F’dawn iż-żminijiet donnu li l-akkużatur il-kbir qabad mal-Isqfijiet

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dil-ħabta donnu li l-Akkużatur il-Kbir imqabbad mal-isqfijiet biex joħloq l-iskandlu. Għalhekk l-isqfijiet għandhom iżommu f’moħħhom tliet aspetti fundamentali: il-qawwa tagħhom hi li jkunu bnedmin ta’ talb, ikollhom l-umiltà li jifhmu li kienu magħżulin minn Alla, u li jibqgħu qrib il-poplu.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=1_6_XA1sHns?rel=0&w=560&h=315%5D

Fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa għamel riflessjoni dwar dan il-ministeru, imnebbaħ mis-silta tal-Vanġelu meħuda minn San Luqa.  Fir-rakkont evanġeliku tal-lum naqraw li Ġesù għadda l-lejl jitlob biex imbagħad għażel lit-tnax-il Appostlu, jew l-ewwel isqfijiet.   Wara niżel fil-wita u qagħad fost il-poplu li kien mar biex jisimgħu u biex ifiq mill-mard.

Il-Papa Franġisku għażel li jagħmel dir-riflessjoni dwar il-ħatra tal-ewwel isqfijiet minħabba li bħalissa f’Ruma qed isiru tliet korsijiet għall-isqfijiet: wieħed ta’ aġġornament għal min ilu 10 isqof, li ntemm dal-ġranet; ieħor għal 74 isqof li jmexxu djoċesijiet fit-territorji tal-missjoni, u ieħor għal 130-140 isqof li bdew jiffurmaw parti mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, jiġifieri isqfijiet ġodda.

L-ewwel aspett fundamentali li tkellem dwaru l-Papa fl-omelija kien li l-isqof hu bniedem tat-talb.  Infatti, osserva Franġisku, il-faraġ tal-isqof fil-waqtiet koroh jiġi mit-talb, jiġifieri mill-għarfien li Ġesù qed jitlob għalija, qed jitlob għall-isqfijiet kollha.  B’dan l-għarfien l-isqof isib il-faraġ u l-qawwa li bihom jitlob ukoll għalih innifsu u għall-poplu t’Alla.

Dan hu l-ewwel dmir tal-isqof, issokta l-Papa.  San Pietru jikkonferma dan meta jgħid: ‘Għalina t-talb u t-tħabbir tal-Kelma.’  Ma jgħidx: ‘Għalina l-organizzazzjoni tal-pjani pastorali…,’ fakkar Franġisku..

It-tieni atteġġjament li tkellem dwaru l-Papa kien li Ġesù nnifsu għażel lit-tnax u l-isqof fidil jaf li mhux hu jkun għażel lilu nnifsu iżda hu kien magħżul.  L-isqof li jħobb lil Ġesù mhux xabbatur li l-vokazzjoni tiegħu jqisha xi ħaġa li se tmexxih aktar ‘il quddiem, ‘il fuq.  L-isqof iħoss li hu magħżul u ċert minn dan.  B’hekk hu jidħol fi djalogu mal-Mulej: ‘Int għażilt lili, jien ma niswa xejn, jien midneb…’  Huwa umli għax meta jħoss li hu magħżul, iħoss il-ħarsa ta’ Ġesù fuq l-eżistenza tiegħu u minnha jikseb il-qawwa.

Fil-Vanġelu tal-lum l-isqof hu msejjaħ biex ikun qrib il-poplu tiegħu, biex ma jitbegħidx.  Huwa l-isqof li ma jibqax bogħod mill-poplu, li ma jiħux atteġġjamenti li jbegħduh mill-poplu; l-isqof li jmiss lill-poplu u jħalli lill-poplu jmissu.  Ma jmurx ifittex kenn għand is-setgħana, jew l-élite. Dawn jikkritikaw lill-isqof, imma l-poplu jieħu atteġġjament ta’ mħabba lejn l-isqof, jikkonfermalu l-vokazzjoni tiegħu, id-dilka tiegħu.

Bosta drabi matul l-omelija l-Papa saħaq li l-isqof jikseb il-qawwa tiegħu mit-talb, huwa bniedem tat-talb u jħoss li kien Alla li għażlu biex ikun qalb il-poplu.

Tajjeb li wieħed jiftakru dan għax dil-ħabta l-Akkużatur il-Kbir, ix-xitan, jidher ifferoċjat u mqabbad mal-isqfijiet.  Minnu li aħna lkoll midinbin, anke aħna l-isqfijiet, ikkummenta l-Qdusija Tiegħu, imma hu qed jipprova jikxef id-dnubiet biex jiskandalizza lill-poplu.

L-Akkużatur il-Kbir, kif jgħid lil Alla hu stess fl-ewwel kapitlu tal-Ktieb ta’ Ġob, iħuf madwar id-dinja jfittex lil min se jakkuża.  Il-qawwa tal-isqof kontra l-Akkużatur il-Kbir, tenna l-Papa, hija t-talb, dak ta’ Ġesù fuqu u dak tiegħu personali; l-umiltà li jħoss li hu magħżul u jibqa’ qrib il-poplu t’Alla, mingħajr ma jinġibed lejn ħajja aristokratika li tħassarlu din id-dilka.

Nitolbu llum għall-isqfijiet tagħna, temm il-Papa Bergoglio, għalija, għal dawn li qegħdin quddiemi, u għall-isqfijiet tad-dinja kollha.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading