Ir-Randan Żmien ta’ Namur

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 14 ta’ Frar 2018:  Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta, Il-Belt Victoria, fl-Erbgħa tar-Rmied

Illum, waqt li l-Knisja tagħti bidu solenni għar-Randan, is-soċjetà ċivili qed tiċċelebra l-festa ta’ San Valentinu. Forsi ftit jgħaddilhom minn rashom li hemm paralleliżmu bejn dawn iż-żewġ ċelebrazzjonijiet, u l-festa ta’ San Valentinu tista’ tkun okkażjoni tajba biex ninawguraw dawn l-erbgħin jum tar-Randan. Għax kemm il-waħda u kemm l-oħra huma marbuta mal-imħabba.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/401879568″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=true” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

 

Filwaqt li llum, festa ta’ San Valentinu, il-koppji jistqarru l-imħabba lejn xulxin, dan iż-żmien liturġiku tar-Randan iwassalna għall-Għid il-Kbir, li fi kliem Santu Wistin huwa ż-żwieġ bejn Kristu u l-Knisja. Huwa għalhekk li nixtieq nipproponi r-Randan bħala żmien ta’ namur ma’ Alla.

Fil-fatt, l-Isqof ta’ Ippona jgħid li “l-Ħaruf bla tebgħa kien maqtul għall-festa tat-tieġ. Inqatel għat-tieġ u tema’ bil-laħam tiegħu stess lil dawk li stieden. Bil-mewt tiegħu ħejja l-ikla, u Rxuxtat iċċelebra ż-żwieġ. B’rieda sħiħa bata l-passjoni u l-mewt; imqajjem mill-mewt, kellu l-Għarusa [il-Knisja] magħżula minn qabel” (Serm., 372,2).

IMG_2441

Dan il-ħsieb jiżviluppa ukoll l-Isqof Ġakbu minn Sarug (451), teologu li jħabbatha ma’ San Efrem is-Sirjaku. F’waħda mill-omelji tiegħu dan jgħid li “l-kustat tal-Għarus kien minfud u minnu ħarġet l-Għarusa [il-Knisja] kif ġara fil-każ ta’ Adam u Eva. L-Għarus imwiegħed daħħal lil bint il-jum f’ġuf ġdid u l-ilma tal-Magħmudija kien bħall-ilma li joħroġ mill-ġuf qabel it-twelid… Hi rċivietu fl-Ewkaristija u hekk it-tnejn saru ġisem wieħed. Liema għarus ser imut għall-għarusa tiegħu jekk mhux il-Mulej? Jew liema għarusa ser tagħżel bniedem imbiċċer biex ikun żewġha? Min fost il-bnedmin qatt ta demmu bħala rigal tat-tieġ, jekk mhux il-Kurċifiss li ssiġilla ż-żwieġ fil-feriti tiegħu stess? F’liema festa ta’ tieġ, ħlief f’din, kissru l-ġisem tal-Għarus u tawh lill-mistiedna flok ma qasmu ikel ieħor? Il-mewt tifred lin-nisa miżżewġa minn żwieġhom, imma hawnhekk il-mewt tgħaqqad l-Għarusa mal-Maħbub.  Huwa miet fuq is-salib, ta ġismu lill-Għarusa mżejna bil-glorja, li laqgħetu u tieklu kuljum fuq il-mejda. Hi dilkitu biż-żejt, libbsitu fl-ilma, tikkunsmah fil-Ħobż, tixorbu fl-Inbid, sabiex id-dinja tagħraf li huma t-tnejn saru ħaġa waħda. Huwa miet fuq is-salib, imma hi ma bidlitux ma’ ħaddieħor; hi mimlija bl-imħabba għall-mewt tiegħu għax taf li hi tgħix għax hu miet” (Omelija 79, Il-velu li jgħatti wiċċ Mosè).

Dawn ir-riflessjonijiet jgħinuna nisfruttaw dan iż-żmien tar-Randan billi matul dawn l-erbgħin jum infittxu ninnamraw mal-Għarus (Ġesù) biex nhar l-Għid il-Kbir aħna, membri tal-Knisja, insibu postna fis-sala tat-tieġ u nieħdu sehem mill-ikla tal-Ħaruf. Jekk ma nħallux tmur fix-xejn il-grazzja ta’ dan iż-żmien liturġiku tar-Randan, allura dakinhar tal-Għid inkunu henjin fost “il-mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf”, u flimkien mal-awtur tal-Apokalissi nistgħu ngħidu: “Nifirħu u nithennew u nagħtuh glorja, għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha u lilha ngħata li tilbes għażel fin jgħammex l-għajnejn” (Apok 19:79).

F’dan il-kuntest niftakar f’dak li jgħid il-Profeta Hosegħa, l-ewwel fost il-profeti li jinqeda bit-tixbiha ta’ żewġ maħbubin biex jiddeskrivi r-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu. Alla jordna lill-Profeta biex jieħu bħala martu waħda prostituta. Għalkemm Hosegħa kien iħobbha, Gomer ma tirreċiprokax din l-imħabba u terġa’ lura għall-prostituzzjoni. Hosegħa kellu d-dritt li jagħtiha d-divorzju u jibgħatha, imma jibqa’ jħobbha, jissaportiha u jistennieha sakemm terġa’ lura għandu.

Permezz ta’ din l-istorja l-profeta ried jirrakkonta l-istorja tal-poplu Lhudi. Minkejja li Alla kien għamel patt magħhom u għażilhom bħala l-poplu tiegħu, il-Lhud kienu tħassru spiritwalment u soċjalment. Il-profeta jagħtina ritratt tas-sitwazzjoni meta jgħid: “M’hemmx fedeltà u lanqas tjieba, ħalf u gideb, qtil u serq; u kotra ta’ adulterji, vjolenza fil-pajjiż u delitt fuq ieħor” (4:1b-2). Il-fidi tagħhom tant marret il-baħar illi ma setgħux jifhmu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fosthom – fuq għajnejhom waqa’ għamad tant li ma kinux kapaċi japprezzaw dak li kienet twasslilhom il-Providenza: “Hi ma għarfitx li kont jien li tajtha l-qamħ u l-inbid u ż-żejt u kattartilha l-fidda u d-deheb li bihom għamlu ’l Bagħal” (2:10). Nibtet mentalità li Alla ma kienx aktar relevanti għal ħajjithom. Il-fidi ma kienet għadha tfisser xejn għalihom u dak li kien kollox sar bla tifsira – dak li kien iċ-ċentru, twarrab. Kien għalhekk li bdew jagħmlu għażliet u alleanzi politiċi li kienu jmorru kontra r-rieda ta’ Alla. Għalhekk, bħal Gomer, il-Lhud tefgħu wara spallejhom l-għożża ta’ Alla li ħa grazzja magħhom u taw wiċċ lil allat oħra – bħal Gomer huma ttradew lil Alla u wettqu adulterju reliġjuż.

Imma kif Hosegħa mexa ma’ martu Gomer b’ħafna sabar u baqa’ jistennieha sakemm irritornat għandu, hekk Alla jibqa’ jistenna lill-poplu tiegħu u jagħtih iż-żmien biex jikkonverti u jerġa’ lura fi ħdanu. Hosegħa jinnota: “Qalli l-Mulej: Erġa’ mur ħobb il-mara, maħbuba minn żewġha, li ħallietu biex tingħaqad ma’ rġiel oħra; l-istess kif il-Mulej iħobb ’l ulied Iżrael, għalkemm huma jduru lejn allat oħra u jħobbu l-ftajjar taż-żbib” (3:1).

Dak li qed ngħid għas-soċjetà ta’ żmien Hosegħa japplika għalina llum. Qegħdin nirriskjaw li aħna, li aħna l-poplu ta’ Alla, ma nibqgħux il-poplu tiegħu; aħna li ħadna sehem fl-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf, kapaċi naslu biex nittradixxu lill-Għarus. Imma anki jekk aħna nitilqu lil Alla, Alla ma jitlaqniex u jibqa’ jistenniena. Huwa għalhekk li l-festa ta’ San Valentinu taf tgħinna napprofittaw minn dan iż-żmien qaddis tar-Randan. Nixtieq ħafna li dawk li llum jiltaqgħu biex jiċċelebraw il-festa tal-imħabba, jgħożżu lil xulxin u ma jittradux lil xulxin. Imma biex il-bniedem jerġa’ jiskopri l-ġmiel tal-fedeltà (mhux biss fiż-żwieġ imma f’diversi aspetti tal-ħajja tagħna: fedeltà fil-vokazzjoni, fedeltà fuq ix-xogħol, fedeltà fost il-ħbieb, fedeltà lejn il-mandat li jkunu fdawlek…), bħalma seħħ ma’ Gomer, mara li farrket il-fedeltà imma skopriet li żewġha xorta baqa’ fidil lejha, hekk Alla għadu u jibqa’ fidil lejna minkejja li nkunu qlibnihielu.

Hemm ċerti passaġġi fil-ktieb ta’ Hosegħa li għandhom qawwa li jsaħħruna, meta jiddeskrivi l-fedeltà ta’ Alla. Biżżejjed insemmu x’għamel Alla mal-Lhud biex ħelishom mill-jasar tal-Eġittu: “Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni. Imma aktar ma sejjaħtilhom, aktar tbiegħdu minni; offrew sagrifiċċji lill-Bagħalim u baħħru quddiem l-idoli. Kont jien li lil Efrajn għallimtu jimxi, erfajthom fuq dirgħajja, iżda huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom. Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba, u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha” (Hos 11:1-4).

Għalhekk nixtieq nipproponi dan ir-Randan bħala żmien ta’ namur ma’ Alla biex niskopru kemm iħobbna. Alla tant ħabb id-dinja li taha lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Din l-imħabba ta’ Kristu ssib l-aqwa espressjoni tagħha fil-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Huwa biss meta aħna nintebħu bl-għoli u l-fond, il-wisa’ u t-tul ta’ din l-imħabba ta’ Kristu għalina, li aħna nibdew il-proċess tal-konverżjoni biex ninfatmu mid-dnub tagħna.

Huwa għalhekk li fil-bidu ta’ dan ir-Randan il-Knisja tfakkarna fis-siwi tat-talb, tas-sawm u l-karità. It-talb huwa dak il-ħin fejn il-qalb tagħna titkellem mal-qalb tal-Maħbub – fejn nistgħu nitgħaxxqu bil-ġmiel tiegħu. Nissuġġerixxi li nikkunsidraw jekk matul ir-Randan nistgħux insibu ħin biex nieħdu sehem fil-quddiesa ta’ kuljum li tagħtina l-possibbiltà li nisimgħu l-Kelma u nieħdu sehem mill-mejda Ewkaristika.

Imbagħad hemm is-sawm, li barra li huwa għamla ta’ penitenza, jista’ jkun espressjoni ta’ stennija ħerqana ta’ min qed jistenna lill-Għarus. Fil-fatt, is-sawma ta’ nhar Sibt il-Għid hija differenti minn dik ta’ Ras ir-Randan u ta’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Filwaqt li f’dawn il-jumejn is-sawm huwa ta’ natura penitenzjali, nhar Sibt il-Għid l-Għarusa ssum għax ma jkollhiex sabar tiekol, għax tkun qed tistenna lill-Għarus ħiereġ mill-qabar.

Ħa timtela qalbna bl-imħabba matul dan ir-Randan ta’ namur ma’ Ġesù, għax l-istess imħabba mbagħad twassalna biex ngħixu l-karità kemm billi naħdmu ħalli ntejbu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u kemm billi ngħinu lill-foqra.

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading