L-isqof Mario Grech fuq l-Għolja tal-Karmelu, fl-ewwel jum tal-Pellegrinaġġ Djoċesan fl-Art Imqaddsa


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Kunvent tal-Karmelu Pellegrinaġġ Djoċesan fl-Art Imqaddsa, fis-Santwarju fuq l-Għolja tal-Karmelu, Iżrael.karmelu.jpg

MIFTUĦIN GĦALL-ESPERJENZA ĠDIDA TA’ ALLA

Inħoss li huwa providenzjali li qegħdin nagħtu bidu għal dan il-Pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa b’din l-Ewkaristija ħdejn l-għar fejn skont it-tradizzjoni stkenn il-profeta Elija. Għax Elija, wara pellegrinaġġ ta’ erbgħin jum, għamel esperjenza ġdida tal-preżenza ta’ Alla. It-talba tiegħi għalina hija proprju li, waqt li qegħdin immiddu l-passi tagħna fuq l-art li fuqha mexa Ġesù, ikollna l-grazzja li nagħmlu esperjenza differenti tiegħu!

Elija kien tant iddispjaċut li r-reliġjon Lhudija kienet tilfet il-gost ta’ Alla li ddeċieda li jabbanduna l-komunità tiegħu u telaq lejn il-wied ta’ Gherit li hemm fl-għoljiet tal-Karmelu. Fil-fatt, it-tensjoni li kien hemm bejn il-profeta u s-sultan Aħab u martu Ġeżabel ma kinitx minħabba raġunijiet politiċi, imma minħabba motivi reliġjużi. Il-konfront ma kienx bejn poplu reliġjuż u poplu bla Alla, imma bejn fazzjoni reliġjuża u fazzjoni reliġjuża oħra – bejn dawk fidili lejn Alla li waqqaf il-patt ma’ Abraham u dawk li għażlu li jibqgħu Lhud bi twemmin dekadenti minħabba l-influwenza ta’ kulturi barranin. Ir-reliġjon Lhudija kienet ġiet adulterata. It-Tempju ma twaqqax, imma twaqqfu għadd ta’ altari u tkattru r-ritwali. B’danakollu l-poplu beda jittraskura kemm lil Alla u kemm lill-foqra.

Dan illum jgħodd għalina bħala komunità ekkleżjali. Ħafna drabi bqajna kkatmati ma’ prattiċi reliġjużi li fi żminijietna ma għandhom ebda tifsira. Il-ħajja fadlilha l-forma reliġjuża, imma tbattlet mill-esperjenza. Għalkemm madwarna għandna diversi sinjali reliġjużi, it-twemmin Nisrani bħal tilef it-togħma tiegħu. It-twemmin Nisrani sar qisu melħ li ma jmellaħx. Għandna kultura Nisranija, imma mhux twemmin Nisrani. Ma nistagħġibx li minħabba din id-degradazzjoni tal-ħajja tal-Knisja, ħafna qed iħossuhom spiritwalment frustrati u għalhekk “iħallu” l-istituzzjoni biex ifittxu “preżenza” ġdida ta’ Alla.

Minkejja l-esperjenza qarsa li kellu fi ħdan il-komunità reliġjuża tiegħu, f’qalbu Elija kien fadallu l-passjoni għal Alla. Ix-xewqa għal Alla kienet qawwija u għalhekk kien baqa’ fuq ix-xwiek ifittex li jiltaqa’ ma’ Alla. Alla la kien preżenti fir-ragħad, la fir-riħ qawwi u lanqas fin-nar… imma żar lil Elija permezz ta’ żiffa ħelwa jew aħjar fis-skiet tiegħu (1 Slat 19:12) – is-skiet ta’ Alla jirbombja fil-qalb tal-bniedem. Quddiem dan il-mod ġdid tal-preżenza ta’ Alla, Elija ntebaħ li Alla kien ħdejh u b’sinjal ta’ adorazzjoni għatta wiċċu. Kieku baqa’ marbut mal-iskemi li l-antenati tiegħu kienu ffissaw bħala kriterji biex wieħed ikun ċert mill-preżenza ta’ Alla, kieku Elija kien jitlef dan il-mument ta’ grazzja! Hija tassew ħasra li fil-Knisja tagħna hawn din ir-reżistenza kollha biex nagħmlu esperjenzi ġodda tal-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna llum! Qed issir reżistenza biex mingħalina nsalvaw l-iskemi tal-bieraħ, u ma aħniex nintebħu li bir-reżistenza kollha qed inħaffru l-qabar tagħna stess.

Nitolbu lil Marija, Kewkba tal-baħar, tieqaf magħna matul dan il-pellegrinaġġ biex niftħu qalbna għall-mod ġdid kif Alla jista’ jiġi jiltaqa’ magħna. Alla ma jgħaddix mill-istess triq. Kull bniedem huwa oriġinali għal Alla u għalhekk Alla jaf jissorprendina kif irid jiltaqa’ magħna personalment – importanti li aħna nixxennqu għalih.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.