Ittra lill-Poplu ta’ Alla mill-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Ittra lill-Poplu ta’ Alla, tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, li se tinqara fil-quddies kollu tas-Solennità tal-Qaddisin kollha, il-Ħamis 1 ta’ Novembru, fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

mario_grech.jpg

Ittra lill-Poplu ta’ Alla tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Id-devozzjoni lejn l-Erwieħ
Dan l-aħħar, persuna rrakkontatli kif qalgħet grazzja bl-interċessjoni tal- erwieħ. Fissritli li wara li talbet bil-qalb lil xi familjari u ħbieb mejtin biex iressqu l-karba tagħha quddiem Ġesù, hija kellha konferma li hu wieġeb għat-talba tal-erwieħ! L-argument ta’ din il-persuna huwa sempliċi ħafna: meta dawk li jħobbuha jagħlqu għajnejhom għal din id- dinja, wara li jkunu għaddew mit-tisfija huma jaraw lil Alla wiċċ imb wiċċ; misjuqin minn din l-istess imħabba u għożża, dawn l-erwieħ li qegħdin fil-preżenza ta’ Alla, jidħlu għalina quddiemu.

Spiss jiġri li, meta nkunu nixtiequ nħabbtu l-bieb tas-Sema, aħna nfittxu l-appoġġ tal-qaddisin. Nagħmlu sew, għax kif tgħallem il-Knisja, il- qaddisin fis-Sema jgħixu quddiem il-Mulej u ma jieqfu qatt jitolbu għalina quddiem il-Missier. Il-ħerqa tagħhom ta’ aħwa tgħin ħafna d- dgħufija tagħna (ara Lumen Gentium, 49).

Imma kif aħna nitolbu lill-qaddisin jidħlu għalina quddiem Alla, għaliex ma għandniex insejħu lill-għeżież tagħna li jkunu telqu qabilna biex jitolbu għalina? Huwa fatt li ebda qaddis ma jafna daqskemm ikunu jafuna n-nanniet, il-ġenituri, iż-zijiet, forsi wkoll uliedna li nkunu tlifniehom f’din id-dinja imma ksibniehom fis-Sema. Jingħad li meta kien fuq is-sodda tal-mewt, San Duminku ta’ Gużman qalilhom hekk lil ħbiebu: “Tibkux. Jien inkunilkom aktar utli wara li mmut u nkun nista’ ngħinkom tassew aktar minn meta jien ħaj”. Qabel ma mietet, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qalet: “Jien ngħaddi ż-żmien tiegħi fis-Sema nagħmel il-ġid fuq l-art”. U ż-żagħżugħ San Alwiġi Gonzaga, li bħalissa qed niċċelebraw il-Ġublew Straordinarju tiegħu, ftit jiem qabel miet kiteb lil ommu: “Sinjura, ara li ma tonqosx lit-tjieba bla qies ta’ Alla; dan inti tkun tagħmlu jekk tibki bħala mejjet lil dak li jkun jgħix quddiem Alla, minn fejn bit-talb tiegħu jista’ jgħinek wisq aktar milli qatt jista’ f’din il-ħajja”.

Ħafna huma tal-fehma li l-ewwel referenza li nsibu fil-Bibbja li tikkonferma li l-erwieħ tajba jitolbu għalina nsibuha fit-Tieni Ktieb tal- Makkabin, fejn naqraw li darba, il-Qassis il-kbir Onija kellu viżjoni ta’ raġel imdawwar b’għaġeb ta’ maestà mill-aqwa, u dan qal hekk dwaru: “Dan hu l-ħabib ta’ ħutu, il-bniedem li jitlob dejjem għall-poplu tiegħu u l-belt il-qaddisa” (15:14).

San Alfons Maria de’ Liguori huwa konvint li l-erwieħ tajba jistgħu jitolbu għalina anki meta jkunu għadhom il-Purgatorju jġarrbu l- purifikazzjoni: billi huma maħbuba minn Alla u kkonfermati fil-grazzja, ma hemm xejn xi jtellifhom milli jitolbu għalina. Alla jippermetti li l- erwieħ ħbieb tiegħu jkunu jafu x’inhuma x-xewqat tagħna biex imbagħad huma jitolbu għalina. Hekk bejnna u bejnhom jibqa’ dan il-bdil ta’ atti ta’ mħabba billi aħna nitolbu għalihom u huma jitolbu għalina. Santa Katerina minn Bologna, meta kien ikollha bżonn ta’ xi grazzja, kienet tirrikorri għand l-erwieħ tal-Purgatorju u t-talb tagħha kien mismugħ; anzi, hija tgħid li ħafna grazzji li ma kenitx taqla’ bl-interċessjoni tal- qaddisin, hija qalgħethom permezz tal-erwieħ tal-Purgatorju (ara l-ktieb ta’ San Alfons, Del Gran Mezzo della Preghiera).

Il-fatt li nitolbu lill-erwieħ ma għandux inessina d-dmir li nitolbu għalihom ukoll. It-talb tagħna għall-erwieħ huwa att ta’ mħabba u rikonoxxenza għal dak kollu li huma għamlu magħna f’din id-dinja. Xi drabi s-suffraġju li noffru lill-erwieħ, anki b’xi karità li nagħmlu, huwa wkoll mod kif infittxu nissodisfaw xi djun pendenti li jkollna magħhom. Fuq kollox, meta niftakru fihom fit-talb tagħna, speċjalment waqt is- sagrifiċċju tal-quddiesa, aħna nkunu qed irroddu ħajr lil Alla li jkun tahomlna f’ħajjitna.

Fid-dawl ta’ dan, issa li bdejna x-xahar ta’ Novembru, li nafuh ukoll bħala ‘x-Xahar tal-Erwieħ’, nistedinkom titolbu kemm għall-erwieħ tal- Purgatorju u kemm biex titolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-antenati għeżież tagħna, sew jekk għadhom fiż-żmien tal-purifikazzjoni u iktar u iktar jekk qegħdin fis-sebħ u jaraw ċar ’l Alla kif inhu fih innifsu, Wieħed fi Tliet Persuni. Alla huwa l-qofol tad-devozzjoni tagħna lejn l-erwieħ. Fil-fatt, bit-talb tagħna ngħinu lill-erwieħ iħaffu jingħaqdu ma’ Alla, u meta nitolbuhom, huma jgħinuna nġarrbu l-qawwa feddejja ta’ Kristu. Għaldaqstant, il-kult Nisrani lejn l-erwieħ m’għandu x’jaqsam xejn ma’ ċelebrazzjonijiet jew prattiċi tal-okkult, partikularment dawk li nisimgħu dwarhom f’dan iż-żmien.

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar it-Tnejn 22 ta’ Ottubru 2018, Tifkira liturġika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Mario Grech

Biex tinqara fil-quddies kollu tas-Solennità tal-Qaddisin Kollha, 1 ta’ Novembru 2018.

One thought on “Ittra lill-Poplu ta’ Alla mill-Isqof Mario Grech”

  1. Ghaziz Ecc.Rev.Mons M Grech
    Jiena Mario Grima min Malta dalghodu qarajt l ittra tieghek fuq intercesjoni tal-erwieh tal-purgatorju w qalbi ntliet bil-ferh ghax propju fl-ewwel ta’Ottubru jiena waqqaft dar tat-Talb San Guzepp fil-Marsa w wahda mill-intenzjonijiet taghna barra li nitolbu ghall-Familji,ghas-Sacerdoti wkoll nghidu r-ruzarju tal-erwieh tal-purgatorju w nitolbu bl-intercesjoni taghhom. Nitlob il-barka tieghek fuq din id-dar tat-Talb u fuqi .
    grazzi Mario Grima
    facebook dar tat-talb San Guzepp

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading