Mandat Missjunarju lil Dun Mario Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 8 ta’ Settembru 2018: Mandat Missjunarju lil Dun Mario Curmi.

Dalgħodu, fi tmiem il-Pontifikal Solenni tal-Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ta l-Mandat Missjunarju lil Dun Mario Curmi, mill-istess parroċċa, li fi ftit ġimgħat oħra sa jibda l-ministeru pastorali tiegħu fil-Knisja tal-Gwatemala, fl-Amerika Ċentrali.

Ghoti tal-Mandat Missjunarju1

Waqt li tah is-Salib tal-Missjunarju, hu qallu dan li ġej:

Għażiż Dun Mario,

Għandi quddiemi t-talba tiegħek biex inħallik tmur fil-missjoni. Iż-żejt tad-dilka tal-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħek kien għadu lanqas nixef meta int fissirtli x-xewqa tiegħek li tkun missjunarju. Għaddew sentejn, u wara l-formazzjoni akkademika u l-esperjenza pastorali li int għamilt fi Spanja, il-fjamma missjunarja għadha taqbad f’qalbek.

Jien konvint li fil-Knisja tagħna hawn lajċi u saċerdoti li ma jifhmux li jien għandi nilqa’ xewqtek, għax jaħsbu li aħna neħtiġuk hawn fostna. Imma min jirraġuna b’dan il-mod mhux qed jirrealizza li meta l-Knisja tagħna tingħalaq fil-kumdità, dan ma jkunx ħlief suwiċidju bil-mod il-mod! Għax kif jgħidilna l-Papa Franġisku, aħna msejħin għal “ħruġ missjunarju ġdid” – “aħna msejħin biex nilqgħu din is-sejħa: li noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu” (EG, 20). Il-Papa jkompli jgħidilna: “L-impenn għall-evanġelizzazzjoni jagħni l-moħħ u l-qalb, jiftħilna qalbna għall-orizzonti spiritwali, jagħmilna aktar sensibbli biex nistgħu nagħrfu l-azzjoni tal-Ispirtu, joħroġna barra mill-iskemi spiritwali limitati tagħna” (EG, 272).

Għalhekk, ix-xewqa tiegħek li tkun missjunarju hija x-xewqa ta’ din il-Knisja f’Għawdex. Jiena llum, f’isem Kristu u f’isem din il-Knisja, nibagħtek fil-missjoni. Dan il-mandat missjunarju huwa barka għall-Knisja fil-Gwatemala li ser tilqgħek; imma huwa wkoll grazzja għalina. Flimkien ma’ sħabek is-saċerdoti Għawdxin li jinsabu fil-missjoni, intom mhux biss tkomplu tkebbsu l-ħeġġa u l-imħabba li l-poplu tagħna għandu għall-missjoni, imma bl-għażliet, xi drabi erojċi, li intom tagħmlu għal Kristu u l-foqra, intom tagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet tagħna u tgħinuna nkunu Knisja awtentika u kredibbli.

Ilqa’ dan il-mandat fil-jum tal-Festa ta’ Marija Bambina, “dik li tħalli r-raħal tagħha biex marret tħaffef tgħin lill-oħrajn” (EG, 288). Jekk Marija Bambina hija Ommok, “għażiż ibni”, kun int ukoll iben denn tagħha kif int iben maħbub minn familtek u minn din il-komunità parrokkjali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading