L-Evanġelju tal-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 3:14-17

Fis-satra tal-lejl Nikodemu jfittex lil Ġesù u Ġesù, fis-satra tal-lejl jikxef l-ikbar sigriet li ġab miegħu.

Mosè refa’ s-serp tal-bronż fid-deżert għax il-poplu dineb, gerger kontra Alla għax ma baqax jafdah, daħal f’ruħu d-dubju dwar l-intenzjoni ta’ Alla. Ġesù jintrefa’ bħas-serp fid-deżert għax Alla ħanin u fih merfugħ juri li jżomm kelmtu. Ġesù huwa d-dawl fil-lejl ta’ Nikodemu, u merfugħ isir id-dawl li jiġbed lill-bnedmin kollha lejh.

Is-sigriet ta’ Alla huwa l-imħabba tiegħu għall-bnedmin. Jidinbu kemm jidinbu, hemm dejjem Ibnu merfugħ ’il fuq biex ikun dawl, bħal fanal dejjem jixgħel ta’ mħabba, li jfakkar il-ħin kollu li l-imħabba ta’ Alla hi ikbar mid-dnub tal-bnedmin kollha, id-dnubiet individwali u d-dnubiet kollettivi jew soċjali, tal-bnedmin magħqudin flimkien fid-dgħufija u, kultant, fil-ħażen ukoll.

L-Evanġelista Ġwanni ma jieħux lil Nikodemu bil-lejl għand Ġesù b’kumbinazzjoni, jew biex jurina li kien jibża’ minn sħabu biss. Hija sejħa għal kull min irid jisma’ li l-bnedmin jistgħu, anzi għandhom ifittxu lil Ġesù fil-lejl mudlam tal-ħajja tagħhom. Kultant nisħqu li lil Ġesù għandna nfittxuh dejjem, matul ħajjitna kollha u qisna nagħtu l-impressjoni li Alla ma jieħux gost li nfitxxuh fid-dlam biss, meta jkollna bżonnu, u ninsew li Ġesù stess qal li hu ma ġiex għal min hu f’saħħtu iżda għal min hu marid; mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.

Nikdoemu huwa r-raġel misjur fl-esperjenza tal-ħajja li għaraf li l-bnedmin, spiss, jgħixu fid-dlam, ibda minnu l-ewwel wieħed u d-dlam ma jħallikx tara s-sabiħ ta’ madwarek, iħawdek għax iħallik bla direzzjoni imma fid-dlam hemm ukoll il-kenn tas-satra minn kull għemil imfixkel u qarrieq.

Ġesù, id-dawl fih innifsu, jagħaraf il-problema ta’ Nikodemu, bejn ħalltejn dwar x’jaqbad jagħmel. Nikodemu ġie jfittex direzzjoni u Ġesù jurih li jekk għemilu hu tajjeb u ġust, diġa qiegħed fid-dawl għax m’għandux x’jaħbi, u jekk qiegħed fid-dlam biżżejjed jiftakar fid-dawl tiegħu merfugħ ’il fuq, u jersaq lejh, biex għemilu jissaffa u jduq il-ħniena ta’ Alla mhux il-ħaqq tiegħu, jirċievi s-salvazzjoni mhux il-kundanna. Iktar ’il quddiem Nikodemu joħroġ għemilu fid-dawl, wara li ra d-dawl fuq is-salib u emmen fih. Hemm ma baqax biża’ jew mistħija, hemm għamel dak li hu tajjeb u ġust. Dakinhar li appella quddiem Pilatu u ma’ Ġużeppi ta’ Arimatea, ġab il-liżar tal-għażel u l-mirra u s-sabbara, iddikjara quddiem kulħadd li ra d-dawl li kulħadd kien qed jara mitfi, għax miet; minn dixxiplu dubjuż li bilkemm jitħarrek minħabba d-dlam fih u madwaru, isir appostlu li jwassal ħniena mad-dawl li ħenn għalih, u jkeffnu u jidfnu; idfen il-mejtin.

Qatt ma hu tard u qatt barra minn postu li tilmaħ xaqq ta’ dawl li jiggwidak, li jiġbdek u jimlilek qalbek bit-tama, li jneħħilek id-dubju dwar l-intenzjoni ta’ Alla għalik. Din is-silta llum tħejjina biex bħal lum ħmistax u ħamest ijiem wara, meta nisimgħu il-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù u l-mewt tiegħu merfugħ fuq is-salib, ma niefux fuq id-dmija u l-ġrieħi u l-mewt, imma naraw fih id-dawl merfugħ ’il fuq li jiġbidna lejh u jfakkarna li l-intenzjoni ta’ Alla hi s-salvazzjoni tagħna, il-maħfra u l-mogħdrija tiegħu u r-rieda tiegħu li minn ġo dak id-dawl merfugħ ’il fuq fuq din l-art, il-qurriegħa, il-quċċata tal-eżistenza tal-bnedmin, ngħaddu għad-dawl li ma jintemmx, u aħna setss insiru dawl bħalu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.