L-Isqof Mario Grech, fi tmiem is-Sena ta’ Formazzjoni u b’suffraġju ta’ Patri Arthur J. Vella sj

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 19 ta’ Ġunju 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fit-tmiem tas-Sena ta’ Formazzjoni u b’suffraġju ta’ Patri Arthur J. Vella sj fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.


2018 06 19 (2)

IL-BNIEDEM TA’ ALLA JURINA T-TRIQ

Elija kien jgħix f’kuntest soċjali korrott! Fi żmienu s-soċjetà kienet tħassret minn rasha tant li s-sultan Aħab u Ġeżabel organizzaw il-qtil ta’ Nabot biex setgħu jistagħnew. Min jaf kemm Elija ħassu konfuż meta Alla bagħtu jgħid lis-sultan: “Int bgħett ruħek biex tagħmel il-ħażin” (1 Slat 21:17-29)!

Għall-bniedem ta’ Alla din hija t-tensjoni ta’ kull epoka. Fil-fatt, is-soċjetà tagħna mhix ħafna aħjar minn dik ta’ żmien Elija. Illum tant messejna l-qiegħ li wasalna biex inqiegħdu f’riskju l-ħajja umana biex nagħmlu l-flus. Il-mistoqsija li tqum hija x’inhu mistenni minna li nagħmlu f’dan il-kuntest!

Nitħawdu wkoll meta nisimgħu lil Ġesù jgħidilna biex inħobbu lill-għedewwa tagħna u nitolbu għal min jippersegwitana. Hawnhekk Ġesù qed jitlob minna ħwejjeġ li huma kontra n-natura. Min minna jsibha faċli li jħobb lill-għadu tiegħu? Dawn huwa ċirkustanzi li jitilfuna u jikkonfonduna qatigħ!

Ġie f’idejja artiklu li deher fir-rivista Civiltà Cattolica tax-xahar li għadda, li jitkellem dwar introduzzjoni li kiteb il-Papa Franġisku (meta kien għadu Arċisqof ta’ Buenos Aires fl-1988) għall-ktieb jismu L-ittri tat-tribulazzjoni. Dawn huma tmien ittri miktuba minn żewġ Preposti Ġenerali tal-Ġiżwiti f’żewġ perjodi meta s-soċjetà kienet għaddejja minn inkwiet kbir: Padre L. Ricci sj kiteb fi żmien meta s-Soċjetà ġiet soppressa (1758), waqt li Padre J. Roothaan sj kien jgħix fi żmien il-liberaliżmu, l-illuminiżmu u l-modernità (1829). Fi żmien meta kien hemm dawn il-ġrajjiet storiċi u kulturali, ma kienx ħafif għall-Insara x’direzzjoni kellhom jieħdu. Dawn iż-żewġ Superjuri, Ricci u Roothaan, jiktbu lill-membri tal-Ordni tagħhom dwar kif kellhom iġibu ruħhom f’dawn il-kuntesti.

Huwa faċli li f’qagħdiet bħal dawn wieħed jibda jiddiskuti l-ideat, jeħodha kontra dawk li jkunu jippromovu t-tibdil, jew joqgħod jeqred u jilgħabha ta’ vittma! Fl-ittri tagħhom iż-żewġ Preposti Ġenerali ma joqogħdux jiddiskutu l-ideoloġiji fl-astratt (l-illuminiżmu, l-assolutiżmu, jew ir-regaliżmu, u l-bqija), minkejja li kienu jafu li huma żbaljati u foloz; minflok, huma jitkellmu dwar il-konfużjoni li dan it-tibdil kulturali u politiku kien qed joħloq fil-qalb tal-Ġiżwiti! Huma ma ridux jiddiskutu l-ideat, imma s-sitwazzjonijiet li dawn l-ideat kienu qed joħolqu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi huma jipproponu d-dixxerniment. “L-ideat jiġu diskussi, imma dwar is-sitwazzjoni jsir dixxerniment”. Id-dixxerniment ma jsirx dwar it-teoriji, imma dwar il-qagħdiet eżistenzjali. Għax f’waqtiet bħal dawn, il-qalb titħawwad u timtela b’taħlita ta’ “spirti” tajba u ħżiena. Id-dixxerniment isir dwar dan l-istat ta’ konfużjoni biex il-bniedem jagħżel l-ispirti u jasal biex isib x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih. F’dan l-istadju wieħed irid joqgħod attent biex la jissagrifika l-verità biex ikun jista’ juri l-imħabba, la jissagrifika l-imħabba biex jikkomunika l-verità, u lanqas jipprova jsib xi kompromess li jwassal biex jissagrifika kemm il-verità u kemm il-karità. F’dan il-proċess ta’ dixxerniment, il-bniedem għandu l-ħin kollu jżomm quddiem għajnejh ir-raġuni għalix huwa ġie maħluq – dak li fl-Eżerċizzi Spiritwali ta’ Sant’Injazju huwa magħruf bħala prinċipju u fundament. Il-konferma li wieħed ikun qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla hija li wieħed isib il-paċi.

Element li jgħinna f’dan id-dixxerniment huwa li nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja li “nistħu u nikkonfondu ruħna minħabba d-dnubiet li nkunu għamilna u li minħabba fihom kien jistħoqqilna li nkunu kkundannati għal dejjem!”. Għax ħafna drabi aħna naraw id-dnubiet tal-oħrajn u ma nintebħux b’tagħna stess. Din l-attitudni tiddisponina aktar għad-dixxerniment.

Qed nagħmel din ir-riflessjoni għax inħoss li neħtieġu nagħmlu dan id-dixxerniment kemm fuq livell personali u kemm komunitarju.

Illum qegħdin insellmu l-memorja ta’ Patri Arthur J. Vella sj li għen ħafna saċerdoti, reliġjużi u lajċi biex jagħmlu d-dixxerniment. Forsi tlifnieh xħin l-aktar kellna bżonn l-akkumpanjament tiegħu. Għax kien bniedem ta’ Alla, uriena t-triq ta’ Alla. Turu kellu dik li t-teologu Ugo Rahner isejħilha “x-xamma ta’ Alla u tax-xitan”. Il-Mulej żejnu b’ħafna doni: kien jisma’ b’mod attent u b’ħafna sabar, kien jaf jistenna ż-żmien tal-Ispirtu, u kien jakkumpanjana b’ħafna mħabba. Huwa kien jimxi magħna bil-passi tagħna u bil-mod il-mod iwassalna biex nagħtu tweġiba kollha mħabba lil Alla. Ta’ dan aħna grati ħafna.

Illum qegħdin ukoll intemmu s-Sena ta’ Formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tagħna – fejn Patri Arthur serva bħala Rettur għal erba’ snin. Nirrakkomandalkom titħarrġu f’din l-arti tad-dixxerniment. Il-Knisja għandha bżonn ta’ presbiteri li jakkumpanjaw lill-bniedem f’dan il-proċess ta’ dixxerniment, għax it-tribulazzjoni u l-konfużjoni ħa jibqgħu parti minn ħajjitna. Ma naqtgħux qalbna. Kif il-proposta tad-dixxerniment li għamlu Ricci u Roothaan għenet biex il-Ġiżwiti rebħu l-isfidi kbar li kellhom, hekk ukoll tgħin lilna naffaċċjaw ir-realtajiet ġodda ta’ żmienna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading