Ittra lill-għalliema kollha mill-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 25 ta’ Settembru 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech iltaqa’ mal-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja f’Għawdex fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tas-sena skolastika, li saret b’quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu.

quddiesa-ghalliema-8.jpeg

Preżenti kien hemm Dr Denise Mifsud, il-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, u s-Sur Stephen Spiteri, id-Delegat tal-Isqof għall-Edukazzjoni u Service Manager għall-Iskejjel tal-Knisja. Waqt il-quddiesa, l-Isqof ikkomunika din l-Ittra lill-Għalliema:

ITTRA LILL-GĦALLIEMA

Għeżież Għalliema,

Il-missjoni tagħkom b’risq it-tfal u l-adolexxenti ta’ gżiritna hija tant importanti li dejjem xtaqt li fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida nwasslilkom kelma ta’ apprezzament u inkuraġġiment. Fuq l-istudenti intom tħallu marka li lanqas iż-żmien ma jħassar. Għalkemm għaddew għexieren ta’ snin minn meta kont fuq il-bankijiet tal-iskola, kull darba li niltaqa’ ma’ xi wħud minn dawk li kienu jgħallmuni, tiġini spontanja li nsejħilhom “Sir” b’turija ta’ rispett u gratitudni għal dak li għamlu miegħi! Sinċerament nixtieq li l-istudenti tal-lum jikbru u magħhom tikber l-istima tagħhom lejkom.

Fil-qari tal-Vanġelu tal-lum, Ġesù jgħid li “ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt is-sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl” (Lq 8:16). Inħossni komdu napplika dan il-kliem għalikom: intom imsiebaħ li ddawlu l-iskejjel tagħna, li huma estensjoni tad-djar tagħna! Għall-istudenti, intom dawl li jgħinhom isibu triqathom fid-dellijiet u d-dlamijiet tal-ħajja. Ma nistagħġibx li fostkom l-għalliema jkun hemm min ma jemminx li huwa dawl. Għalhekk nistiednek tinżel fil-fond ta’ qalbek: stħarreġ sew lilek innifsek u hemm għandek issib fjamma tixgħel! Għax f’kull bniedem hemm potenzjal pożittiv: f’min ħafna u f’min ftit; u jekk tħalli n-nifs ta’ Alla jonfoħ ftit fuq dik il-ftila, il-fjamma titħeġġeġ u ddawwal madwarha. Mhux qed ngħid dan biex ngħollu rasna, imma biex niġu aktar konxji tar-responsabbiltajiet li għandna.

Intom dawl għall-istudenti jekk jirnexxilkom tgħinu lill-istudenti jħobbu l-iskola. Kif kien jgħid Dun Lorenzo Milani, saċerdot li ħadem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra, is-sigriet tas-suċċess fl-iskola huwa li l-għalliem jirnexxi jekk kapaċi jwassal lill-istudent jitgħallem jitgħallem! Għax meta l-għalliem jgħin lill-istudent iħobb it-tagħlim, huwa jkun qabbad fih il-magna tal-għarfien u hekk jinfetaħ għar-realtà kollha. Ma għandniex nibżgħu ngħinu lill-istudent jiġi f’kuntatt mar-realtà kollha kemm hi mingħajr ebda ċensura! Għalliem li jasal biex jixgħel il-passjoni għat-tagħlim fl-istudenti, ikun ipprovdielhom iċ-ċavetta biex jiftħu t-teżori tal-għerf. Aktar ma l-għalliem jikkomunika li hu stess ikun tgħallem jitgħallem, aktar kapaċi jkun inċiżiv fuq l-istudenti. Aktar ma għalliem juri li jħobb l-iskola, aktar ikun konvinċenti biex iwassal l-istudenti jħobbu l-iskola. Fil-fatt, altru għalliem li huwa dedikat fil-professjoni u jipprepara l-lezzjoni, u altru ieħor li jiskarta mill-iskola jew joqtol il-lezzjoni bin-nuqqas ta’ ħeġġa li juri! Ħafna drabi l-għalliema jgħallmu wkoll bis-skiet tagħhom; jgħallmu bl-eżempju li jagħtu, aktar milli bit-teoriji pedagoġiċi.

