L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju tal-Qawmien ta’ Lazzru, Betanja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 16 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Santwarju tal-Qawmien ta’ Lazzru, Betanja.

betanja-1.jpeg
NITKELLMU L-LINGWAĠĠ TA’ ALLA

Dan l-aħħar fuq ħajt mimli graffiti f’pajjiżna xi ħadd kiteb hekk: “We want to know the price of everything but not the value”. Hekk ġralu Ġuda meta Marija, oħt Lazzru, għamlet dak il-ġest kollu mħabba lil Ġesù meta sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid dan mar għandhom f’Betanja (ara Ġw 12). Dakinhar, Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha. Ġuda ma fehemx it-tifsira ta’ din l-azzjoni intima, tant li kkummenta li dik il-fwieħa setgħet inbiegħet tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra. Ġuda ra l-importanza tal-flus imma mhux il-valur ta’ dak li għamlet Marija. Quddiem il-fatt li Kristu kien ittradut għal tletin biċċa tal-fidda, bħal donnu Marija qed tgħid lil Ġesù: “Għalkemm Ġuda ma jħobbokx tant li ċaħdek għal tletin biċċa fidda, jien inħobbok għaxar darbiet aktar minnu” (30×10=300). Marija bħal donnha trid tgħid lil Ġesù: “Qatgħuhielek għall-mewt, imma jien irrid nidilkek bi fwieħa li tagħtik il-ħajja, għax kont int li għallimtna li l-imħabba tagħti l-ħajja. Int ħabbejtna qatigħ, u jien irrid inpattilek din l-imħabba b’din il-fwieħa”.

Kemm huwa sabiħ u jfuħ il-lingwaġġ tal-bniedem meta jkun jaqbel mal-lingwaġġ ta’ Alla! Għax dak li wettqet Marija kien il-lingwaġġ ta’ Ġesù. Mhux biss għaliex il-Mulej Ġesù tana l-kmandament tal-imħabba, imma wkoll għax ftit jiem wara li seħħet din il-ġrajja, tkellem bl-istess lingwaġġ ta’ Marija. Waqt l-Aħħar Ċena mad-dixxipli tiegħu, Ġesù neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu (ara Ġw 13:4-5).

Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nitgħallmu nitkellmu dan il-lingwaġġ ta’ Alla – huwa kliem li jmiss il-qlub. Marija taħsel ir-riġlejn ta’ Ġesù li mhux biss kienu kollha għabra u ħmieġ, imma kienu riġlejn li qed imiddu l-passi lejn il-qabar! Kapaċi aħna mmellsu u nidilku bil-fwejjaħ ir-riġlejn imdennsa tal-proxxmu tagħna, saħansitra ta’ min jista’ jkun qed jerħi r-riħa tal-mewt (mewt soċjali jew spiritwali)? Dawn huma l-għażliet li trid tagħmel il-komunità Nisranija biex tkun komunità li tiġi emmnuta. Huma dawn l-għażliet xi ftit skandalużi li jimlew id-dar tagħna (il-Knisja) bil-fwieħa tan-nard.

San Mark jgħid li Marija kissret il-vażett tal-alabastru (ara 14:3) biex ferrgħet in-nard u d-dar imtliet bil-fwieħa. Il-fwieħa tferrxet meta Marija kissret lilha nfisha għal Ġesù – meta Ġesù kisser lilu nnifsu fuq is-salib u l-imħabba tiegħu mliet id-dinja. It-tkissir mhux dejjem xi ħaġa negattiva. Meta aħna, misjuqa mill-imħabba, naċċettaw li nitkissru għall-oħrajn (fiż-żwieġ, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-isport, u l-bqija), jew meta xi ħadd jipprova jkissirna imma aħna naħfrulu u nkomplu nħobbuh, minn dak it-tkissir toħroġ il-fwieħa bħal meta nkissru l-petali ta’ fjura biex inxommu l-fwieħa!

Marta ħejjiet l-ikel għal Ġesù; imma Ġesù ma jridx l-opri tagħna. Minflok, jippreferi l-imħabba tagħna lejh u lejn il-foqra. Kif Ġesù jinnota lil Ġuda, il-foqra qegħdin magħna dejjem. Kif iħobb jgħidilna l-Papa Franġisku, il-foqra huma l-laħam ta’ Kristu – huma dawk li għandhom ir-riġlejn maħmuġin, dawk li jinsabu fix-xifer tal-mewt. Dik il-passjoni li Marija kellha lejn Kristu ħa tkebbes fina passjoni lejn il-foqra.

Meta llum il-Knisja f’Għawdex qed tfakkar il-154 anniversarju minn meta l-Papa Piju IX waqqafha bħala Djoċesi, nitolbu lil Alla biex il-Knisja tagħna tkun titkellem bil-lingwaġġ ta’ Alla u ma tibżax tħobb ħafna, anki jekk dan jiswielha l-prezz li tinkiser, biex hekk tarmi l-fwieħa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading