Evanġelju tal-Erbgħa 2 ta’ Jannar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 1, 19-28

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Int Elija?”. “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?”. “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”. U hu wieġeb kif qal il-profeta Iżaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”. Weġibhom Ġwanni: “Jiena ngħammed bl-ilma, imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-messaġġiera tal-fariżej kien ħsiebhom fuq l-awtorità u minn fejn kienet ġejja. Riedu jaraw l-awtoriżżazzjoni, il-permess, il-warrant ta’ Ġwanni. La jkollok il-warrant għandek l-awtorità; dak li tgħid jew dak li tagħmel jikseb qawwa daqskemm għandha qawwa l-awotorità li tagħtik il-permess li titkellem. L-Evanġelista ukoll jinteressah minn din l-awtorità li tagħti qawwa lil dak li Ġwanni qed jgħid u jagħmel. Iżda filwaqt li l-messaġġiera tal-fariżej kienu qed jifhmu l-kapijiet tagħhom, l-awtiritajiet ċivili u reliġjużi li ħatfu f’idejhom il-katedra ta’ Mosè, l-Evanġelista qe djifhem qawwa ikbar, anzi l-ikbar qawwa, dik il-qawwa li l-fariżej u sħabhom ħatfu f’idejhom u llimitawha għal dak li riedu huma, dak li, probabilment, kien jaqbel lilhom.

Il-kelma ‘xhud’ li juża San Ġwann, mhix biċċa xogħol li min hu awtorizzat jista’ jagħmel jew jitkellem dwarha, mhux espert għax xi ħadd iddikjarah hekk. Xhud huwa dak li jitkellem fuq dak li ra u sema’. Huwa mbgħut, imma mibgħut biex jixhed dwar dak li ġarrab hu, mhux dak li qallu biex jgħid ħaddieħor. Fil-kelma xhud, hemm moħbija esperjenza diretta, personali. Ix-xhieda tiegħu hija dwar il-verità li ġarrab hu fid-deżert, nieqes minn kullma hu żejjed biex jimtela’ b’dak li hu l-iżjed. Ix-xhieda tiegħu hija marbuta mad-dawl filwaqt li jammetti li d-dawl ma kienx hu.

Id-dawl fit-tradizzjoni tal-evanġelisti, juri l-kuntrast mad-dlam, li fi kliem Ġesù, ifittxu min għemilu hu ħażin u ma jridux jidher, huwa l-ftuħ quddiem Alla u quddiem il-bnedmin għax hu s-sewwa, hu dak li Alla jrid, huwa t-twettiq tar-rieda ta’ Alla. Ġwanni ġarrab l-esperjenza tad-dawl għax fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, kien dak li ġie bla ħorġa, bla qorq u lanqas but, kien dak li ma kienx imxekkel mill-ħsibijiet żejda u bil-ħtiġijiet maħluqa, kien mimli bl-Ispirtu ta’ Alla. Mela x-xhieda tiegħu ma tgħallimhiex, imma għarafha u għexha. Ma tkellimx minn dak li għallmuh il-bnedmin, imma mill-esperjenza diretta tiegħu ta’ Alla magħmul bniedem, anke moħbi fil-ġuf ta’ ommu.

Meta jistaqsuh min fejn ġab l-awtorità, għax dawn kienu nies prattiċi, konkreti, nies tal-iswed fuq l-abjad, Ġwanni juża hu wkoll ix-xbieha li beda Iżaija il-profeta. Kien mibgħut biex l-ewwelnett iwassal l-aħbar it-tajba; il-Mulej ġej, anzi ġie u qiegħed f’nofskom u t-tieni, biex iħejjilu t-triq: wittu t-triq tal-Mulej. Ismu jispjega dawn iż-żewġ dimensjonijiet tax-xhieda tiegħu. Il-Mulej hu ħanin u qiegħed iħenn. Mhux, il-‘kien ħanin’, lanqas ‘se jkun ħanin’, iżda dak li hu ħanin, dak li issa u hawn qigħed iħenn. Sfortunatament qiegħed f’nofskom u intom ma tafuhx, għax moħħkom fl-awtorità li ġejja mill-bnedmin. Hu ġie biex iħenn u intom ħsibkom biex tistħarrġu u tikkundannaw. Hu qed iġib it-tama u intom ingħalaqtu fid-dlam tal-jasar tar-rabtiet li tħossukom komdi bihom. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. Ilma li donnu jinxtered u jinxef mill-ewwel. Għajta li titlissen imma ma ssibx ma xhiex taħbat u donna tibqa’ tidwi għalxejn. Imma l-leħen ma jieqafx għax l-għajn tal-leħen tibqa’ tħen u tibqa’ tittama li l-ħniena tintlaqa’.

Ftit iktar minn ġimgħa u l-milied għadda. Forsi ħafna jkunu għadhom iħossu l-indiġistjoni, oħrajn lanqas ikunu ndunaw li d-dawl inxtegħel u ntefa’. It-tama tibqa’. It-tama tmexxi. It-tama tafda.

Il-kelma ta’ Ġwanni, mħabbra kull sena, turi li t-tama ta’ Alla ma taqat’ qalbha qatt. Hija tama li tippersevera fit-talba għal fiduċja. Alla huwa lejali fit-tama tiegħu, fidil fil-fiduċja tiegħu fil-bniedem. Id-deżert ma jbeżżgħux, is-sejħa fl-għajta ma toħonqux.

Id-dlam huwa relattiv għall-esperjenza personali ta’ kull bniedem, għax kull bniedem jaf u jagħraf id-dgħufija tiegħu. It-tama mhux relattiva, għax it-tama ma tiddependix minn min hu maħbub imma minn min iħobb.

Illum din it-tama, xaqq ta’ dawl fid-dlam tal-ħajja ta’ kull wieħed, tnissel hena li ma tgħaddix, ferħ li ma jingħelibx, għax ma tiddependix minn min hu mistieden għaliha, imma minn min qed jistieden. U l-istedina għada u tibqa’ miftuħa.

One thought on “Evanġelju tal-Erbgħa 2 ta’ Jannar 2019”

  1. Għalkemm jiena Kattolika prattikanti u nieħu sehem fis-servizzi tal knisja, din l-ispjega tal-vanġelu iinħossha tqila u twila wisq. il-livell tal-lingwaġġ uzat addatat għal nies ta’skola avanzata mhux ħażin! Kieku l-istil iżjed mexxej aħjar. Grazzi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading