L-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka filgħodu fil-Katidral ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 29 ta’ Marzu 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut, f’Ħamis ix-Xirka, filgħodu, fil-Katidral ta’ Għawdex.  Il-quddiesa kienet ippreseduta mill-E.T. Mons. Arċisqof Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku fil-Korea u l-Mongolja. Din kienet l-ewwel liturġija solenni li hu mexxa bħala Isqof. L-Arċisqof Xuereb kien akkumpanjat mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, u għadd sabiħ ta’ saċerdoti u reliġjużi mid-Djoċesi.  L-Omelija saret mill-Isqof Mario Grech.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/421810932″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IS-SAĊERDOT ĦABIB TAL-FOQRA

Wara tletin sena ta’ ħajja moħbija, meta waslet is-siegħa li jikxef l-identità tiegħu, Ġesù jmur fis-sinagoga ta’ beltu u jinqeda bi kliem il-profeta Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18). Ġesù ma jagħżilx silta li titkellem fuq il-missjoni reliġjuża tiegħu, imma passaġġ li jippreżentah bħala bniedem misjuq mill-karità lejn il-foqra; Ġesù ma jiddeskrivix lilu nnifsu bħala saċerdot addett għat-Tempju biex jagħmel ir-ritwali jew joffri s-sagrifiċċji, imma bniedem li għandu qalbu tfawwar bit-tjubija, l-imħabba u l-kompassjoni għall-foqra.

 

F’din is-silta għandna r-rivelazzjoni ta’ min hu l-Iben ta’ Alla li sar bniedem: ħabib tal-foqra. Fil-Vanġeli aktar niltaqgħu mal-kelma ‘fqajrin’ milli mal-kelma ‘midinbin’. Għax il-Vanġelu mhux moralista imma qawwa li teħles lill-bniedem minn kull għamla ta’ oppressjoni. Il-Bxara t-tajba ta’ Ġesù mhix proposta ta’ xi morali ġdida, anki jekk il-morali Nisranija hija l-aktar morali li tista’ tgawdi minnha l-istorja. Il-Vanġelu ta’ Ġesù mhux l-ewwel u qabel kollox il-maħfra tad-dnubiet; imma kliem Ġesù jrid jgħinna nilqgħu l-verità li Alla huwa għall-bniedem, li għal Alla l-bniedem huwa kollox tant li Alla jinsa lilu nnifsu biex iqiegħed lill-bniedem sewwa. Ġesù huwa dak li juża l-qawwa tiegħu kollha biex itaffi minn fuq spallejn il-bniedem kull tagħbija esterna u interna li qiegħda ġġagħlu jilgħaq l-art!

 

Għalhekk sa mill-bidu nett tal-missjoni tiegħu Ġesù jagħmel din l-istqarrija: “L-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrani biex nevanġelizza lill-foqra”. Fi kliem il-Papa Franġisku, “nevanġelizzaw lill-foqra jfisser li aħna nkunu qrib tagħhom, li aħna bil-ferħ naqduhom u neħilsuhom mill-oppressjoni, u dan kollu f’isem l-Ispirtu ta’ Kristu, għax hu l-Vanġelu ta’ Alla, hu l-miżerikordja ta’ Alla, hu l-fidwa li ġejja minn Alla, hu li ftaqar biex mill-faqar tiegħu stajna nistagħnew”.

 

Insib interessanti l-kumment li hawnhekk jagħmel il-Papa: “Probabbilment fi żmien Ġesù l-foqra ma kinux fil-qalba tal-komunità li temmen” (ara 24 ta’ Jannar 2016). X’aktarx li l-foqra kienu esklużi kemm mis-sinagoga u kemm mis-salotti tal-poter! Imma llum il-foqra għandhom wisa’ fil-komunitajiet parrokkjali tagħna, jew inbewġuhom mis-sagristiji tagħna? Aħna leali għall-Vanġelu ta’ Kristu? Hija tassew ħasra li fi żminijietna l-foqra saru ballun fl-arena politika, għax filwaqt li hemm min għandu interess li jsemmihom, hemm imbagħad min jipprova jaħbihom! Il-problema hi li l-foqra qajla jista’ jkollhom rappreżentanti politiċi li jaqbżu dejjem għalihom, għax l-elezzjonijiet jiswew ħafna flus u l-foqra ma humiex f’qagħda li jisponsorjaw jew jixtru!

 

Bħal Kristu, is-Saċerdot il-kbir, aħna l-presbiteri aħna msejħa nisimgħu l-karba tal-foqra. “Għall-Knisja, l-għażla favur il-foqra hi kategorija teoloġika, qabel ma hi kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika. Alla lilhom irodd ‘l-ewwel ħniena tiegħu’. Din il-preferenza divina għandha konsegwenzi fuq il-ħajja tal-fidi tal-Insara kollha, imsejħa biex ‘jaħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”… L-għażla favur il-foqra hi sura speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fl-eżerċizzju tal-imħabba Nisranija… Fil-foqra msejħin niskopru lil Kristu, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawża tagħhom, imma anki li nkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 198).

 

Peress li fil-memorja kollettiva s-saċerdot huwa l-bniedem tal-kult, inħeġġiġkom biex niżnu x’inhi d-dimensjoni etika tal-liturġija u l-impenn tagħna li niċċelebraw l-Ewkaristija li, kemm individwalment u kemm bħala Knisja, naqsmu dak li għandna – fractio panis ­– ma’ dawk li ma għandhomx. Ma nistgħux inkomplu ninjoraw din ir-rabta li hemm bejn il-liturġija u l-foqra, għaliex kemm il-Kelma ta’ Alla u kemm it-Tradizzjoni jgħidulna li hija din l-attenzjoni lejn il-foqra li tagħmel il-kult veru. Il-kult li jogħġob lil Alla huwa dak fejn hemm ġustizzja mal-fqar, tqassim ekwu tal-ġid ma’ min qed jgħix fil-miżerja, u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt fir-rigward ta’ min hu soċjalment oppress. In-Nisrani, u iktar u iktar il-presbiteru, ma jistax jiċċelebra l-liturġija u fl-istess waqt jagħlaq widnejh għall-karba tal-foqra.

 

Helder Camara jikteb hekk: “L-Ewkaristija li nirċievu fil-punt tal-mewt tissejjaħ vjatku: dik li takkumpanja lill-bniedem fl-aħħar vjaġġ tiegħu. Imma xi nsejħulha l-Ewkaristija li nirċievu aħna li qed ngħixu f’kuntest ta’ ġustizzja? Ma nilludux ruħna: id-dinja taf b’dan l-iskandlu. Huma Nsara, jew almenu kienu Nsara, dawk l-20% tal-umanità li għandhom f’idejhom 80% tar-riżorsi tal-art. X’ġara mill-Ewkaristija? Kif nirrikonċiljaw l-Ewkaristija ma’ din l-inġustizzja, bint l-egoiżmu?”.

 

Dawn il-mistoqsijiet Helder Camara ma jagħmilhomx lill-ekonomisti jew lin-nies li jaħdmu fil-qasam tal-finanzi; imma jagħmilhom lilna bħala Knisja li ma ngħaddux mingħajr ma nqaddsu, lilna li kuljum naqsmu l-ħobż fuq l-altar f’soċjetà fejn hawn il-faqar! Forsi jgħodd għalina dak li San Pawl jgħid lill-Insara ta’ Korintu: “Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fil-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx?” (1 Kor 11:22).

 

Meta jikkummenta dan il-passaġġ, San Ġwann Kriżostmu, Isqof ta’ Kostantinopli, jgħid: “L-Appostlu minflok ma jgħid ‘intom toqtlu lill-foqra bil-ġuħ’, jinqeda b’kelma aktar qawwija u jgħid ‘iġġegħluhom jistħu’. [Anzi l-Kriżostmu juża kelma aktar ħarxa: tħammrulhom wiċċhom]. F’dan, l-Appostlu ried jurina li kien wisq agħar li l-foqra jiġu umiljati milli li ma jirċevux x’jieklu”.

 

L-Ewkaristija hija għajn ta’ kull imġiba morali, għaliex min jieħu sehem fiha, jieħu sehem fl-ethos ta’ Kristu realment preżenti fl-Ewkaristija – Kristu li “minn għani ftaqar għalina”. Għalhekk il-liturġija tagħna hija l-liturġija tal-Fqir, liturġija li tħaddan etika tal-għotja, etika ta’ kondiviżjoni, etika ta’ solidarjetà. Għalhekk tajjeb li nżommu f’moħħna li bħala ministri tal-kult aħna dejjem esposti għar-riskju li nħammru wiċċ il-fqar. L-altar tal-Mulej huwa fl-istess waqt memorja tal-altar li huwa l-fqir. Fil-fatt fid-Didascalia nsibu: “Ir-romol u l-orfni huma għalikom bħal altar”, filwaqt li l-Kriżostmu jgħid: “Kull darba li taraw fqir li jemmen, ftakru li taħt għajnejkom hemm altar mhux biex tiddisprezzawh imma biex tirrispettawh”.

 

Ilkoll nafu kemm il-Kriżostmu għandu kliem iebes għal dawk li huma medhijin iżejnu l-altar, imbagħad jinsew lill-foqra – kliem li japplika għalina, għax hawn xi wħud jarmaw l-altar bħal mejda tal-qubbajt! Hu jilmenta li nużaw kalċijiet tad-deheb, imbagħad il-fqir ma għandux tazza biex jixrob; nużaw trieħi u drappijiet irrakkmati bid-deheb, imbagħad il-fqir jirżaħ bil-bard; niksu l-art u l-ħitan bl-irħam, imbagħad ma nħallux lill-pellegrin jidħol; il-lampieri mdendla bi ktejjen tal-fidda, u ma niftakrux f’dawk li hemm il-ħabs b’idejhom marbuta bil-ktajjen…

 

Jien għandi kliem ta’ apprezzament lejn dawk ta’ qabilna u dawk fostna li daħlu għall-ħidmiet fost il-foqra. Inħossni grat ħafna lejn numru sabiħ ta’ saċerdoti tagħna li jgħinu lill-foqra mingħajr daqq ta’ trombi. Nirrikonoxxi l-imħabba li l-Knisja f’Għawdex għandha lejn il-foqra fil-missjoni. Hija xewqa tiegħi li l-ħidma karitattiva tal-Knisja f’Għawdex tiġi kkonsolidata u mifruxa aktar. “Kull komunità tal-Knisja, jekk b’xi mod tippretendi li tista’ toqgħod bi kwietha bla ma tfittex mod kreattiv kif tagħti kas u tħabrek bi frott biex il-foqra jgħixu b’dinjità u biex kulħadd iħossu inkluż, tkun qed tirriskja wkoll li tiġi fix-xejn, anki jekk titkellem fuq temi soċjali jew tikkritika l-gvernijiet. Ma ddumx wisq biex tinbela’ fil-mondanità spiritwali, moħbija taħt il-qoxra ta’ prattiċi reliġjużi” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 207).

 

B’dispjaċir ngħid li ġieli pproponejt inizjattivi f’dan il-qasam imma ma sibtx koperazzjoni. Nistqarr li l-attenzjoni tal-Knisja lill-foqra tant tinsab f’qalbi li minkejja li għandi fiduċja sħiħa fis-Sezzjoni amministrattiva tad-Djoċesi, kultant nibża’ li mhux qed nagħtu attenzjoni biżżejjed lil Kristu preżenti fil-foqra. Fl-istess waqt jien konxju li bid-diliġenza u l-għaqal ta’ bonus paterfamilias illum irridu niżirgħu żerriegħa jew inħawlu siġar żgħar, bit-tama li ’l quddiem dawn jagħtu l-frott li minnu jgawdu wkoll il-foqra. Huwa fatt li ma għadux żmien li nagħmlu “opri” bla ħtieġa. Irridu nkunu profetiċi u jkollna l-kuraġġ li nagħmlu għażliet li ma jmorrux kontra l-istess Ewkaristija. Ma nemminx li hija raġuni li tiġġustifika jekk wieħed jgħid li n-nies huma ġenerużi u jikkontribwixxu. Dan huwa faqar evanġeliku u tajjeb li niffurmaw għalih.

 

Għalhekk, filwaqt li neżortakom biex tieħdu dawk l-inizjattivi pastorali biex “il-foqra f’kull komunità jħossuhom f’darhom” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 199), nirrakkomanda li d-Djoċesi tilqa’ l-proposta li qed jagħmlilna l-E.T. Mons. Alfred Xuereb biex b’xi mod ngħinu lill-Knisja fil-Mongolja. Mingħajr l-għażla preferenzjali għall-iżjed foqra, l-aħbar tal-Vanġelu, li fiha nnifisha hija l-ewwel forma ta’ karità, tkun fil-periklu li tkun mifhuma ħażin jew li tkun maħnuqa minn kwantità ta’ kliem li bih ninsabu mdawrin fis-soċjetà ta’ komunikazzjoni ta’ żmienna” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 199).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading