Ftuħ tas-Sena Akkademika tas-Seminarju Maġġuri, il-Belt Victoria

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Ftuħ tas-Sena Akkademika tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

img-4659.jpg

VIŻJONI MĠEDDA TA’ KNISJA

Matul is-snin tal-formazzjoni fis-Seminarju, is-seminaristi mhux biss jitgħallmu t-teoloġija u xjenzi umani oħra, imma bil-mod il-mod jiksbu viżjoni ekkleżjali. Għax la huwa sew li wieħed iħares lejn il-Knisja bl-għajnejn tad-dinja u lanqas ma jiswa li wieħed joħlom il-Knisja tal-bieraħ kif għadhom jagħmlu xi wħud f’ċerti ambjenti ekkleżjali. Fis-Seminarju jissawru saċerdoti għall-Knisja tal-lum u mhux għall-Knisja li ma għadhiex teżisti. Fil-fatt, aħna lkoll – jien inkluż – irridu nirriflettu u nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna biex kontinwament nikkoreġu jew niffukaw dejjem aħjar il-viżjoni tagħna tal-Knisja.

Ħa nipprova nislet tliet aspetti ta’ din il-viżjoni mill-Vanġelu li għadu kif ixxandrilna (Lq 10:13-16).

Ġesù kellu kelma iebsa għan-nies tal-bliet ta’ Korożajn, Betsajda u Kafarnahum. Huwa jisħaq magħhom illi kieku dawk in-nies għarfu l-grazzja li ngħatatilhom bil-miġja tiegħu, kieku kienu jikkonvertu; kieku laqgħu l-Vanġelu li pprietkalhom, kieku kienu jinbidlu! Dawn il-bliet serrħu wisq rashom fuq it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom, fuq il-kultura reliġjuża li kellhom! Ma ntebħux li f’nofshom kien hemm Ġesù u għalhekk ma tawhx widen! Kieku kienu kapaċi jaraw is-sinjali tal-preżenza ta’ Ġesù (il-mirakli) u kieku fetħu qalbhom għall-Vanġelu, kieku l-istorja kienet tkun differenti. In-nies ta’ dawn il-bliet kienu konvinti li Alla jgħammar biss bejn l-erba’ ħitan tat-Tempju f’Ġerusalemm u għalhekk qatt ma setgħu jobsru manifestazzjonijiet ġodda ta’ Alla – li Ġesù kien ser jinżel joqgħod magħhom f’ambjent lajk, iterraq fit-toroq kollha ħmieġ u saħansitra jgħaddi minn qalb l-imwejjed tan-negozju!

Inħoss li llum dan nistgħu napplikawh għall-komunitajiet ekkleżjali tagħna illi xi drabi jiġrilna kif ġara lil dawn it-tlett ibliet. Ħafna drabi ma jirnexxilniex nintebħu bis-sinjali tal-preżenza ta’ Ġesù fostna. Huwa minnu li mhux dejjem faċli nagħrfu dawn is-sinjali, għax xi drabi Ġesù huwa preżenti fl-oskurità tal-ħajja u f’dawk is-sitwazzjonijiet li aħna ma nobsrux li jkun hemm. Ħasra li aħna kkundizzjonati li naħsbu bl-iskemi kultwali li writna, li jillimitaw il-preżenza ta’ Ġesù! Il-modi tal-preżenza ta’ Alla fostna mhumiex daqshekk ovvji. Jekk aħna daqshekk ċerti minna nfusna u ma nkunux miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla, ħa jiġrilna kif ġralhom Korożajn, Betsajda u Kafarnahum.

Dan japplika wkoll għall-komunità tas-Seminarju tagħna. Għeżież seminaristi, noqogħdu ferm attenti li ma jgħarrilniex bħan-nies ta’ dawn it-tlett ibliet li Alla tahom tant grazzji imma huma rifsu fuqhom. Għall-grazzja tal-Ħanin Alla, f’dan is-Seminarju għandkom ħafna benefiċċji spiritwali. Il-preżenza ta’ Ġesù fis-Seminarju tagħna hija abbundanti. Għalhekk nirrakkomandalkom li ma tħallux l-abitudni tagħmikom u tfixkilkom. Anki fis-Seminarju faċli li wieħed jidra, kollox isir rutina u għalhekk wieħed ma jibqax jgħożż il-grazzji li joffrilna l-Mulej. Japplika wkoll għaż-żmien tal-formazzjoni dak li jgħid il-qawl “familiarity breeds contempt”. Nappellalkom ukoll biex ma tagħmlux reżistenzi għal dak kollu li l-Mulej irid jikkomunikalkom b’modalitajiet varji. Għalkemm Kafarnahum kellha l-grazzja li Ġesù għażilha biex tkun beltu, tant li għadda tliet snin fiha, din il-belt għamlitlu r-reżistenza! Għeżież seminaristi, tagħmlux reżistenzi għall-formazzjoni li nippruvaw noffrulkom. Nagħtikom garanzija li dawk kollha li huma responsabbli mill-formazzjoni tagħkom iħobbukom, iħobbu lil Ġesù u lill-Knisja daqshekk ieħor, u għalhekk tixirqilhom il-fiduċja kollha tagħkom anki meta jikkomunikawlkom ħwejjeġ li ma tiħdux gost bihom.

Fil-Vanġelu jolqotni l-ilment ta’ Ġesù fuq il-bliet ta’ Korożajn, Betsajda u Kafarnahum. Wieħed jista’ jgħid li hawnhekk Ġesù qed jagħti ċanfira lil dawn in-nies li kienu tant irresponsabbli li ma laqgħux l-opportunità taż-żjara tiegħu. Imma dan l-aħħar il-Papa Franġisku ta interpretazzjoni interessanti ta’ dan il-passaġġ. Huwa jgħid li hawnhekk Ġesù beka fuq dawn il-bliet li huwa tant ħabb, imma l-imħabba tiegħu kienet irrifjutata. Kif Ġesù beka fuq Ġerusalemm għax ma aċċettatux u dan wassal għall-qerda tagħha (ara Lq 19:41-44), jibki qalbu għax dawn il-bliet ma fehmux l-imħabba u l-ħlewwa ta’ Alla! Ġesù jagħli għal dawn in-nies li ma għarfux iż-żmien tal-grazzja!

Nirrakkomandalkom, għeżież seminaristi, biex tkunu sensibbli għall-komunitajiet Insara li llum ma humiex jikkorrispondu għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu. Inħeġġiġkom biex tħossu u tibku ma’ dawk li ma humiex ġenerużi biżżejjed ma’ Ġesù. Inkwetaw għal dawk li jieqfu f’nofs il-mixja tagħhom wara Ġesù – mhux għax jinteressawna n-numri, imma għax min jitlef lil Ġesù jkun għamel telfa personali. Xi drabi nħossni ttentat nissuspetta li aħna mhux dejjem għandna din il-kompassjoni għall-bnedmin li jitfixklu fit-triq tal-fidi u nafu nibqgħu indifferenti għal din il-kategorija. Għandu jiddispjaċina li hemm min qed jaqa’ lura fil-fidi. Mhux atteġġjament pastorali li niġu naqgħu u nqumu minn dawk li tilfu l-interess fil-Knisja, minn dawk li għamlu għażliet li ma humiex skont il-Vanġelu, minn dawk li għadhom ma għarfux lil Ġesù, jew minn dawk li b’mod jew ieħor ifieru l-komunità ekkleżjali.

Nixtieq li fis-snin tal-formazzjoni fis-Seminarju titħarrġu biex tiftħu qalbkom għal dawn in-nies u tħossu magħhom u għalihom, tagħtuhom l-attenzjoni tagħkom u tinteressaw ruħkom mill-istorja tagħhom. Irridu nrawmu fina kompassjoni u simpatija lejn dawk li bħal Korożajn, Betsajda u Kafarnahum jagħmlu reżistenza lil Ġesù. Għandna nevitaw kull kliem ta’ disprezz jew stmerrija lejn dan l-aħwa.

Ġesù jsemmi żewġt ibliet oħra, Tir u Sidon, u jikkummenta illi kieku dawn kellhom jaraw is-sinjali li saru f’Korożajn, Betsajda u Kafarnahum, kieku dawn kienu jiftħu qalbhom għal Alla! It-tifsira profonda impliċita f’dan il-kumment ta’ Ġesù toħroġ meta wieħed iqis li Tir u Sidon kienu bliet pagani, ’il barra mill-konfini ta’ Iżrael, u li fl-imgħoddi minħabba l-ostilità li kienu juru lejn il-poplu ta’ Alla, ġibdu fuqhom il-kundanna tal-profeti (ara Iż 23:4; Eżek 26). Dawn in-nies mhux biss ma kellhomx sinagoga u “uffiċjali” tat-Tempju, imma l-istess istituzzjoni reliġjuża f’Ġerusalemm kienet tirrifjutahom u qatgħet qalbha minnhom. Imma minkejja li Tir u Sidon kienu ambjenti pagani (kieku llum ngħidu li kienu sekularizzati), Ġesù jibqa’ jemmen fihom!

Jien nixtieq li din tkun il-viżjoni tagħna bħala Knisja: illi quddiem persuni, ġemgħat u realtajiet li nistgħu ngħidu li huma Tir u Sidon tal-lum – li bil-kalkoli umani tagħna probabbli ma għandna ebda tamiet li dawn ser jiġu magħna u forsi nikkunsidrawhom bħala dawk li jxekkluna fil-missjoni tagħna –, aħna nibqgħu nemmnu fihom! Fuq l-eżempju ta’ Kristu, fihom irridu nfittxu dak il-potenzjal spiritwali moħbi. Din l-attitudni għandha ġġib magħha żvolta fil-ħidma pastorali li ma għandhiex tkun immirata biss lejn dawk li huma dejjem ma’ djulna, imma tkun pastorali ta’ Knisja li toħroġ, kif iħobb jgħidilna l-Papa Franġisku. Neħtieġu pastorali li ma taqta’ qalbha minn ħadd u minn xejn, pastorali li ma tfittixx li tirtira mill-ambjenti lajċisti tal-lum u ma tagħmel ebda esklużjoni a priori, imma tibqa’ tittama kontra kull tama, pastorali li taf tistenna b’ħafna mħabba l-mument tal-grazzja!

Dawn huma t-tliet punti li nebbaħni l-Vanġelu li xxandrilna llum biex bil-mod il-mod ikollna viżjoni ekkleżjali għad-dinja tal-lum. Neħtiġuha din il-viżjoni. Ninkwieta qatigħ meta f’ċerti Knejjes partikulari ninnota presbiteri li moħħhom biex jagħmlu mill-Knisja kastell sabiħ imma bil-pontijiet imtellgħa u l-bibien imbarrati, meta nilmaħ presbiteri li jinqatgħu mill-komunità għax jaħsbu li huma xi ċetu li għandu jkun appartat, flok ma jkunu qassisin tan-nies. Dawk li fdajtilhom ir-responsabbiltà tal-formazzjoni tagħkom jistgħu jikkonfermawlkom kemm jien imħasseb li fis-Seminarju tagħna ma jmorrux jinbtu elementi li jkollhom viżjoni ta’ Knisja li tkun tikkuntrasta, mhux mal-viżjoni tal-Isqof djoċesan jew mal-viżjoni tal-Papa Franġisku, imma mal-viżjoni ta’ Kristu. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna.

Ara pdf: ST-10-2018

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading