Il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin (2)… u Mirakli oħra

minn Manwel Cutajar

Il-Missjoni u l-Appostolat tat-Tqarbin lill-morda u l-anzjani fi djarhom, sptarijiet, Djar u Ċentri ta’ kura għalihom.

Fl-artiklu preċedenti dwar din l-istess tema tkellimna dwar ir-rwol ta’ dawn il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin waqt iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-quddies  u rajna xi tgħid u tiddikjara l-Knisja Kattolika fil-Kodiċi tal-Liġi Kanonika u f’dokumenti oħra uffiċjali tagħha f’dan ir-rigward.

It-Tqarbin lill-morda u l-anzjani

Nikkwota silta mid-Dokument tal-Knisja Immensae Caritatis (Imħabba Immensa), par.3

L-Ordinarji lokali  għandhom il-fakultà li jippermettu persuna xierqa magħżula individwalment bħala Ministru Straordinarju għal okkażjoni speċifika… jew għal żmien jew,f”każ ta’ bżonn, b’xi mod permanenti, li jagħti l-Ewkaristija lill-fidili u li jeħodha lill-morda  fi djarhom…” 

Hekk fid-dawl ta’ dan id-dokument dan ir-rwol qaddis tal-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin ma jiqafx ġewwa l-binjiet tal-knejjes tagħna għal waqt il-quddies biss imma jmur ‘il hinn minnhom u jinfirex ‘il barra mill-knejjes biex jilħaq saħansitra lill-morda u l-anzjani għeżież tagħna, li jinsabu għall-kura fid-djar privati tagħhom, u fl-isptarijiet  jew Ċentri mwaqqfin apposta għalihom, biex hekk dawn il-Ministri Straordinatji jwasslulhom l-Ewkaristija u jqarbnuhom.

Il-fidili Nsara li huma morda u l-anzjani fid-djar tagħhom u fl-isptarijiet, sa ċertu punt, huma mċaħħda milli jmorru fil-knejjes tagħhom biex jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u jitqarbnu kif kienu jħobbu jagħmlu għal tant u tant snin fil-komunitajiet  tagħhom. Ħafna drabi dawn l-insara, minħabba l-mard jew l-anzjanità tagħhom, issa huma kostretti li jibqgħu fi djarhom, fl-isptarijiet, jew fiċ-Ċentri għall-attenzjoni, il-ħarsien, il-kura, u l-ħtiġijiet kollha tagħhom mill-familjari, qraba u ħbieb tagħhom, jew mill-personal tal-isptarijiet jew iċ-Ċentri fejn ikunu.  

Iżda, min-naħa l-oħra, meta l-Ministri Straordinarji tal-Tqarbin jwasslu l-Ewkaristija lill-morda u l-anzjani huma jkunu qed jwasslulhom realment lil Sidna Ġesù Kristu, u fl-istess waqt ikunu qed juruhom imħabba fraterna Nisranija, solidarjetà, appoġġ u l-interess tagħhom stess kif ukoll tal-Komunità Nisranija kollha. Għaldaqstant, ċertament dawn il-Ministri Straordinarji se jkunu empatiċi u ta’ kompassjoni u sensittivi għall-bżonnijiet spiritwali, emozzjonali u materjali tal-persuni morda jew anzjani.

Fuq kollox, ċertament kif hu xieraq u mistenni minn kulħadd, dawn il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin dejjem se jieħdu ħsieb li jżommu l-kunfidenzjalità u d-dinjità ta’ dawn il-persuni.

Bit-Tqarbin il-marid jew l-anzjan jkun qed jieħu sehem spiritwalment ukoll mill-Ikla Ewkaristika flimkien mal-Komunità partikulari tiegħu u mal-Knisja Universali kollha, li wara kollox  f’rabta waħda sħiħa, spiritwali u Mistika, imma reali, ma’ Sidna  Ġesù Kristu nnifsu, kif ried u ordna l-Mulej Innifsu.

Fl-istess waqt meta dawn il-Ministri Straordinarji jkunu qed  jwasslu l-qawwa spiritwali tat-Tqarbin lil dawk fil-bżonn ikunu qed jonoraw ukoll  id-dinjità u l-valur tal-ħajja umana.

Fl-aħħarnett, għax in-nisrani li hu marid jew anzjan tant li  ma jistax ikun preżenti mal-miġemgħa tal-Insara waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-quddies u t-Tqarbin madanakollu  dan, bis-saħħa tal-Magħmudija tiegħu, ma jiqafx milli jkun membru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hi l-Knisja Kattolika, u lanqas jiqaf milli jieħu sehem mis-Saċerdozju Waħdieni ta’ Kristu.

Linja Gwida tal-Knisja 

Ta’ min igħid hawnhekk li fost il-ħafna linji gwida u prekawzjonijiet li s-Sagra Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti bil-ħsieb li tħares  il-qdusija, l-integrità, id-Dixxiplina u l-ħarsien minn kull  għemil sagrilegu tal-Ewkaristija u minn kull forma ta’ abbuż ta’ dal-Ministerju Straordinarju tat-Tqarbin  kienet ħarġet u ppubblikat fil-25 ta’ Marzu 2004, l-Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum (Is-Sagrament tal-Fidwa), li fiha kienet iddikjarat espliċitament u b’mod ċar li “mhux permess li l-Ministru Straordinarju tat-Tqarbin jiddelega lil xi ħadd ieħor biex jamministra l-Ewkaristija, bħal pereżempju ġenitur jew konjuġi jew wild tal-marid li jkun se jirċievi l-Ewkaristija.” (Kapitlu 7, par.159).

It-Tliet Mirakli Ewkaristiċi fl-Irlanda ,seklu Sbatax

L-Ewwel Ġrajja saret fi żmien in-Normanni fl-Irlanda li dawn bħala  Nsara kellhom ħeġġa kbira biex jibnu  knejjes, monasteri u skejjel Insara. Għaldaqstant ma naqasx li l-Irlandiżi kellhom devozzjoni kbira għall-quddiesa ta’ kuljum.

Fl-istorja tal-Knisja Kattolika fl-Irlanda nsibu tliet ġrajjiet Ewkaristiċi Mirakolużi li jidhru fil-kitba tal-istoriku u teologu Irlandiż il-Patri Franġiskan Luke Wadding (1558-1657).

Ir-rakkont jgħid hekk:“Edmund Butler,il-Baruni ta’ Cahir, li  kien igħix madwar is-seklu 16, waqt li kien qed jisma’ l-quddies fil-Knisja Franġiskana ta’ Clonmel ġew igħidulu illi l-Konti ta’ Ormond u l-Baruni ta’ Dunboyne kienu ġejjin b’forza kbira biex jinvadu t-territorju tiegħu. Bla ma kkonfonda xejn ddeċieda li jkompli jisma’ l-quddiesa sal-aħħar, għax kien tal-fehma illi l-għadu aktar jista’ jintrebaħ bit-talb milli bil-forza u kien xieraq li tassisti għas-Sagrifiċċju Ewkaristiku sal-aħħar. U hekk wara l-quddiesa, hu flimkien ma’ xi familjari u suldati rnexxielu jirbaħ lura kulma kienu ħadulu, u jġiegħel l-għadu jaħrab tellief.”

Għall-bidu tas-seklu 17 il-Protestanti fl-Irlanda qajmu persekuzzjoni ħarxa kontra l-Knisja Kattolika. Saċerdoti sfaw il-ħabs jew maqtula, l-Ordinazzjonijiet Sagri kienu miżmuma u l-Kattoliċi sofrew kull xorta ta’ tbatija. U hekk seħħet it-Tieni Ġrajja Mirakoluża li tibda meta l-Viċi Lord tal-Irlanda stieden il-kunsill kollu għall-ikla, u għall-mogħdija taż-żmien qabbad kummidjant biex jilgħab il-parti ta’ buffu.

“…U dan il-kummidjant biex jogħġob lill-Kunsill li kien protestant beda jimita lis-saċerdoti Kattoliċi waqt iċ-ċelebrazzjoni quddiesa, tant li hu  biex iwaqqa’ għaċ-ċajt l-Ewkaristija  qabad biċċa ħobż, qal taparsi l-kliem tal-Konsagrazzjoni u elevaha.Bl-istess mod għamel b’vażett bil-birra,iżda hawn ir-raġel stabat żlugat u mejjet mal-art. Il-Kunsill ipprova jgħatti dal-Miraklu, iżda f’ħakka t’għajn dil-aħbar ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku xterdet ma’ kullimkien.”

It-Tielet Miraklu Ewkaristiku seħħ f’Waterford: “James Daton, Patri Franġiskan,  kien qiegħed iqaddes f’dar ta’ raġel Kattoliku meta sab ruħu assedjat mis-suldati waqt l-Elevazzjoni tal-Ewkaristija.Meta n-nies preżenti qalulu u talbuh biex jaħrab, imma  hu wieġeb li hu mhux se jaħrab għax kien qed iqaddes u  kellu s-Santissmu Sagrament f’idu li hu aqwa mis-suldati.Is-suldati tabilħaqq daħlu iżda la raw il-folla u lanqas is-saċerdot; iżda raw biss ħitan bojod. Dal-Miraklu Ewkaristiku seħħ fit-18 ta’ Frar, 1609.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading