L-Ewwel Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 4 ta’ Awwissu 2018: L-Ewwel messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fi tmiem l-ordinazzjoni episkopali tiegħu.

F’din il-Quddiesa għedna grazzi mill-qalb lil Alla. Lilu tifħir u glorja.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lilek, għażiż Arċisqof ta’ Malta, ta’ din l-Ordinazzjoni u tal-ministeru tiegħek ta’ ragħaj b’tant għerf u qalb kbira. Jien awżiljarju tiegħek, nitlob li dejjem issib fija għajnuna kbira.

https://www.youtube.com/watch?v=FBevhtbu_uA?rel=0&w=560&h=315

Nirringrazzja lilkom, għeżież Arċisqof Emeritu Pawl Cremona O.P. u Isqof Mario Grech, l-Isqfijiet koordinanti, u lill-Isqof Pawlu Darmanin O.F.M. Cap., li fikom dejjem rajt xhieda sabiħa li għamlitli l-ġid. Irrid insemmi wkoll lill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca li għadda għall-ħajja ta’ dejjem li lejh jien grat u niftakru b’tant għożża.

Ringrazio lei, caro Arcivescovo Alessandro d’Errico, Nunzio Apostolico a Malta, per la Sua partecipazione oggi e per il suo ministero qui a Malta. Tramite Lei, un ringraziamento speciale a Papa Francesco, nostro amatissimo Santo Padre.

Grazzi lill-awtoritajiet ċivili, napprezza l-preżenza tagħkom.

Grazzi ħafna lill-familja sabiħa tiegħi li tant hi għażiża għalija flimkien mal-qraba kollha. Niftakar illum b’mod speċjali f’ommi u missieri li tawni tant għożża u mħabba, u nemmen li llum ukoll, li qegħdin fil-ħajja ta’ dejjem, huma ta’ għajnuna kbira u ta’ sostenn għalija.

Grazzi lis-saċerdoti kollha li qegħdin hawn u oħrajn li ma setgħux jiġu. Irċevejt għajnuna kbira minn ħafna saċerdoti; xtaqt illum insemmi wieħed biss li ftit tal-ġimgħat ilu l-Mulej sejjaħlu għal għandu—Fr Arthur Vella SJ—li lejh jien tant grat għas-snin twal li għamel direttur spiritwali tiegħi.

Grazzi lilkom ilkoll, ħbieb tiegħi, kull wieħed u waħda minnkom; ngħid grazzi speċjali lill-komunitajiet parrokkjali ta’ Birkirkara (San Ġużepp Ħaddiem) u ta’ Ħal Balzan.

Grazzi kbira lil dawk li ħadmu bis-sħiħ għal din iċ-ċelebrazzjoni. Napprezza ħafna l-għajnuna tagħkom.

Il-messaġġ qasir ħafna hu miġbur fil-motto li għażilt: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Il-ħajja umana hi għażiża għax hija don ta’ Alla mogħtija lilna biex inħarsuha u nipproteġuha. Għalhekk ngħożżuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha meta hi diġà’ ħajja umana, sat-tmiem naturali tagħha. Imma ngħożżuha wkoll f’kull waqt u ngħożżu l-ħajja ta’ kulħadd, anke ta’ min qiegħed f’nofs ta’ baħar jissielet biex jista’ jgħix, u ta’ min qiegħed għaddej minn tbatija waħdu jew qata’ qalbu mill-ħajja.

U ngħożżu l-ħajja billi nsostnuha bl-imħabba fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fi kliemna, fl-attenzjoni lejn xulxin, fil-qadi tagħna kif uriena Kristu llum fl-Evanġelju. Hi din il-qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba li tgħinna ngħidu kelma ta’ ġid u jkollna attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni, ta’ maħfra, u fl-istess waqt naħdmu kontra dak kollu li joħloq il-firda u jġib il-mibegħda jew iweġġa’. Nixtieq li jkun dan l-ispirtu ta’ mħabba li jmexxini dejjem fil-missjoni tiegħi bħala isqof, u jgħini biex inkun qaddej b’ħafna ferħ u serenità sal-aħħar.

It-talba tiegħi hi din: Mulej, agħmel li magħqud miegħek, kollox nagħmel għall-glorja tiegħek, bl-ispirtu tiegħek, u għall-ġid tal-oħrajn kif għallimtna int.

U kif jgħid Papa Franġisku, tinsewx titolbu għalija.

Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “L-Ewwel Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi”

  1. Nirringrazzjaw lill-Mulej ghal din ic-Celebrazzjoni tant sabiha u mmexxija bi Spirtu verament Qaddis u Qawwi. Grazzi mill-Qalb ghal generozita taghkom ilkoll . Il-Mulej jkompli jberikom u jhariskom. Awguri lill Ecc. Tieghu l-Isqof Awziljarju Joe Galea Curmi u grazzi tas-servizz u l-Umilta tieghu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading