L-Evanġelju tal-Erbgħa 12 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 6, 20-26

L-hena mhux relattiv bħall-gost jew il-pjaċir; ma jiddependix mill-gosti tal-individwu u minn dak li jfittex biex jirbaħ għalih innifsu. L-hena huwa stat tar-ruħ li jserraħ lill-bniedem li jġarrbu u jerfgħu f’livell ta’ ferħ li ma jiddepedndix minn dak li jġarrab jew mis-sitwazzjoni li jsib jew iġib ruħu fiha. Ikun minn ikun, iġarrab xi jġarrab l-hena tal-bniedem li jkun merfugħ għal dan l-istat ma jitteħidlu minn ħadd u b’xejn.

Ġesù ma jaqlibx kollox ta’ taħt fuq. Filwaqt li l-bniedem jaħseb li l-milja tal-ħajja hija ħaġa Ġesù jemfasizza li l-milja tal-ħajja li ġġib l-hena jinsab fil-fedeltà lejn dak li hu ta’ Alla u r-rabta tal-qalb miegħu fis-sabar.

Dan il-kantiku x’aktarx li nkiteb fi żmien meta l-komunitajiet insara kienu diġa bdew jiġu ppersegwitati bl-aħrax. Għalina li ma nafux x’jiġifieri persekuzzjoni li twassal għa-telfien tal-proprjetà, tat-twarrib u l-esklużjoni mis-soċjetà, taċ-ċaħda minn impjiegi mal-istat, tal-għarfien bħala ċittadini, tat-telfa ta’ qraba u ħbieb, u saħansitra tal-ħajja, diffiċli nifhmu xi tfisser u allura l-biża’ li ġġib magħha. Nistgħu naraw u naqraw x’jgħaddi minnu ħaddieħor, imma wara ftit ninsew kollox qisu qatt ma kien xejn. Min hu ppersegwitat, għal xi raġuni jew oħra, jgħix f’tensjoni kontinwa, f’biża li ma jieqafx għalih innifsu u iktar u iktar għal dawk li huma għeżież għalih.

Mhux kulħadd għandu ħila jieqaf dritt u jibqa’ għaddej quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn. Uħud jibqgħu imma ħafna jċedu. Meta bniedem jew kommunità huma ppersegwitati minħabba l-fidi, ħaġa waħda tista żżommhom sħaħ u twasslahom biex jissagrifikaw anke l-ħajja tagħhom għal dak li jemmnu fih: l-istess fidi li minħabba fiha huma ppersegwitati. Il-martri li aħna tant niċċelebrawhom bil-kbir għall-ogħla sagrifiċċju li setgħu jagħmlu, huma meqjusa hekk għax il-fidi tagħhom f’Alla u fil-valuri tiegħu tant kienu kbar u qawwija li wassluhom biex bid-deċiżjoni li ma jiċħdux dak li jemmnu fih, juru fihom qawwa li ma tiġix minn xi ħila straordinarja tal-bniedem iżda mill-ħajja ta’ Alla li rawmu biex tgħammar fihom.

Għalhekk San Luqa jemfasizza s-sitwazzjonijiet tal-insara ta’ żmienu u jorbot magħhom l-hena; mhux biss jinkoraġġihom u jqawwihom bi kliem fieragħ iżda qed jurihom il-valur veru, jurihom li is-sitwazzjoni ħażina li qed jgħixu minħabba l-bnedmin, għandha marbut magħha hena li ma jitteħidx. Qed jgħidilhom li minkejja dak li għaddejjin minnu, l-hena li jġarrbu mir-rabta tagħhom ma’ Alla, mhux talli mhux se jintemm, talli jasal għall-milja tiegħu, iwassalhom biex jifirħu u jaqbżu bil-ferħ. Ġenn f’għajnejn il-bnedmin iżda eroiżmu f’għajnjen Alla.

Hemm hena għal min ibati, iżda hemm saħta għal min iġiegħel lil min ibati jew jixtieq it-tbatija ta’ min hu batut, ta’ min hu mġarrab, ta’ min hu mwarrab, ta’ min hu dgħajjef. Sa ċertu punt wieħed jasal biex jifhem, għalkemm mhux jiġġustifika, mibgħeda u xewqat ta’ ħsara għal min jagħmillek id-deni, iżda li tobgħud u tixtieq u tagħmel il-ħsara lil min hu batut u li qatt m’għamillek xejn, tiġbed is-saħta tal-bnedmin u ta’ Alla.

M’hemmx għalfejn immorru ’l bogħod. Ħafna minna naqbżu u nogħlew, b’wiċċna miżbugħ bħall-picti tal-imgħoddi biex mingħalina nbeżżgħu lil xi ħadd, quddiem statwi tal-martri jew ta’ eroj oħra tal-fidi, u mbagħad nintefgħu fuq siġġu komdu b’keyboard quddiemna, imħarsin sewwa fil-kumdità ta’ djarna jew tal-uffiċċji tagħna fejn nitħallsu biex naħdmu, u nirremettu xmajjar ta’ ħdura lejn min kulma nafu dwaru hu li jinsab f’sitwazzjoni mwiegħra. Nista’ nifhem li ma taqbilx ma’ policy, imma li tivvomta l-mibgħeda u allura xxerridha mal-erbat irjieħ tad-dinja, tqanqal l-istinti tal-vjolenza tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor, hija ħaġa li turi safejn il-bniedem jista’ jasal fl-intenzjonijiet malinji tiegħu, b’mod speċjali meta jaħseb li għax qiegħed bejn erba’ ħitan ma jista’ għalih ħadd.

Ġesù jitkellem dwar l-hena ta’ min għaddej mit-tbatija minħabba l-fidi tiegħu. Aħna nistgħu nixhdu għall-frustrazzjoni u d-dwejjaq tagħna li neħduha kontra Alla u dak li Alla hu meta nxerrdu l-mibgħeda anke fuq min mhux biss qatt m’gaħmlilna ebda deni, iżda lanqas biss nafuh.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.