L-istil tan-nisrani hu l-ħniena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu l-Papa Franġisku ċċelebra l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta fejn waqt l-omelija fakkar li l-Insara m’għandhomx jimxu wara l-ispirtu tad-dinja imma għandhom jgħixu l-‘ġenn tas-Salib’.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=xkqfL8dHx0I?rel=0&w=560&h=315%5D

Mhux ħafifa li tkun nisrani, imma n-Nisrani hu hieni: it-triq li jurina l-Missier Ċelesti hi dik tal-ħniena u tal-paċi interjuri.  Imnebbaħ mill-qari tas-silta tal-Vanġelu tal-ġurnata meħud minn San Luqa, il-Papa Franġisku spjega ċar liema huma l-karatteristiċi li jsawru l-istil nisrani.

Il-Mulej dejjem jurina kif għandha tkun il-ħajja tad-dixxiplu permezz tal-eżempju, tal-Beatitudnijiet u tal-Opri tal-Ħniena.   Il-liturġija tal-lum, issokta jgħid Franġisku, tqiegħed quddiemna erba’ dettalji li bihom ngħixu l-ħajja nisranija: ħobbu lill-għadu, għamlu l-ġid lil min jagħmlilkom id-deni, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iġib ruħu ħażin magħkom.

Il-Papa Bergoglio osserva li l-Insara qatt m’għandhom jieħdu sehem fit-tqassis jew fil-loġika tal-insulti, għax dawn iqajmu l-gwerer, imma għandhom dejjem ifittxu l-ħin biex jitolbu għall-persuni li jtuhom fastidju.

Dan hu l-istil nisrani, dan hu l-mod li bih għandu jgħix in-Nisrani.  U jekk jien dawn l-erba’ affarijiet ma nagħmilhomx?  Allura, jekk ma nħobbx lill-għadu, ma nagħmilx il-ġid lil min għamilli d-deni, ma nberikx lil min jisħetni, ma nitlobx għal min jimxi ħażin miegħi, jien m’iniex nisrani?  Iva, int nisrani, qal il-Papa, għax irċevejt il-Magħmudija, imma m’intix tgħix ta’ nisrani.

Qed tgħix bħall-pagani, bl-ispirtu tal-mondanità.  Żgur li hu eħfef li tisparla dwar l-għedewwa jew dwar dawk li jżommu ma’ partit ieħor, imma l-loġika nisranija tmur kontra l-kurrent u timxi wara l-ġenn tas-Salib.  L-għan aħħari, żied Bergoglio, hu li naslu biex inġibu ruħna bħala wlied tal-Missier tagħna.

Huma biss dawk li jħennu li jixbhu lil Alla l-Missier.  ‘Ikollkom ħniena bħalma hu ħanin Missierkom.’  Din hi t-triq, it-triq li tmur kontra l-ispirtu tad-dinja, li taħseb bil-maqlub, li ma takkużax lill-oħrajn.  Għax fostkom hemm l-Akkużatur il-Kbir u meta jien nidħol f’dil-loġika ta’ akkużatur, li nisħet, li nipprova nagħmel id-deni lill-ieħor, inkun qed nidħol fil-loġika tal-Akkużatur il-Kbir li jeqred, li ma jafx bil-kelma ‘ħniena’, għax qatt ma għexha.

Għalhekk il-ħajja, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, titbandal bejn żewġ stediniet: dik tal-Missier u dik tal-Akkużatur il-Kbir li jimbuttana biex nakkużaw lill-oħrajn, biex inkissruhom.

Tgħiduli: Imma haddieħor qed jipprova jkisser lili!  Iva, imma int ma tistax tagħmel l-istess lill-ieħor, ma tistax tidħol fil-loġika tal-akkużatur.  Jekk għandek takkuża, akkuża lilek innifsek, jagħmillek il-ġid.

L-akkuża waħdanija li għandna aħna l-Insara hi li nakkużaw lilna nfusna.  Għall-oħrajn ħniena biss, għax aħna wlied il-Missier li hu biss ħniena.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading