Il-Papa f’Dar Santa Marta: Gwaj għall-insara li lil Ġesù jħalluh fil-Knisja


Il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru 2018: Aħna li twelidna f’soċjetà nisranija, nirriskjaw li l-kristjaneżmuu tagħna ngħejxuh bħala drawwa soċjali, formalment, “bl-ipokrisija tal-ġusti” li jibżgħu li jkunu maħbubin.  Imbagħad wara l-quddiesa, lil Ġesù nħalluh fil-Knisja u ma jiġix lura magħna lejn id-dar, ma jkunx magħna fil-ħajja ta’ kuljum.  Gwaj għalina għax b’hekk inkunu qed inkeċċu lil Ġesù minn qalbna: Inkunu nsara iżda ngħejxu ta’ pagani.

Fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum il-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku ikkummenta l-Vanġelu skont San Luqa u ċ-ċanfira ta’ Ġesù lil Betsajda, Korażin u Kafarnahum, li ma emmnux fih minkejja li raw il-mirakli, u stedinna biex ilkoll nagħmlu eżami tal-kuxjenza

Ġesù hu mnikket għax irrifjutat, spjega l-Papa, filwaqt li bliet pagani bħal Tir u Sidon, kienu żgur jemmnu fih kieku raw il-mirakli tiegħu.  U jibki għax dan-nies ma kellhomx ħila jħobbu, filwaqt li Hu ried jidħol fil-qlub kollha b’messaġġ li ma kienx wieħed dittatorjali, iżda messaġġ ta’ mħabba.

Inqeħgedu lilna nfusna minflok l-abitanti ta’ dawk it-tliet bliet, kompla Franġisku,.  Jien li rċevejt tant mingħand il-Mulej, twelidt f’soċjetà nisranija, sirt naf lil Ġesù Kristu, għaraft is-salvazzjoni, kont edukat fil-fidi.  U bħal xejn ninsa lil Ġesù.  Imbagħad nisimgħu b’aħbar nies oħra li malli jisimgħu leħen Ġesù jikkonvertu u jimxu warajh.  U aħna ‘drajnieh”, ikkummneta l-Papa.

Din id-drawwa tagħmlilna d-deni għax il-Vanġelu nirriduċuh għal fatt soċjali, soċjoliġiku u ma nqisuhx bħala relazzjoni personali ma’ Ġesù.  Ġesù jkellimni, ikellem li kull wieħed u waħda minna.  Il-prietka ta’ Ġesù tolqot lilna lkoll.  Kif inhi li malli semgħu il-prietka ta’ Ġesù dawk il-pagani jmorru miegħu u jien, li twelidt f’soċjetà nisranija, għalija l-fidi saret drawwa, qiesha l-libsa li għandi fuqi li ninżagħha u mbagħad nitlaqa’ hemm?  Ġesù jibki fuq kull wieħed u waħda minna meta l-ħajja nisranija tagħna ngħejxuha bil-formalità.

Meta ngħejxu hekk, issokta l-Papa Franġisku, aħna nkunu xi ftit ipokriti, bl-ipokrisija tal-ġusti.  Hemm l-ipokrisija tal-midinbin, iżda l-ipokrisija tal-ġusti hi l-biża’ mill-imħabba ta’ Ġesù, il-biża’ li nħalluh iħobbna.  U fil-fatt meta nagħmlu dan, inkunu qed nippruvaw li r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù immexuha aħna.  Immorru l-Knisja imma ngħidulu biex jibqa’ hemmhekk, ħalli jien nerġa’ lura lejn id-dar.

B’hekk Ġesù ma jiġix lura magħna d-dar, fil-familja, fl-edukazzjoni tal-ulied, fl-iskola, fil-kwartier fejn ngħejx.  B’hekk, Ġesù jibqa’ fil-Knisja jew fuq is-salib jew fis-santa.

Illum, għalina, qal il-Papa Franġisku, jista’ jkun jum fih nagħmlu eżami tal-kuxjenza u ntennu “gwaj għalik, għax jien tajtek tant, tajtek lili nnifsi, għażiltek biex tkun nisrani/nisranija u int tippreferi ħajja bin-nofs, ħajja superfiċjali: xi ftit nisranija, ftit ilma mbierek imma xejn aktar”.

Fil-realtà meta ngħejxu din l-ipokrisija nisranija, fil-fatt inkunu qed inkeċċu lil Ġesù minn qlubna.  Nagħmlu tabirruħna li qiegħed magħna, imma nkunu bagħatnieh ‘l hemm.  Inkunu nsara, kburin li aħna nsara, imma ngħejxu bħall-pagani.

Kull wieħed u waħda minna għandu jaħseb f’qalbu: Jien Korażin” Jien Betsajda?  Jien Kafarnahum?  U jekk Ġesù jibki, nitoluh il-grazzja li nibku aħna wkoll.  B’din it-talba:

“Mulej, int tajtni ħafna.  Qalbi hi tant iebsa li ma nħallikx tidħol, dnibt bl-ingratitudni, jien ingrat, ingrata”.

U nitolbu lil-Ispirtu s-Santu, temm il-Qdusija Tiegħu, biex jiftħilna l-bibien ta’ qlubna, sabiex ikun jista’ jidħol Ġesù, biex mhux nisimgħuh biss, imma nisimgħu l-messaġġ tas-salvazzjoni tiegħu, u niżżuh ħajr għal tant ħwejjeġ sbieħ li għamel għal kull wieħed u waħda minna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.