L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju tal-Ġetsemani fil-Bażilika tal-Agunija, Ġerusalemm


It-Tlieta, 18 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex waqt Velja ta’ Talb fis-Santwarju tal-Ġetsemani fil-Bażilika tal-Agunija, l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġerusalemm.veljagetsemani-1.jpeg

ĦBIEB IMQARBA TA’ ĠESÙ

Anki jekk f’qisien differenti, f’kull bniedem hemm “Ġuda”. Xi darba jew oħra għamilnihielu lill-Mulej! Għandna l-ħila nkunu foloz anki miegħu. Ittradejnieh anki b’bewsa, fis-sens li t-tradiment tagħna nagħmluh taħt libsa sabiħa!

Imma f’dan il-lejl meta ninsabu fis-Santwarju tal-Ġetsemani, nixtieq li nħossu lil Ġesù jagħtina bewsa sinċiera. Ġuda tah bewsa ta’ traditur; Ġesù wieġeb billi offrielu bewsa ta’ ħabib. Fil-fatt, wara li Ġuda tah bewsa falza, Ġesù sejjaħlu ħabib (Mt 26:50) – kelma li tikxef it-tjubija u t-tenerezza infinita li Alla jirriserva għall-bniedem. Min minna għandu l-ħila li jsejjaħ “ħabib” lil min jittradih serjament? Il-ħbieb huma dawk li aħna nirrispettaw, nafdaw u nħobbu. Il-ħbiberija timplika kollox barra dak li kien Ġuda. Imma minkejja kollox, Ġesù jibqa’ jsejjaħlu ħabib. Għalhekk ngħid li f’dak il-lejl li matulu kien arrestat, Ġesù jirreaġixxi għall-bewsa ta’ Ġuda b’bewsa ta’ ħabib.

Ma ninsewx li ftit qabel ma niżel fil-Ġnien taż-Żebbuġ, Ġesù kien ġabar lid-dixxipli madwar il-mejda tal-Aħħar Ċena. Hemmhekk lid-dixxipli Ġesù sejħilhom ħbieb: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri, jien għarrafthulkom” (Ġw 15:15). Minkejja li kien jaf li kienu mqarba, Ġesù jżommhom bħala ħbieb tiegħu. Ma jagħmilx għażla bejn tajbin u ħżiena, perfetti u imperfetti, leali jew le. Fil-fatt, Pietru ċaħdu, diversi ħallewh waħdu fuq is-salib, id-dixxipli ta’ Għemmaws parpru u bdew jorganizzaw ħajjithom daqslikieku Ġesù qatt ma kien… Anki meta niċħduh jew nitilquh, Ġesù jibqa’ ħabib tagħna.

Id-differenza bejn Ġuda u d-dixxipli l-oħra kienet li filwaqt li l-oħrajn kollha reġgħu lura għand Ġesù li laqagħhom u ħaddanhom miegħu, Ġuda ma aċċettax il-bewsa kollha għożża tiegħu. Ġuda ma emminx li Ġesù kien fidil għall-kelma li qalilhom: Intom ħbieb tiegħi. Aħna nistgħu nonqsu mill-kelma li nagħtu lil Alla, imma Alla mhux ser jinsa li kkostitwiena ħbieb tiegħu. Irridu nserrħu rasna li, nagħmlulu x’nagħmlulu, Ġesù jrid jibqa’ ħabib tagħna.

Id-dnub il-kbir ta’ Ġuda ma kienx li ttradixxa lil Ġesù, imma li huwa qata’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla. Huwa fatt li wara li għadda lill-Imgħallem tiegħu f’idejn l-għedewwa, Ġuda ddispjaċieh qatigħ tant li rema l-flus li kien daħħal: “Meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda u qalilhom: Dnibt għax ittradejt demm bla ħtija” (Mt 27:4). Mela għaliex tgħallaq? Għax ma aċċettax dik il-bewsa ta’ mħabba ta’ Ġesù, għax baqa’ ma fehemx li Ġesù kellu soft spot għall-midneb, għax iddubita mis-sinċerità ta’ Ġesù meta sejjaħlu ħabib.

Nistgħu nagħmlu ħafna dnubiet. Ilkoll aħna suġġetti għat-tnassis tat-tentatur, għax jgħid San Pietru: “L-għadu tagħna x-xitan, li jdur madwarna bħal iljun jgħajjat, ifittex lil min jibla’” (1 Piet 5:8-9). Imma l-akbar dnub li nistgħu nagħmlu huwa meta naqtgħu qalbna mill-miżerikordja ta’ Alla – meta f’moħħna u f’qalbna jbejjet is-suspett li Ġesù mhux ser ibusna, mhux ser jgħannaqna miegħu.

F’dan il-mument tal-pellegrinaġġ, ma nitlobux biex ma nonqsux – hija parti min-natura tagħna l-bnedmin li niżbaljaw; imma nitolbu biex ma tonqosna qatt il-fiduċja fil-ħniena u l-miżerikordja ta’ Alla. Ġesù jibqa’ jtennilna: Intom ħbieb tiegħi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.