Il-Messaġġ tal-Milied mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Diċembru 2018: Il-Messaġġ tal-Milied mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Giljan.

IL-MESSAĠĠ TAL-MILIED MILL-ARĊISQOF CHARLES J. SCICLUNA

Insellem lill-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-jum qaddis tal-Milied. In-noti sbieħ tal-għanja O Lejl ta’ Skiet jew Silent Night ifakkruna li din l-għanja għażiża, u nistgħu ngħidu wkoll popolari, twieldet propju 200 sena ilu. F’dan il-lejl qaddis tal-Milied il-kappillan Josef Mohr ta poeżija li kien kiteb sentejn qabel, fl-1816, lill-organista tal-parroċċa ta’ Oberndorf fl-Awstrija, Franz Xaver Gruber, u talbu jagħmel il-mużika għal kliem sempliċi ħafna li jfakkruna f’tarbija mimduda f’maxtura fil-ħemda tal-lejl. Hekk twieldet l-għanja sabiħa ta’ Stille Nacht jew Silent Night.

It-tarbija ta’ Betlehem tfakkarna fil-ħemda tal-paċi, tal-għożża; dak il-paċi li ġej mir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna, mill-maħfra li jagħtina kontinwament il-Mulej, u mill-għaqda u l-għożża li jixtieq li jkun hemm bejn wieħed u l-ieħor. Dik il-ħemda tal-lejl li tfakkarna wkoll fil-bżonn tagħna li kultant nieqfu ftit f’ħajjitna biex nirriflettu: Minn fejn ġejjin? Fejn sejrin? Dawn il-mistoqsijiet li jagħmel il-bniedem għamilhom f’kull kultura u f’kull żmien.

Il-fidi tagħna l-Insara tgħidilna li r-risposta tal-mistoqsijiet tal-għatx fundamentali tagħna qegħda f’dik it-tarbija ċkejkna u vulnerabbli li qed tistedinna biex nisimgħu l-leħen tagħha. Il-leħen ta’ tarbija huwa leħen li jgħidlek: ‘Ħu ħsiebi’. Il-leħen ta’ tarbija hu l-bikja tagħha meta jkollha l-ġuħ u l-għatx, jew inkella meta tkun qed tħoss il-bard u għandha bżonn min jitmagħha u għandha bżonn ukoll min ifisqiha.

Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-kultura tagħna l-Maltin u l-Għawdxin għadna ngħożżu l-valur tal-ħajja li jidher konkretament f’kull tarbija ġdida li titwieled. L-awgurju tiegħi hu li aħna, bħala poplu, inkomplu ngħożżu d-don sabiħ tal-ħajja li titwieled, li tibda mit-tnissil u li tikber fil-ġuf tal-omm. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna konkretament mhux biss inħarsu l-ħajja matul is-snin, jiġifieri li ngħożżu l-preżenza tal-anzjani tagħna u nieħdu ħsieb li jkollhom il-mument sabiħ ta’ xjuħija b’dinjità, imma wkoll li nibqgħu ngħożżu t-tarbija fil-ġuf ta’ ommha.

Ħsieb ieħor li jiġini meta nisma’ n-noti ħelwin u l-kliem sabiħ ta’ din l-għanja li għalqet 200 sena, huwa l-fatt li l-Mulej se jibqa’ jħenn għalina, anke meta aħna nitbiegħdu

minnu jfittixna. Kemm hu sabiħ li f’dawn il-jiem qaddisa nirrealizzaw bit-talba sempliċi imma profonda li għallimna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

Waqt li t-tarbija ta’ Betlehem tistedinna għall-ħemda u s-skiet tar-riflessjoni fuq il-ħajja tagħna, tfakkarna wkoll li l-ħajja għandha valur li huwa bla prezz. Ħafna drabi aħna npoġġu prezz fuq ir-realtajiet ta’ madwarna imma nitilfu s-sens tal-valur. Kemm hi ħaġa qaddisa li fil-Milied, waqt li qed nagħtu rigali speċjali lil xulxin, nifhmu li Alla sar bniedem biex aħna nsibu u nibqgħu ngħixu fid-dinjità, li nirrispettaw id-dinjità ta’ xulxin, li naħfru lil xulxin, u li ngħixu flimkien fil-paċi.

L-appell li nagħmel lill-komunità Nisranija u anke lill-membri l-oħra tal-komunità li qed jifirħu magħna fit-twelid ta’ Ġesù, huwa li nkomplu nifirħu mhux biss f’dan il-lejl qaddis tal-Milied u fil-jum tal-Milied imma għal 12-il jum oħra. Bħal-lum ġimgħa, fl-1 ta’ Jannar, niċċelebraw il-maternità ta’ omm Ġesù – il-fatt li jissejjaħ Ġesù li jfisser ‘Alla jsalva’. Fis-6 ta Jannar hemm festa oħra kbira li qed tistenniena: l-Epifanija, meta niċċelebraw il-laqgħa ta’ Ġesù mal-Maġi li ġew mil-Lvant, ġew minn poplu mhux Lhudi u li fihom hemm aħna wkoll. Aħna l-Maltin għalkemm m’aħniex parti mill-poplu Lhudi xorta ltqajna ma’ Ġesù kmieni fl-istorja tagħna bil-miġja tal-Appostlu Missierna fejn smajna bil-qawwa ta’ Ġesù ta’ Nazaret li tfejjaq; dik it-tarbija li qegħdin niċċelebraw mwielda fl-għar ta’ Betlehem; dik it-tarbija li tistedinna biex fil-ħemda ta’ dan il-lejl qaddis insibu l-għożża, il-maħfra, il-barka u kull saħħa.

Insellem ukoll lill-emigranti kollha Maltin, lir-residenti kollha fl-istituzzjonijiet, fid-djar u anke lill-familji kollha Maltin u Għawdxin u waqt li nitlob fuqna lkoll il-barka tal-Mulej, nawguralkom mill-qalb Milied tassew hieni mimli barka u għożża.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading