L-Isqof Mario Grech fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lil Mario Mercieca

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 1 ta’ Diċembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lis-seminarista Mario Mercieca, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Bil-kortesija ta’ Radju Luminaria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/540071190″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

65.jpg

TE HOMINEM LAUDAMUS

Meta fil-Vanġelu jitkellem dwar it-taqlib fl-atmosfera – fejn jgħid li jkun hemm sinjali fix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb – meta jgħid li l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu tant li n-nies ikunu ruħhom ħierġa bil-biża’ u qalbhom ittaqtaq (ara Lq 21:25-28), Ġesù qed juża tixbiha qawwija biex jirreferi għat-theżżiż u t-terremoti li jkollna f’ħajjitna. Ġesù jaf li aħna ngħaddu minn żmien ta’ taqlib u dlam, fejn ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb jintfew. Ġesù jaf li fil-ħajja personali u familjari tagħna jkun hemm waqtiet fejn naraw id-dinja nieżla u nkunu ttentati nixtiequ li l-art u l-baħar jibilgħuna. Ġesù jaf li l-bniedem jgħaddi minn mumenti tqal ta’ kriżijiet serji, biċċa twal u oħrajn qosra, fejn nitħawdu u lanqas nibqgħu naraw art. Tkun tixtieq taħseb, imma ma jkollokx moħħ. Din hija ħajjitna, fejn litteralment tħoss qalbek ħierġa. Huma ċirkustanzi fejn ngħajtu madwarna u ħadd ma jismagħna – fejn naħbtu għas-sema u s-sema jibqa’ ħiemed!

Hemm diversi tipi ta’ terremoti fil-ħajja. Il-mard kapaċi jdaħħalna fi kriżi mhux żgħira. Dawn il-jiem persuna qaltli li raqdet sewwa u ftit wara li qamet saret taf li għandha kanċer! Din l-aħbar gerfxet lilha u lil ta’ madwarha. Jiġuni f’moħħi l-kriżijiet fir-relazzjonijiet affettivi ta’ bejnietna. Ftit ilu raġel xtaq ikellemni b’urġenza; hekk kif iltaqa’ miegħi bid-dmugħ f’għajnejh qalli li l-mara telqitu – kienet għalih sajjetta fil-bnazzi. Taf tkun kriżi finanzjarja: għalkemm tkun attent kif tuża l-flus, tiskopri li ma fadallekx il-mezzi biex tlaħħaq. Wieħed jista’ jidħol fi kriżi personali: xi ħadd jitfagħlek it-tajn biex iħammġek… jaqla’ xi waħda kontra tiegħek. Anki jekk forsi jasal li jirtiraha, tibqa’ mċappas. Dawn terremoti li jpoġġulna ħajjitna f’ċappa dlam.

Imbagħad hemm il-kriżi tal-kriżijiet: il-kriżi tal-fidi! Għax meta ngħaddu minn xi waħda kbira – meta nieħdu skoss qawwi – mill-ewwel nistaqsu: imma Alla fejn hu fl-istorja tagħna? Alla kif jippermetti li jinħeba u jinsiena? F’fażi bħal din ngħaddu minn dak li l-għalliema fil-ħajja spiritwali jsejħu “l-lejl mudlam tar-ruħ”, fejn it-twemmin tagħna jaqa’ u jsir żorba – fejn nitilfu kull sens ta’ Alla tant li din il-fażi tissejjaħ ukoll “il-lejl tal-ateiżmu”.

Persuna li għaddiet minn din l-esperjenza hija Marie Noel, kittieba mistika Franċiża (1883-1967). L-isem proprju tagħha kien Marie Melanie. Imma ġara li fil-Milied tal-1904 hija tilfet lil ħuha ta’ tnax-il sena b’mewt traġika; din il-mewt kienet bħal terremot għaliha. Tant ħaditha bi kbira li għażlet li żżid Noel ma’ isimha biex hekk kull meta jsejħulha, tiftakar f’dan id-dulur. Imbagħad kellha wkoll kriżi fil-ħajja relazzjonali-affettiva tagħha. Fid-djarju sigriet tagħha hija tgħid li effett ta’ dawn “it-terremoti” hija għalqet il-bieb għal Alla u sabet ruħha fix-xefaq tal-abbiss – Alla dawwar ħarstu minn fuqha. Hija tistqarr li kien hemm waqtiet fejn tant ħassitha tinħakem mid-dwejjaq u l-qtigħ il-qalb li ġietha t-tentazzjoni li tneħħi ħajjitha b’idejha; imma kienet tgħid: “Ma nistax noqtol lili nnifsi biżżejjed, għax wieħed ma jistax joqtol ir-ruħ”. Qatt ma setgħet tifhem kif Alla jippermetti l-ħażen.

Imma Marie Noel iltaqgħet ma’ qassis twajjeb, l’abbé Mugnier, magħruf bħala l-konfessur ta’ Pariġi kollha, li għenha terġa’ tbexxaq il-bieb għal Alla. Fil-fatt, għalkemm għaddiet dan iż-żmien imħaddna mid-dlam, hija kienet konvinta li Alla jħobbha. Hija tikteb illi “meta Alla nefaħ fuq t-tajn li bih sawwarni, hu tant nefaħ nifs qawwi li qatt ma rnexxieli niġi f’tiegħi wara li ntlaqatt min-nifs tiegħu. Qatt ma waqaft nirtogħod – kont bħal xemgħa bejn ser tintefa u tixgħel, imma ma ntfietx għalkollox”. F’dik id-dalma, Marie Noel kellha ftila żgħira tnemnem (il-fidi). Imbagħad darba, waqt li kienet għaddejja minn din it-tbatija qalila, hi u tosserva l-ħafna slaleb li hawn fil-ħajja (it-tbatija), bieset is-salib li fuqu kien hemm Kristu msallab. U minn fomm il-Kurċifiss hija semgħet din il-frażi: “Jien ukoll inbus is-salib tiegħek”. F’dak il-waqt, id-dlam inbidel f’dawl, il-ħabel tad-dwejjaq inqata’ u bdiet tiżfen bil-ferħ! Hekk hija tasal biex tgħid li l-bniedem irid jgħaddi mid-dlam biex isib lil Alla.

F’waħda mit-talbiet sbieħ tagħha li hija tikteb wara din is-sejba mill-ġdid ta’ Alla, Marie Noel tgħidlu: “Mulej, fittixtni? Xi trid mingħandi? Mill-aħħar darba li ltqajna ma rfajt xejn għalik. Ma għandi xejn, lanqas azzjoni waħda tajba jew kelma waħda tajba. Kont wisq imnikkta. Ma għandi xejn għajr id-dwejjaq tal-ħajja sterili”. U Ġesù qalilha: “Agħtini l-miżerja tiegħek”. U hi weġbitu: “Allura inti l-kennies li tiġbor l-iskart kollu? X’ser tagħmel bih dan l-iskart?”. U Ġesù weġibha: “Is-Saltna tas-Sema”.

Dan kollu għandu rifless fil-Vanġelu tal-lum. Ġesù jgħidilna li fil-ħajja ser ikun hemm xi jbeżżagħna: is-sinjali fix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb… ser ikun hemm il-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ. Imma mbagħad jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, għax għad “naraw lil Bin il-Bniedem ġej fis-sħab b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”. Fi kliem ieħor, minkejja li nkunu għaddejjin minn dan it-taħwid u dlam, il-Mulej Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna u jurina li huwa preżenti fl-istorja tagħna.

Dan li nawguralkom għal dan l-Avvent. Kull wieħed u waħda minna, kull familja u kull komunità, ilkoll għandna l-istorja tagħna bit-tlugħ u l-inżul, bit-theżżiż u t-tifrik.

Marie Noel tirrakkonta storja ħelwa ambjentata lejn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Hija timmaġina lin-nies ta’ raħal ċkejken fi Franza, fil-lejl ta’ San Silvestru, jinġabru fil-knisja tar-raħal u minkejja r-rovina u r-riħa ta’ mewt li kien hemm madwarhom, jintonaw l-innu tal-aħħar tas-sena, “Te Deum laudamus”. Marie Noel tgħid li meta Alla sema’ dan l-innu tiela’ mill-qalb ta’ persuni li kienu mkissrin bit-terremot li ġabet il-gwerra, huwa kkommova ruħu u ħarġitlu demgħa. Huwa sejjaħ lill-anġli u lill-qaddisin fis-Sema u talabhom biex flimkien miegħu jintunaw innu ieħor: “Te hominem laudamus” – Lilek, bniedem, infaħħru, għax minkejja t-tkissir ta’ madwarek u d-dalma interjuri tiegħek, inti sibt il-qawwa biex tfaħħar u trodd ħajr lil Alla! Din hija l-għanja tas-Sema quddiem il-bniedem li ma jaqtax qalbu, li jibqa’ jittama kontra kull tama.

Kemm nixtieq li anki fuqna s-Sema jkanta “te hominem laudamus” għax aħna ltqajna ma Ġesù u emminna fih!

Għażiż Mario, int li llum qed tirċievi l-ministeru tal-Akkolitat fil-mixja tiegħek lejn is-saċerdozju, din hija s-sejħa u l-missjoni tagħna: li nakkumpanjaw lill-bniedem miexi fid-dalma tal-ħajja. Aktar ’il fuq semmejt l’abbé Mugnier li ltaqa’ u mexa ma’ mara li kienet għaddejja mil-lejl mudlam tar-ruħ, mara li ħajjitha kienet immarkata bit-terremoti, u għenha tersaq lejn id-dawl veru, Ġesù Kristu. Dan is-saċerdot kien jemmen li l-vokazzjoni tiegħu kienet dik li “jwassal ix-xemx fejn hemm id-dellijiet”. Fid-djarju tiegħu fl-1885 Mugnier għamel nota interessanti: “It-tort tagħna l-Kattoliċi Franċiżi, tagħna s-saċerdoti, huwa li nħarsu lejn dawk li ma jemmnux bħala għedewwa li rridu neħilsu minnhom u mhux persuni li hemm bżonn nikkonvinċu, nipperswadu u nikkonvertu”. Bil-ministeru tal-Akkolitat inti ser tkun tista’ twassal l-Ewkaristija lill-morda – żomm quddiem għajnejk li l-kategorija tal-morda tiġbor fiha mhux biss lil dawk li huma maħkuma mill-mard fiżiku jew lill-anzjani, imma wkoll lil dawk kollha li għandhom ħajjithom mheżża. Wasslilhom lil Ġesù biex minkejja kollox jibqgħu jkantaw t-“Te Deum laudemus”, ħalli mbagħad nisimgħu lis-Sema jkanta fuqna: “Lilkom, bnedmin, aħna nfaħħru” għall-fidi tagħkom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading