L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju tal-Ġetsemani fil-Bażilika tal-Agunija, f’Ġerusalemm

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 18 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-Santwarju tal-Ġetsemani fil-Bażilika tal-Agunija, l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġerusalemm.

getsemani2.jpeg

SOLIDALI MAL-BNIEDEM FIL-ĠETSEMANI

Ħafna jafu xi jfisser meta ngħidu li l-bniedem ikun mess il-qiegħ. Hemm waqtiet fejn aħna niġu konxji mil-limiti tagħna. Fil-Ġetsemani, Ġesù mess il-qiegħ. Huwa ġarrab xi jfissru l-limiti tal-eżistenza umana. Fil-fatt, ma xtaqx li jkun waħdu u għalhekk għażel xi wħud mid-dixxipli u ħadhom miegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Ġesù ħass il-bżonn tas-solidarjetà tagħhom – għax il-fatt li l-bnedmin ikunu solidali bejniethom, dan itaffi ftit mit-toqol tal-piż tal-ħajja.

Ġesù kien jaf li kienu ser jeħduh biex jagħtuh il-mewt; imma ma kinitx il-mewt li nisslet fih dwejjaq kbar. Ruħu tnikktet għall-mewt meta ra l-massa tal-ħażen tal-umanità li huwa kien ser jerfa’ fuqu. Dak li taqqal qalb Kristu kien id-dnub tad-dinja. Kien quddiem din il-viżjoni li Kristu xtaq il-wens u l-kumpanija tal-Appostli.

Il-passjoni ta’ Kristu għadha għaddejja, għax kull fejn hemm bniedem li qed ibati, Kristu qed ibati miegħu. Kull darba li l-qalb tal-bniedem timtela bl-imrar, il-qalb ta’ Ġesù tfur bid-dwejjaq. Għalhekk, x’inhi l-attitudni tagħna quddiem Ġesù li qiegħed isofri fil-proxxmu?

Fil-Ġetsemani d-dixxipli qajla kienu ta’ konsolazzjoni għal Kristu għax raqdu. Mhux eskluż li huma għalqu għajnejhom intenzjonalment biex hekk ma jarawx id-dramma tal-waħx li kienet qed tiżvolġi quddiemhom. Ikun gwaj kbir jekk illum, kemm aħna individwalment u kemm bħala Knisja, nagħlqu għajnejna, nagħtu impressjoni li aħna reqdin, biex hekk ma ninkwetawx quddiem it-tbatija tal-umanità.

Id-dixxipli għalqu għajnejhom quddiem it-theddid li sar kontra l-ħajja ta’ Ġesù. Aħna wkoll kapaċi nongħosu quddiem it-theddid kontra l-ħajja umana. Ħajjitna hija mhedda mhux biss meta hemm ir-riskju li jiġi interrott il-proċess tat-tqala, imma kull darba li jkun hemm azzjoni jew kliem li jfieru d-dinjità tal-bniedem.

Kif id-dixxipli għalqu għajnejhom quddiem it-tradiment ta’ Ġuda, hekk ukoll aħna nkunu ttentati nibqgħu indifferenti quddiem id-diversi tradimenti li jseħħu f’kull qasam tal-ħajja tagħna – fiż-żwieġ, fost il-ħbieb, fuq ix-xogħol, fil-Knisja… Kif nistgħu nibqgħu passivi meta tiġi ttraduta l-fiduċja li xi ħadd ikollu f’persuna jew fl-uffiċċju partikulari li jkollha l-persuna? It-tradimenti jmermru r-relazzjonijiet ta’ bejnietna!

Id-dixxipli għalqu għajnejhom quddiem id-degradazzjoni tar-reliġjon tagħhom, partikularment meta r-reliġjon kienet qed tiġi strumentalizzata għal motivi politiċi jew ta’ poter. Huwa fatt li meta ġew biex jaqbdu lil Ġesù, flimkien ma’ Ġuda kien hemm is-suldati u xi għases mibgħuta mill-qassisin u l-Fariżej (ara Ġw 18). Ġesù ma kienx arrestat mir-Rumani (pagani) imma mill-establishment reliġjuż. X’inhi l-attitudni tagħna llum meta fil-Knisja naraw elementi minn dan il-proċess?

Jekk aħna nagħżlu li quddiem dan kollu norqdu, allura titkattar it-tbatija tal-Mulej Ġesù. Kieku d-dixxipli kienu sensibbli għall-ħtiġijiet ta’ Ġesù, kieku l-kalċi li xorob ma kienx ikun daqshekk morr. Bl-atteġġjamenti passivi tagħna quddiem il-massa tal-ħażen ta’ żminijietna, aħna nkunu qegħdin nipperpetraw l-agunija ta’ Kristu. Meta l-bniedem huwa agonizzant, anki Ġesù huwa agunija.

F’dan il-kuntest nagħmel sejħa biex ilkoll nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna quddiem kull għamla ta’ tbatija li qed tkidd lill-bniedem. Dawn id-dmirijiet ma nistgħux ngħadduhom lill-oħrajn. Aħna lkoll imsejħa biex inkunu solidali ma’ Ġesù fil-Ġetsemani – solidali mal-bniedem li jinsab fil-Ġetsemani ta’ żminijietna.

One thought on “L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju tal-Ġetsemani fil-Bażilika tal-Agunija, f’Ġerusalemm”

  1. Veru kliem ta’ bniedem qaddis, veru kliem ta’ bniedem li jhoss id-diffikultajiet u tbaghtijiet tal- batut. Hekk ghandna nkunu ahna lkoll jekk irridu nghidu li ahna vera nsara billi nimxu dejjem fuq it-triq li ghallimna Sidna Gesu Kristu.
    Proset u grazzi lill-Eccellenza tieghu l’Isqof Mario Grech. Kull darba li nisimghu dejjem nighallem biex inkun ahjar.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading