Hawn min jaħseb li Ġesu ma fejjaqx it-tifla mill-ewwel biex jissottometti lil ommha għal prova. Fil-fatt Ġesu kien qed iżomm mal-programm Tiegħu li jwassal il-kelma Tiegħu lill-Lhud. Il-pagani kien se jasal għalihom aktar tard jekk mhux iħallihom f’idejn l-Appostli wara Pentekoste. Iżda dil-mara taħsdu b’dan il-kliem: “Iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom. Farka waħda mill-Kelma Tiegħek hi biżżejjed biex tfejjaq il-paganiżmu tagħna u tkeċċilna x-xitan minn ġo nofsna.” Ġesu baqa’ meraviljat, bħal meta n-nies ta’ Nazareth ma ridux jafu bih, jew meta fejjaq il-lavrant taċ-ċenturjun. Forsi wkoll ftakar meta kien qal: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda….” “Mara, il-fidi tiegħek kbira. Ħa jsirlek kif tixtieq.”
- Ġesu ma wettaq l-ebda eżorċismu. Farka fidi fiH u fil-qawwa tal-Kelma Tiegħu kienet biżżejjed biex tkeċċi x-xitan minn bint dik il-mara. Anki fid-dinja pagana tal-lum, fejn hemm għatx kbir għall-Kelma t’Alla, farka fidi hi biżżejjed biex jixxejnu l-isforzi tal-egoiżmu, vjolenza, poter, eċċ b’mod straordinarju. Mhux ta’ b’xejn ħafna jagħmlu minn kollox biex joħonqu l-vuċijiet tal-Knisja, il-Papa u l-Isqfijiet. Dawn xorta waħda jkomplu jxandru l-Kelma t’Alla akkost ta’ kritika ħarxa, akkużi ta’ ndħil politiku, eċċ., għax għandu mnejn li din il-kritika u dawn l-akkużi m’huma xejn ħlief għajta għall-għajnuna.
Sors: lachiesa.it/liturgua/omelie/frfernando armellini