Student isir iħobb l-iskola jekk l-għalliem jurih li jħobbu, fis-sens li jikkomunikalu li għandu interess ġenwin fih. Aktar milli trażmissjoni ta’ tagħrif, l-edukazzjoni hija nisġa ta’ relazzjonijiet umani, liema relazzjonijiet aktar jissawru fil-kurituri milli fil-klassijiet. Ilkoll nafu l-assjoma li biex wieħed jgħallem il-Latin lil Ġanni, wieħed irid ikun jaf lil Ġanni aktar milli l-Latin! Għalliem li huwa appassjonat ma jiqafx fil-qoxra, imma b’ħafna prudenza jipprova jinżel fil-qalb u l-moħħ tal-istudent, b’attenzjoni li tiżboq it-tagħlim didattiku. Meta student ikun konvint mill-imħabba sinċiera tal-għalliem, faċli jiftaħ qalbu, u hekk l-għalliem mhux biss ikun jaf lill-istudent, imma wkoll xi jkun qed iġorr fil-bagalja tiegħu – li taf tkun mimlija b’ħafna stejjer tqal li jkunu jgħabbu jekk mhux jostakolaw il-mixja tiegħu fl-iskola.

Kif josserva l-Papa Franġisku, “il-missjoni tagħkom l-għalliema hija missjoni ta’ mħabba. Wieħed ma jistax jgħallem jekk ma jkunx iħobb u jekk ma jagħrafx li t-tagħlim li huwa joffri huwa biss id-dritt ta’ dak li jrid jitgħallem. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħallem, imma l-aktar essenzjali huwa li l-istudent ngħinuh irawwam fih kuxjenza ħielsa li tkun kapaċi tikkonfronta r-realtà u jirrelata magħha bl-imħabba; ikun kapaċi jiftiehem mal-oħrajn; jerfa’ l-għeja u l-ġerħat tagħhom; li jaħrab minn kull xorta ta’ egoiżmu biex jaqdi l-ġid komuni” (Barbiana, 20 ta’ Ġunju 2017).

Il-profeta Iżaija jgħidi li “jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, ixxabba’ qalb l-imnikket u ddaħħal il-barrani f’darek, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam” (58:10). Għalhekk, id-dawl tagħkom l-għalliema jidher ukoll meta qalbkom toħroġ għall-imġewwaħ u għal dak ta’ qalb imnikkta. Anki jekk illum ġieli jaslu studenti li jsofru l-ġuħ kieku mhux għax l-iskejjel tagħna jieħdu ħsieb joffrulhom il-meħtieġ, imma mbagħad hemm dawk li huma mġewħa għat-tagħlim – mhux tort tagħhom, imma għax għandhom ħiliet limitati. Li wieħed jgħallem lil min huwa bravu, x’merti jista’ jkollu? Ikollu merti dak l-għalliem li jakkumpanja lil student batut u b’ħafna impenn personali jarah jaqbad it-triq! Għandi stima kbira lejn dawk l-għalliema li b’inizjattiva u b’sagrifiċċju personali jfittxu li jkunu qrib dawk l-istudenti b’xi diffikultà. Naf li hemm għalliema li wara l-ħin tal-iskola, flok ma joffru lezzjonijiet tal-privat bil-ħlas, jagħżlu li gratwitament joffru sezzjonijiet ta’ dopo scuola lil studenti li altrimenti s-sistema tobżoqhom!

Il-kategorija ta’ barrani saret komuni wkoll fl-iskejjel tagħna. L-istudenti barranin jistgħu jkunu riżorsa għall-iskejjel tagħna; imma huwa fatt ukoll li biex dawn l-istudenti jintegraw ruħhom fis-soċjetà tagħna, jeħtieġu attenzjoni partikulari. Ftit ilu ltqajt ma’ familja barranija li għandhom tifel jattendi f’waħda milll-iskejjel tagħna. Il-ġenituri huma mħassbin għax binhom qed jingħalaq fih innifsu u ma jridx jitħallat ma’ sħabu, għax għandu diffikultà biex jikkomunika. Ma naħsibx li dan huwa każ iżolat. Għalhekk nappellalkom biex issegwu mill-qrib lill-barrani: kif għidt aktar ’il fuq, min jilqa’ ’l-barrani f’daru, id-dawl tiegħu jiddi fid-dlam.

Dawk li jemmnu fi Kristu jafu li l-Iben ta’ Alla huwa d-dawl veru li jdawwal lil kull bniedem (Ġw 1:9). Għalhekk, l-għalliema Kattoliċi jkunu dawl għall-istudenti jekk jgħinuhom japprezzaw x’inhu l-valur miżjud għal dawk li għandhom viżjoni Kristjana tar-realtà. It-twemmin fi Kristu jgħinna biex ngħożżu dak li huwa veru, tajjeb u sabiħ.

B’dawn il-ftit riflessjonijiet nixtieq inweżinkom f’din il-missjoni impenjattiva li qegħdin tinawguraw f’dawn il-jiem. Mill-ġdid grazzi tal-impenn tagħkom fil-formazzjoni tal-istudenti, l-adulti ta’ għada. Intom qegħdin tqiegħdu l-pedament għall-futur ta’ ġensna. Nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

 Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading