Minn Angelo Xuereb

Il-Liturġija tal-Kelma tas-Solennita’ tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista


Riflessjoni ta’ Angelo Xuereb

Il-Knisja fl-24 ta’ Ġunju tiċċelebra s-sollennità tat-twelid ta’ San Ġwann Battista. Din il-festa għandha l-quddiesa tal-Vġili jiġifieri dik ta’ lejlietha. B’dan il-mod il-Liturġija tal-Kelma tippreżentalna sitt lezzjonijiet flimkien mas-Salm Responsorjali.

Huwa ferm diffiċli fi ftit kliem tiġbor il-ħsibijiet kollha ta’ dawn il-qari flimkien iżda nistgħu nsibu dak li huwa komuni u nirriflettu fuqu. L-ewwelnett għandna niftakru li din il-festa hija ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Battista. Infatti l-Knisja tiċċelebra l-mewt tal-qaddisin. lżda hija tiċċelebra flimkien magħha dik tat-twelid ta’ Kristu (25 ta’ Diċembru) u tal-Verġni Marija (8 ta’ Settembru).

Biex nifhmu dawn il-lezzjonijiet jeħtieġ li nġibu quddiem għajnejna lil Ġwanni għadu tarbija ta’ tmint ijiem imdawwar b’ommu Eliżabbetta u Żakkarija flimkien mal-qraba. B’din id-dehra quddiem għajnejna nirriflettu min huwa dan il-persunaġġ u x’missjoni rċieva mingħand Alla.

L-ewwel qari tal-quddiesa tal-Vġili u tal-jum jittrattaw is-sejħa tal-Profeti Isaija u Ġeremija sa minn ġuf ommhom sabiex iwettqu missjoni mogħtija lilhom minn Alla. B’dawn is-siltiet il-Liturġija trid tgħidilna li Ġwanni huwa wkoll profeta li ġie msejjaħ minn Alla biex iwitti t-triq għall-Messija. Dan narawh ċar mill-Vanġelu tal-Vġili Lq 1, 5-17 fejn l-anġlu ħabbar lil Żakkarija: “jimtela bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu” (Lq 1,15). Bħal Isaija u Ġeremija, Ġwanni kellu missjoni kbira x’iwettaq. Għalhekk l-anġlu ħabbar lil Żakkarija: “u jreġġa’ ħafna minn ulied Israel lejn il-Mulej, Alla tagħhom. Hu jimxi quddiemu bl-ispirtu u bis-setgħa ta’ Elija, biex ireġġa’ qlub il-missirijiet lejn uliedhom u ‘l dawk ta’ rashom iebsa għall-għaqal tan-nies sewwa, biex iħejji lill-Mulej poplu mrawwam” (Lq 1, 16-17).

Ix-xogħol li Alla feda f’idejn il-Battista narawh fil-qasir f’silta mill-Atti Kap 13, 22-26 li tinqara fil-quddiesa tal-festa. “Qabel ma  ġie dan, Ġwanni kien ixandar lill-poplu kollu ta’ Israel magħmudija tal-indiema. Meta Ġwanni temm il-mixja tiegħu, qal: ‘x’taħsbuni li jien? Miniex jien, imma, ara ġej warajja wieħed li ma jixraqlix inħollu l-qorq’” (Atti 13, 24-25).

Imbagħad fil-Vanġelu tal-festa ( Lq 1, 57-66) naraw l-għoti ta’ l-isem lit-tarbija ta’ Ġwanni minn ommu EliŻabetta u missieru Żakkarija li billi kien immuta kiteb dan l-isem. Dak il-ħin stess fommu nfetaħ u beda jfaħħar u jbierek lil Alla. Din is-silta tagħmilhielna ċara li l-Battista kellu jkun persunaġġ kbir. Fiha naqraw: “U waqa’ biŻa’ fuq il-ġirien tagħhom kollha, u fl-għoljiet kollha tal-Lhudija kienu jitħaddtu fuq dawn il-ħwejjeġ, u kull min kien jisma’, kien iżommhom f’moħħu u jgħid: ‘X’għad ikun dan it-tifel?’ Għax id il-Mulej kienet miegħu” (Lq 1, 65-66)

Dawn il-lezzjonijiet jitfgħu dawl mhux biss fuq il-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista iŻda wkoll fuq is-sejħa nisranija. Quddiem Alla kull persuna hija importanti u Huwa jħobbha u jerħilha f’idejha xi biċċa xogħol li skond il-Kardinal John Henry Newman ħadd ieħor ma jista’ jagħmilha. Bħall-Battista kulħadd huwa msejjaħ biex iwitti t-triq għal Kristu billi jagħmel ħwejjeġ tajba filwaqt li jibqa’ umli.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s