L-Ittri Pastorali tal-Isqof Mario Grech miġbura fi ktieb

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 10 ta’ Jannar 2018. Il-Lumen Christi Publications, id-Dar Pubblikatriċi tad-Djoċesi ta’ Għawdex, għadha kemm ħarġet il-ktieb Mario Grech. Ittri pastorali 2006-2017, volum li jiġbor 46 Ittra Pastorali li l-Isqof ta’ Għawdex – waħdu jew flimkien mal-Isqfijiet Maltin – kiteb lill-Poplu ta’ Alla fuq medda ta’ tnax-il sena.

mario-grech-ittri-pastorali-2006-2017.jpgFost dawn hemm l-Ittri Pastorali li l-Isqfijiet joħorġu flimkien kull sena għaż-żmien tar-Randan u għall-Festa ta’ Santa Marija, imma wkoll oħrajn miktuba għal okkażjonijiet apposta, bħalma kienu ż-żjara f’Malta tal-Papa Benedittu XVI, il-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, kif ukoll qabel l-elezzjonijiet ġenerali jew id-dħul ta’ liġi importanti f’Malta. L-Ittri jirriflettu l-attenzjoni u l-imħabba ta’ omm li għandha l-Knisja għas-soċjetà Maltija, u għalhekk it-temi tagħhom ma humiex biss ta’ natura teoloġika jew reliġjuża, imma anki soċjali. Dawn ivarjaw mill-vizzji li bihom mifnija s-soċjetà, bħad-droga, l-alkoħol u l-vjolenza domestika, għal oħrajn attwalissmi bħas-sesswalità u l-għaqda tal-familja. F’dawn il-kitbiet, tinħass il-pinna mirquma u l-qalb ta’ missier li jħoss li bħala Ragħaj għandu jindirizza lill-Knisja lokali dwar temi importanti li jkunu jolqtu lill-bniedem fil-qagħda tiegħu tal-lum.

Barra introduzzjoni ta’ Mons. Anton Borg, il-ktieb ta’ 320 paġna għandu fl-aħħar tiegħu werrej tematiku li jgħin lill-qarrej isib x’jgħallem il-Maġisteru lokali dwar xi suġġett jew ieħor f’dawn l-Ittri.

Mario Grech. Ittri pastorali 2006-2017 jinsab għall-bejgħ għall-prezz ta’ €20 mill-ħwienet ewlenin f’Malta u Għawdex, kif ukoll mill-Kurja tal-Isqof fil-Belt Victoria.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading