L-Isqof Mario Grech f’Messaġġ għall-Kleru fil-Bidu tal-Avvent


Is-Sibt 1 ta’ Diċembru 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, waqt Nofstanhar ta’ Spiritwalità għall-Kleru fil-Bidu tal-Avvent, fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria.

2018 12 01 Nofstanhar Spiritwalità Avvent (3)

INFITTXU L-IRDOSS TAĦT IL-MANT TA’ MARIJA

Aħna u deħlin mill-bieb il-kbir tas-Santwarju Ta’ Pinu hemm ix-xbieha fil-mużajk ta’ Marija li qed tagħtina lil Ġesù – idejha huma bħal tarġiet b’Ġesù nieżel minnhom f’direzzjoni lejna. Fil-Lvant din ix-xbieha hija magħrufa bħala Synkatabasis (Alla li jinżel). Interessanti li f’din l-ikona Ġesù għandu idu mqabbda mal-mant ta’ Ommu. Meta jikkummentaw dwar din ix-xbieha, il-monaċi Russi jgħidulna li meta fil-ħajja spiritwali tagħna jkollna l-maltemp, huwa importanti li nfittxu kenn taħt il-mant ta’ Marija: “Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”.

Nirrakkomandalkom biex matul din is-Sena Marjana nfittxu naqbdu mal-mant ta’ Marija – infittxu l-irdoss taħt il-kappa materna tagħha – għax l-imħabba u l-għożża li taf toffrilna din il-mara jiżbqu kull tip ta’ serħan u faraġ li tista’ tagħtina xi mara jew ħlejqa oħra! Imħaxknin magħha, Marija ddewwaqna t-tjubija u l-ħlewwa ta’ Ġesù.

Imma fil-bidu ta’ dan l-Avvent, l-ewwel tappa liturġika f’din is-Sena Marjana, inħoss li għandi nħeġġiġkom biex bil-ministeru tagħkom, partikularment bħala konfessuri, tistinkaw biex meta tiltaqgħu ma’ dawk li huma mgħobbija bit-toqol tad-dnub, iddaħħluhom taħt il-mant ta’ Marija. Marija hija Omm Alla li jaħfer, hija dik li qed tagħtina lil Ġesù li fuq is-salib semgħetu jitlob lil Missieru: “Aħfrilhom”, u għalhekk nistgħu ngħidu li hija “Omm il-Maħfra”! Fil-fatt, dwar Marija, Sant’Anselmu minn Canterbury jikteb: “Ma hemmx rikonċiljazzjoni oħra jekk mhux dik li wellidt int u bqajt verġni”. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II jgħidilna li “Marija hija dik li b’mod tassew tal-għaġeb, b’mod li ma hemmx ieħor bħalu, għarfet x’inhi l-ħniena; fl-istess waqt, b’mod tassew speċjali, permezz tas-sagrifiċċju ta’ qalbha seta’ jseħħ it-tisħib tagħha fir-rivelazzjoni tal-ħniena ta’ Alla. Dan is-sagrifiċċju ta’ qalbha hu marbut b’rabta liema bħalha mas-sagrifiċċju ta’ Binha fuq is-Salib, li fejnu qagħdet fuq il-Kalvarju… Bħal Marija, Omm l-Imsallab, ħadd ma ġarrab il-misteru tas-Salib, jiġifieri l-għaqda tal-ġustizzja ta’ Alla, li tiżboq kollox, mal-imħabba tiegħu tal-għaġeb: ‘il-bewsa’ mogħtija lill-ġustizzja mill-ħniena” (Dives in misericordia, 9).

Nirrakkomanda biex fil-kuntatti personali li jkollna, fil-predikazzjoni, fl-akkumpanjament tal-kuxjenzi u fl-istess ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-qrar, inwaqqgħu kliemna fuq Marija, inħeġġu lill-Insara biex jiggranfaw mal-mant ta’ Marija, għax Marija hija Refugium peccatorum – Kenn tal-midinbin. Biex nixtarru t-tifsira ta’ dan it-titlu li sa mill-antik il-Knisja tagħti lil Marija, naqsam magħkom ftit ħsibijiet ta’ San Alfons Maria de Liguori.

“Meta Alla ħalaq id-dinja, huwa għamel żewġt idwal kbar: wieħed kbir biex jixgħel il-jum u dak iċken biex jixgħel il-lejl. Id-dawl il-kbir huwa Kristu li fid-dawl tiegħu jgħixu dawk li huma fil-grazzja; il-qamar huwa xbieha tal-Madonna li permezz tagħha jirċievu d-dawl il-midinbin li jinsabu fil-lejl tad-dnub. Għalhekk il-Papa Innoċenz III jgħid li jekk xi ħadd iddiżgrazzjat jaqa’ fil-lejl tal-ħtija, ħa jħares lejn il-Qamar u jsejjaħ lil Marija!”.

Fil-Lhudija kien hemm bliet li joffru refuġju fejn l-imqarbin kienu jsibu kenn u jeħilsu mill-kastiġi jew pwieni (ara Ġoż 20). Illum belt waħda baqa’ teżisti: Marija – “ħwejjeġ sbieħ jingħadu dwarek, o Belt ta’ Alla”. Jekk fil-faċċata tal-Knisja tal-Lunzjata hemm irħama li tgħid “non gode l’immunità ecclesiastica”, hawnhekk għandna “belt” li għadha u tibqa’ tgawdi l-immunità divina! Għax taħt il-mant ta’ Marija l-midinbin kollha kemm aħna nsibu l-amnestija. Fil-fatt, San Ġwann Damaxxenu jqiegħed fuq fomm Marija dan il-kliem: “Jien il-belt tal-kenn għal dawk kollha li jiġu għandi”.

Is-Santi Padri jgħidu li biżżejjed immorru għandha. Min ikollu x-xorti li jidħol f’din il-belt, biex isalva ma jkollux bżonn li joqgħod jakkuża lilu nnifsu. “Ħa ninġabru u nidħlu fil-belt armata u ningħalqu fis-skiet” (Ġer 8:14). San Albertu l-Kbir jgħid li din il-belt hija Marija, mogħnija bil-grazzja u l-glorja. Għaliex nistgħu nibqgħu siekta? Għax billi l-midneb ma jkollux il-kuraġġ li jitlob il-maħfra lil Alla li hu jkun weġġa’, allura biżżejjed li jkun daħal, u Marija titkellem u titlob f’ismu. Santu Wistin jikteb li Marija hija l-unika tama tal-midinbin. U San Efrem, wara li jsejħilha “avukata tal-midinbin”, isellmilha bħala “refuġju u ażil tal-midneb”… “fik biss nistgħu insibu ħelsien”. San Bażilju jgħallem li meta tana lil Marija, Alla fetaħ sptar pubbliku fejn jistgħu jfittxu fejqan b’xejn il-morda u l-foqra kollha.

Għeżież ħuti fil-presbiterat, ma nħallux dawn il-veritajiet dwar Marija, Omm il-maħfra, jaħarbulna! Inħoss li huma “ritratti” ta’ Ommna miżmuma fl-arkivju li għandna bżonn naqsmuhom mad-dinja kontemporanja. Huma insights teoloġiċi sbieħ li jagħmlu l-qalb lilna, kemm bħala penitenti u kemm bħala konfessuri; imma fuq kollox isaħħuna fil-konvinzjoni li ma nistgħux nimxu mingħajr l-Omm (EG, 285). Bħax-xbieha li hemm fuq il-bieb ta’ Ta Pinu, Ġesù jinżel mis-Sema minn idejn Marija! U l-bniedem jitla’ għand Alla wkoll minn idejn Marija.

Għalhekk nirrakkomanda li fil-konfessjonarji titqiegħed xbieha ta’ Marija biex niftakru fil-preżenza tagħha, ma ninsewx insemmuha mal-penitenti, u nitolbuha tieqaf magħna fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni. Tkun ħaġa xierqa jekk matul din is-Sena ddedikata lill-Madonna, meta nagħtu l-penitenza jew tewba fil-qrar, nikkunsidraw li nħeġġu devozzjonijiet Marjani varji.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.