Ġie jsaħħnilna qalbna!


Dan l-aħħar kont qiegħed il-korsa tal-Marsa nara t-tiġrijiet taż-żwiemel. Ommi Mà kemm kien jum kiesaħ! Jien, flimkien mad-dilettanti l-oħra ħuti, konna se ninqasmu bil-ksieħ! Għax il-ksieħ dejjem ksieħ!

Issa, f’dak il-ksieħ kollu, li jaf jagħmel Diċembru Malti, intbaħt b’ħaġa importanti: kemm hawn ksieħ fil-qlub! Veru? Kemm hawn persuni li huma kiesħa! Mhux għax huma qżież tafux! Imma hekk, kiesħa. Kiesħa lejn l-oħrajn. Kiesħa fil-mod kif jitħaddtu fuq ħaddieħor. Kiesħa dwar kif juru l-emozzjonijiet tagħhom. Dejjem jiġimgħu, jiġimgħu u qatt ma juru!

Kos hux! X’ħasra! Din it-tip ta’ kesħa tassew li treżżaħ! U, jaħasra, titfa’ lir-ruħ, lill-moħħ u lill-qalb ta’ dak li jkun f’pulmonite eżiżtenzjali! Kemm hawn nies mimlija katarru! Mhuwiex le l-katarru li ġġib miegħu l-influwenza. Li, diġà bdiet iżżurna. Lanqas m’huwa l-katarru li nimtlew bih l-għaliex nibilgħu xi riħ f’din il-kesħa ta’ temperatura li qed tolqot bil-goff il-Gżejjer tagħna. L-aktar jekk inkunu kważi qed inħokku mal-heater inkella mal-electric blanket imbagħad noħorġu niġru ‘il barra f’dan il-ksieħ. Li kieku kien dan biss il-katarru kieku fiha u ma fihiex.

Imma hemm tip ieħor ta’ katarru li qed jagħmlilna tant u tant ħsara. Huwa l-katarru ta’ min ma jridx jaħfer u jibda’ paġna ġdida. Huwa l-katarru ta’ min qed jieħu distanza minn persuna oħra. Sempliċiment għax ma jaqbilx mal-mod ta’ kif il-persuna l-oħra temmen, taġixxi u l-istil ta’ ħajjitha. Bħal dak li qallu jeżiżti xi format ta’ kif bniedem għandu jkun. Imma, u l-għaliex persuna tkun ħalliet ix-xitan tal-antipatija jgħaddasha fl-istmerrija u l-mibgħeda, dik il-persuna timtela’ bil-katarru tal-ħażen.

L-ewwel tip ta’ katarru li jiġini f’moħħi huwa l-ġudizzju. Kemm imtlejna b’dan il-katarru! Kulħadd lest biex jikkundanna u jiddetta kif għandu jkun dak u kif għandha tkun dik. Il-ġudizzju żloga lis-soċjetà, lill-Knisja, lill-familja, lill-komunitajiet reliġjużi u kull fejn jiltaqgħu n-nies. Il-ġudizzju qed jifgana bil-mod il-mod. Mhux qed iħallina nieħdu n-nifs billi nħallu lil ħaddieħor jieħu n-nifs! Wara kollox jien min jien biex niġġudikahom? kien qal Papa Franġisku. U, minħabba dan il-kumment daqshekk għaqli, għidli int x’ma qamx! U x’ma ntqalx!

Illum, b’riħet it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-Mulej qiegħed kontinwament jgħallimni li fil-ħajja ġieli l-iffavorit jeqleb jew wara l-karozza, inkella f’nofs it-tiġrija jew fid-dritta finali. Filwaqt li l-outsider jaf jerbaħlek fuq il-gister! U jġibek lampa stampa! Mela ejja nieqfu nikkundannaw lil xulxin! U anki nieqfu nħarsu lejn xulxin bi stmerrija!

Barra minhekk il-Mulej jgħallimni li hemm katarru ieħor perikoluż fl-istorja. U dan hu li ngħaddi minn quddiemek u ma nkellmikx. Qisek ma teżiżtix. Xi pjaga din! Għidli fejn ma ssibihiex din it-traġedja kbira! Issibha fil-familji, fil-gruppi tal-ħbieb, fil-kunventi, fil-knisja, fil-postijiet tad-divertiment. Dan hu tip ta’ katarru qalil ħafna. Fil-fatt, dan hu mxajtan għall-aħħar. Ma tistax issejjaħlu aħjar minhekk. L-għaliex il-mibegħda tant kemm tkun fina li tkun inbidlet f’kesħa fina li therri l-għekiesi, il-ġogi u l-mudullun tal-qalb u tar-ruħ.

Qalbek tinqasam tisma’ b’dan il-katarru. B’dan l-att kriminali sieket imma legali. Għax, fil-fatt, huwa kriminali li nbarri persuna minn ħajti. Hekk! L-għaliex ma jinżillix. U allura nġib ruħi ma’ dik il-persuna billi ma nikkalkulahiex. U apposta ma nkellimhiex. Jew, agħar, billi wara li nkun qtiltha b’mod sieket imbagħad nibda’ niġġakbinaha u nagħmlilha l-ħsara. L-aktar jekk inkun fuqha u tiddependi minni.

Jekk jien mgħarraq f’dan it-tip ta’ katarru li jinsab fil-qalba tal-infern ejja ninħeles minnu! Ejja mmur għall-qrara f’dan il-Milied sabiex il-Mulej ifejjaqni minnu! Hi tad-daħk imma fl-istess ħin tal-biki! Jekk tgħallimt li ġurnata se niġi iġġudikat għall-għemili l-għaliex qed inħalli lili nnifsi nifga f’dan il-katarru tal-gwerra bierda? Tal-istmerrija? Tal-mibegħda tal-kesħa fina? Tal-ħdura qaddisa? B’min irrid nidħak? Min tassew qed ibati? Mhux jien li qed nobgħod? Għax ngħir għat-talenti ta’ ħaddieħor li rridhom b’saħħa fuqi?

Hemm hu! Fuq il-maxtura! Isejjaħli! Isejjaħlek! Biex isaħħanna bil-maħfra, bil-ħniena u bil-mogħdrija li toħroġ minn qalbu!

Ejja fija Ġesù! Ħalli mħabbtek tkun għalija l-lumija li tqaxxarli dawn il-katarri. U għinni naqla’ dawn il-katarri ‘il barra minni bi qrara sinċiera f’dan il-Milied. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.