Lectio Divina għat-33 Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Mk 13, 24-32): Is-silta tal-lum hi miktuba fuq stil apokalittiku.  Mark kitibha wara li spiċċat il-persekuzzjoni ta’ Neruni fis-sena 70 AD li matulha inqatlu Pietru u Pawlu.  Wara li miet Neruni, kien hemm gwerer qliel ċivili, vjolenzi, pestilenza u t-tiġrif tat-Tempju.  L-Insara ta’ Ruma bdew isaqsu: “X’qed jiġri? Fejn hi d-dinja ġdida li ħabbar Kristu 40 sena ilu?”  Dawn id-diżastri qishom misteru moħbi wara velu.  Il-kelma “apokalittiku” ma tfissirx “diżastri” imma “’il bogħod mill-ħabi” i.e. il-kxif tal-velu biex wieħed jara dawn il-ġrajjiet x’inhuma verament.  Peress li l-Insara ta’ dak iż-żmien ma setgħux jagħtu sens għal dawn id-diżastri, Mark kiteb is-silta tal-lum biex jikxef il-velu ta’ dawn il-misteri.  Jibda bi twissija, u din tgħodd għalina wkoll.

  1. “Oqogħdu attenti!  Ara li ħadd ma jqarraq bikom.   Meta tisimgħu fuq xi gwerer, ma jfissirx li wasal it-tmiem.  Nazzjon iqum kontra ieħor, ikun hemm terrimoti u ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.” (Mk 33, 5-8). Mela dawn is-sinjali ma jwasslux għall-mewt imma għal twelid ġdid, dinja ġdida.  Anki llum nisimgħu ħafna jgħidu li l-Knisja Kattolika qiegħda f’minoranza, u għalkemm tagħmel ħafna sforzi, xorta qabdet in-niżla, u dalwaqt tisparixxi.  Dawn ikunu qed jinterpretaw ħażin iż-żmien ta’ tbatija u persekuzzjoni.  Inneħħu l-velu u ngħidu li dan mhux tbatija tal-agunija, imma tal-ħlas, li se jagħti bidu għal Knisja ġdida, meħlusa mill-jasar tal-poter u tradizzjonijiet skaduti – Knisja aktar safja u evanġelika.  Il-Vanġelu tal-lum jistedinna biex nikxfu dan il-velu ħa naraw l-affarijiet kif jarahom Alla fil-pjan Divin Tiegħu.
  2. “Ix-xemx tiddallam… il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.”  Għal-Lhud, it-tiġrif tat-Tempju kien għalihom l-aħħar tad-dinja.  Ġesu’, li kien ħabbar li għad jiġri dan, jinterpretaha b’dan il-mod apokalittiku: (a) “Ix-xemx tiddallam.” Din mhijiex ix-xemx li naraw kuljum fis-sema.  Fil-Lvant Nofsani, ix-xemx kienet divinita’, l-alla Aton.  Kienet adurata l-aktar fl-Eġittu bħala s-sors tas-sħana, dawl u ħajja.  Din id-divinita’ se tiġġarraf; (b) “Il-qamar jitlef id-dija tiegħu.”  Dal-qamar hu l-alla Sin li jimmarka ċ-ċikli tal-ħajja, adurat fil-Mesopotamja. Anki dan l-alla se jaqa’ mis-sema; (ċ) “Il-kwiekeb jaqgħu mis-sema.” Dawn huma l-allat li daħku bil-popli u ngannawhom.  Issa dawn għamlu żmienhom.  Se jitilfu l-poter tagħhom u ħadd iktar mhu se jagħti kashom jew jieħu l-parir tagħhom fl-għażliet tiegħu.  Din il-bidla ta’ taħt fuq kien ħabbarha Isaija.  Il-kelma “katastrofi” tfisser appuntu hekk: tagħmel kollox bil-maqlub ta’ qabel.  Mela dak kollu li d-dinja antika ddettat u għażlet għalik, minn issa ‘il quddiem int trid tagħmel bil-maqlub.  U dan għaliex Ġesu’ se jagħti bidu għall-bniedem il-ġdid f’dinja ġdida, għax, fejn se jasal il-Vanġelu, is-saltniet tad-dinja l-qadima se jiġġarrfu, flimkien mal-istilel (li ‘stars,’ l-artisti) ta’ dak iż-żmien, i.e. il-Farwni, l-Imperaturi u r-rejiet.  Dawn kienu meqjusa u ammirati bħala allat tas-sema.  Issa se tinkixef id-dgħufija u l-inkonsistenza tagħhom.  Il-messaġġ ta’ Ġesu’ hu tħabbira ta’ terremot li se jehżeż dawn il-qawwiet u jaqlibhom għal isfel, għax dawn kienu jirrenjaw bl-inġustizzji, gideb, vjolenzi u ipokresija.
  3. Fost dawn l-allat, li nsibuhom illum ukoll, u li ħafna jammiraw, insibu: (a) l-alla li jagħmel ħaqq bil-ġustizzja.  Dan hu alla falz għax konna aħna l-bnedmin li pproġettajna il-kattiverja tagħna u l-kriterji tagħna ta’ x’inhi ġustizzja  fuq Alla, biex imbagħad nagħmlu bħalu.  Dan mhux Alla veru, għax Alla veru mhux kattiv.  Dan l-alla falz se jinqered biex it-tagħlim tal-katekiżmu u u l-priedki fil-Knisja tagħna jissaffew mill-influwenza tiegħu; (b) allat oħra jwegħduna ħafna xinxilli, u ħafna jiġru warajhom qishom il-fans tagħhom.  Dawn huma l-alla tal-karriera, tal-akkwist tal-poter u flus akkost ta’ kollox.  Għandna nifirħu meta dawn l-allat jiġġarfu.
  4. “Imbagħad jaraw Bin il-bniedem ġej fis-sħab, b’qawwa kbira u glorja.”  Biex nifhmu din ix-xena, hemm bżonn naraw il-viżjoni li kellu Danjeli (Kap 7).  Dan ra erba’ imperi li ħadu post wieħed lill-ieħor.  Kull imperu kellu annimal selvaġġ bħala simbolu, għax taħt dawn l-imperi seħħew ħruxijiet kbar xejn umani.  Danjel l-ewwel ra ljun (Babilonja), imbagħad ors (il-Medi) li żbrana l-iljun u beda jirrenja minn floku.  Il-leopard (il-Persjani) kellu erba’ rjus u erba’ ġwienaħ.  In-numru erba’ jfisser l-erba’ irjiħat tad-dinja, għax il-Persjani waslu biex jaħkmu anki l-Greċja.  Fl-aħħar insibu lil Alessandru Manju, li tant wettaq ħruxijiet, li Danjel ma seta’ jqabblu ma’ ebda annimal feroċi,  Wara dawn l-erba’ imperi, Danjel ħabbar li Alla se jafda t-treġija tad-dinja f’idejn persuna b’qalb ta’ bniedem. ‘Bin il-bniedem’ ifisser bniedem fil-veru sens tal-kelma, tassew uman u awtentiku.  Ġesu’ japplika għalih din il-profezija, in fatti juża’ dil-frażi ‘Bin il-bniedem’ 80 darba fl-Evanġelju. Mela l-messaġġ ta’ tama kbira ta’ Ġesu’ għalina llum hu: “Tibżgħux mid-drammi tal-istorja għax il-qawwiet diżumani kollha ddestinati biex jiġġarfu mat-tħabbira tal-Vanġelu.”
  5. “Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbru l-maħturin tiegħu mill-erba’ irjiħat tad-dinja.” Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja.  Il-kelma ‘anġli’, barra dawk tas-sema, tista’ tfisser ‘medjaturi’ tas-salvazzjoni t’Alla.  Fil-Bibbja ta’ spiss dil-kelma ġiet applikata għal kull min ikun strument f’idejn Alla favur il-bniedem, l-aktar biex jiġbor flimkien il-fidili li jkunu xterdu.  Dawn tbiegħdu mill-Knisja imħabba t-telfien tal-valuri, il-mentalita’ lajċista, edonista u pagana, il-permissivita’ u l-bruda spiritwali.  Anki xi priedki ma kinux effettivi u attwali biżżejjed.  Ġesu’ llum qed jgħidilna: “Taqtgħux qalbkom, għax se nibgħatilkom lil dawk li, qalb dawn il-buffuri kollha, żammew sħaħ u sodi fil-fidi, u baqgħu fidili lejn il-Vanġelu.  Dawn se jkunu l-anġli tiegħi.
  6. “Tgħallmu mis-siġra tat-tin. Din tħabbar staġun ġdid.  Oqogħdu attenti għas-sinjali fil-Knisja li se jagħtu bidu għad-dinja l-ġdida.  Ġa għandi ħafna anġli li qed jiġbru flimkien l-imxerrdin bi ppriedkar ġdid u aktar fidil lejn il-Vanġelu, u bi profeti li qed jilluminaw fuq liema għażliet għandu jagħmel  il-bniedem fid-dawl t’Alla.  Mela, ejjew ma nfasslux ħajjitna  fuq l-eżempju tas-saltniet il-qodma, imma fuq is-Saltna t’Alla.” 

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading