L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Koronatu Martri

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 11 ta’ Novembru 2018: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa ta’ San Koronatu Martri, fil-Bażilika u Kolleġġjata ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Bil-kortesija ta’ Radju Luminaria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/528683124″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

48

ĦAFNA JIKTBU L-ISTORJA FIL-MOĦBI

Min huma dawk li qed jiktbu l-istorja ta’ żminijietna? Min huma l-awturi tal-istorja? Dalgħodu f’Pariġi jinsabu miġbura għadd ġmielu ta’ kapijiet ta’ pajjiżi biex ifakkru l-ewwel mitt sena minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija! Huma dawn biss li qed ifasslu l-istorja, jew anki l-bniedem komuni biċ-ċkunija, id-dgħufija u l-faqar tiegħu qed jikteb l-istorja?

Ġesù fil-Vanġelu jkellemna dwar armla (Mk 12:38-44). Għalhekk dik li tokkupa ċ-ċentru ma hijiex persuna li tilbes ilbies ilellex jew għandha l-poter; lanqas ma huma t-teologi li jfissru l-Kelma ta’ Alla jew dawk li għandhom xi poter spiritwali. Imma għandna armla li fi żmien Kristu ma kienet tiswa xejn! Il-fatt li kienet tkun tilfet lil żewġha kien ifisser li ma kellhiex min iħares l-interessi tagħha – ma kellhiex min jiddefendiha! L-armla ma kellha ebda importanza, la fil-qafas soċjali u anqas u anqas fiċ-ċrieki reliġjużi. L-armla kienet mara minsija u skartata. Ma kellha ebda vuċi. Kienu jħarsu lejha b’ħarsa dispreġġjattiva. La kellha min jappoġġjaha u lanqas min japprezzaha.

Imma minkejja dan kollu, hija tagħmel ġest sabiħ ħafna: hija titfa’ biċċtejn żgħar fit-teżor tat-Tempju – tefgħet kulma kellha biex tgħix! Għalhekk, minkejja l-kundizzjoni miżera li kellha fis-soċjetà – anzi, biex tkompli tagħqad, kienet ukoll fqira – din l-armla tagħmel din l-azzjoni li għandha tifsira profonda. Ħadd ma jieħu nota ta’ dak li hija tagħmel. Ħadd ma jintebaħ bl-erojċità tagħha, u anqas u anqas ma kien hemm min ilissnilha kelma ta’ apprezzament jew radd il-ħajr. Ħadd ma ta kas tagħha ħlief wieħed: Alla.

Jiena u nimmedita dan il-Vanġelu laqatni ħafna dan id-dettall: filwaqt li kulħadd jittraskura lil din l-armla, Alla juri interess fiha. Filwaqt li għall-folla l-armla lanqas biss kienet teżisti, Alla jieqaf jaħseb dwarha u jammiraha. Waqt li la d-dinja lajka u anqas dik reliġjuża ma jikkalkulawha, għalkemm materjalment miżera, l-armla kellha qalb kbira tad-deheb tant li serqet l-attenzjoni ta’ Kristu.

Il-miżien ta’ Kristu huwa differenti mill-miżien tagħna. Xi drabi l-istess miżien ta’ Kristu huwa differenti wkoll mill-miżien li tħaddem il-Knisja! Għax filwaqt li l-miżien tad-dinja jiżen il-kwantità, fil-każ ta’ Kristu hija l-kwalità li toħroġ mill-qalb umana li tniżżel il-keffa! Għalhekk ukoll meta l-bniedem huwa żgħir, diżgrazzjat u fqir, huwa jaf jagħmel ġest li huwa apprezzat minn Ġesù. Il-bniedem fqir ma huwiex biss dak li għandu l-but vojt, imma huwa wkoll dak li jħossu fqir spiritwalment u anki moralment. Jien konvint li fostna hawn diversi li jħossuhom spiritwalment indenji, għax f’paragun ma’ Nsara oħrajn jaħsbu li ma humiex spiritwalment jew reliġjożament attivi bħal ħaddieħor. Kull wieħed u waħda minna aħna konxji mil-limitazzjonijiet morali tagħna u għalhekk hemm ir-riskju li naqtgħu qalbna minn Alla għax naħsbu li hu jkun qata’ qalbu minna!

Ħbieb, Kristu jinnota x’hemm fil-qalb, anki fil-qalb tal-fqir li fil-faqar tiegħu (faqar fis-sens wiesa’ tal-kelma) kapaċi jagħti ftit ħafna. Bħal fil-każ tal-armla, għal Ġesù dak il-ftit li toffri għandu valur enormi! Dan lili jikkonvinċini li fostna hawn ħafna li jistgħu jilbsu ż-żarbun tal-armla: ma tantx tagħmlu ħoss, ma tagħmlux aħbar, isimkom mhux miktub fil-bullettin parrokkjali, fir-rivisti jew fuq xi lapida… imma xorta qegħdin tiktbu l-istorja! Intom l-atturi li tistgħu tokkupaw iċ-ċentru tal-palk tal-ħajja, anki jekk bħall-armla tafu tkunu mwarrba jew ma jagħtukomx wiċċ, anki jekk int għamilt xi ħaġa kerha fl-imgħoddi u minħabba dak li tkun għamilt sibt ruħek skartat jew maqtugħ mill-bqija, anki jekk inti fqir kulturalment, spiritwalment u moralment. Nemmen li f’kull bniedem hemm qalb u għalhekk hemm mumenti fejn dik il-qalb tagħmel ġesti kollha mħabba vera, tant li anki jekk ikunu ġesti żgħar, dawn jaf ikollhom konsegwenzi pożittivi enormi. Ħadd ma jinnotahom. Ħadd ma ser ifaħħarhom. Imma Ġesù Kristu, li għandu din l-għajn klinika, jara x’hemm moħbi fil-qalb, u “Missierek, li jara x’hemm fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:4).

Illum qegħdin nagħmlu l-festa tal-martri San Koronatu. Nitqarrqu jekk naħsbu li meta dan il-qaddis kellu jaffaċċja l-martirju, l-Insara ħaduh bid-daqq tat-tnabar u bil-friegħi tal-palm f’idejhom! Ħadd ma kien jaf. Is-soċjetà beżqitu u ħallietu waħdu. Imbagħad maż-żmien poġġewhulna bħala xempju għall-ħajja Nisranija. L-istess għamel Kristu ma’ din l-armla: ħadd ma ħabbel rasu biha u hu jpoġġiha fiċ-ċentru tal-Vanġelu. Bħall-armla, Koronatu tant ħabb lil Ġesù li ta kulma kellu għalih – ta ħajtu stess.

Il-martri San Koronatu kiteb l-istorja tal-bieraħ. Filwaqt li nagħmlu sewwa li nżommu ħajja l-memorja tiegħu, hija r-responsabbiltà tagħna li niktbu l-istorja kontemporanja. Imwieżen mill-fidi tiegħi f’Alla, jien konvint li llum fostna hawn diversi li qed jgħixu, anki fl-anonimat, l-ispirtu tal-martri u l-ispirtu tal-armla. Għandi f’moħħi lil dawk il-ġenituri li minn xħin titla’ x-xemx sa xħin tinżel huma ssagrifikati għal uliedhom. Niftakar f’dawk li huma dejjem marbuta d-dar għax għandhom lil xi ħadd b’mard kroniku jew anzjan. Niftakar f’dawk il-ħaddiema li mingħajr ebda daqq ta’ trombi huma solidali ma’ sħabhom. Għadu kif intemm is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ – u nixtieq li dan ikollu aktar eku fid-Djoċesi tagħna – u niftakar f’dawk iż-żgħażagħ li xi drabi, minkejja li jkunu foqra spiritwalment jew moralament, jiskantawna bil-ġenerożità tagħhom. Għandna żgħażagħ li ma jiġux daqshekk spiss il-knisja imma xorta huma tad-deheb!

Għalhekk min qed jikteb l-istorja? Mhux biss il-kbar, li xi drabi jiktbuha ħażin. Fi żmien San Koronatu kien l-Imperatur li għamel persekuzzjoni lill-Insara; u jekk illum qed infakkru l-mitt sena mit-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, kienu l-kbarat li ġabu l-qerda ta’ tant miljuni ta’ bnedmin! L-istorja qed tiktibha int fis-sempliċità u fl-ordinarjetà tal-ħajja ta’ kuljum tiegħek. Għalhekk agħmlu l-qalb. Alla, li jara x’hemm fil-moħbi, ipattilkom hu. Inħeġġiġkom biex tkomplu tkattru t-tajjeb li qegħdin tagħmlu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading