Biex ma jaħarbux  mill-knisja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 20 ta’ Jannar 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Festa ta’ Sant’Anton Abbati fil-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati, ix-Xagħra.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/565774782″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Biex ma jaħarbux  mill-knisja

Inġbarna f’din il-kappella żgħira biex infakkru qaddis kbir: Sant’Anton Abbati. Sant’Anton huwa Missier il-Monakiżmu għax ta bidu għall-esperjenza tal-monaċi, dawk li jgħaddu ħajjithom maqtugħin mid-dinja jfittxu lil Alla. L-istarek (mistiku Ortodoss) Zosima fir-rumanz L-Aħwa Karamazov jiddeskrivi hekk il-ħajja tal-monaku: “It-talb, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, is-skiet, it-taqbida interjuri, l-għaqda mal-aħwa, ħajja skartata mid-dinja… dan kollu jifforma l-mixja konkreta li tibdel u torjenta l-ħajja tal-monaku waqt li jfittex lil Alla. Huwa dan li jum wara jum jagħmel il-qalb tal-monaku disponibbli għal dik l-għaqda interjuri li hija don tal-Ispirtu”.

Kif jikteb Sant’Atanasju, Sant’Anton, li kien jgħix fl-Eġittu bejn it-tielet u r-raba’ seklu, qassam ġidu lill-foqra u mar jgħix fid-deżert fejn għadda ħajja fit-talb u r-riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla. Għall-ewwel snin huwa kien eremita, jgħix waħdu; imma maż-żmien bdew ifittxuh nies oħra u għalhekk huwa waqqaf żewġ monasteri. Mal-medda tas-snin, din l-esperjenza bdiet tevolvi u kien hemm nies kbar, bħal San Pakomju, San Bażilju u San Benedittu fil-Punent li mxew fuq il-passi tiegħu. Kollox kellu bidu mit-tnebbiħ li rċieva Sant’Anton.

Ir-raġuni għaliex diversi persuni ħassew li għandhom jingħaqdu ma’ Sant’Anton ma kinitx biss biex jaħarbu mid-dinja (fuga mundi) imma wkoll biex jaħarbu mill-Knisja (fuga ecclesia). Imma biex nifhmu għaliex ħassew li kellhom “jitilqu” mill-Knisja għandna bżonn inkunu nafu l-kuntest storiku ta’ dik l-epoka. Fil-fatt, fis-sena 313 l-Imperatur Kostantinu ħareġ l-editt li bih ta l-libertà lill-Knisja. Sa dak iż-żmien, il-Knisja għaddiet minn perjodu ikrah u sabiħ fl-istess waqt. Kien żmien ta’ persekuzzjoni, imma wkoll żmien ta’ tisħiħ u purifikazzjoni; kien żmien meta ħafna Nsara tilfu ħajjithom għax tawhom il-martirju, imma kien żmien meta l-Insara kellhom il-grazzja li jagħtu xhieda ta’ twemminhom. Imbagħad bl-editt tas-sena 313 seħħet il-paċi bejn “id-dinja” u “l-Knisja”. Ħafna ħasbu li dan kien ifisser żmien ta’ glorja għall-Knisja; imma ma kienx hekk, għax għadna sal-lum inbatu l-konsegwenzi negattivi ta’ dan iż-‘żwieġ’ bejn il-poter temporali u dak reliġjuż. Frott ta’ dan l-avviċinament, in-nies tal-Knisja bdew jippruvaw jikkuppjaw il-ħajja tal-palazz. Anki llum fil-pjazez prinċipali ta’ ċerti bliet għadek tara l-Muniċipju fuq naħa u l-Palazz tal-Isqof fuq in-naħa l-oħra. L-istess liturġija tagħna assumiet ritwali u korjografija li kienu jagħmlu parti mil-liturġija tal-palazz tas-sultan. In-nies tal-Knisja aktar kien ħsiebhom f’attivitajiet u organizzazzjoni li għandhom riħa tad-dinja, milli f’ħidma spiritwali. F’dan il-proċess mifrux fuq sekli, imma li kellu l-bidu tiegħu f’dik l-epoka, il-Knisja saret iktar isserraħ fuq strumenti ġuridiċi milli veritajiet evanġeliċi. Flok ma l-Knisja kkonvertiet il-palazz mill-mondanità, seħħ il-kontra!

Meta tilfet it-togħma evanġelika tagħha, il-Knisja ma baqgħetx tissodisfa l-għatx spiritwali tal-bniedem, u bħala konsegwenza ħafna bdew jitilquha. Dawk li ħallew il-Knisja ma kinux nies ħżiena, imma telqu għax fettxew lil Alla imma ma sabuhx. Iddeċidew li jfittxu l-perfezzjoni Nisranija barra mill-istrutturi ekkleżjali! Għalhekk bdew ifittxu lill-irħieb li kienu mxew fuq it-triq ta’ Sant’Anton. X’kienu joffru dawn il-monasteri aktar milli kienu joffru l-knejjes?

Kif josserva l-Papa Benedettu XVI f’diskors profond u interessanti meta ltaqa’ mad-dinja tal- kultura fil-Kulleġġ ta’ Berardins f’Pariġi, l-iskop tal-monaċi huwa wieħed: li jfittxu lil Alla (quærere Deum). Maż-żmien inbidlet il-forma tal-ħajja tal-monaċi (minn eremiti bdew jgħixu f’komunità), imma l-għan ta’ ħajjithom baqa’ dejjem l-istess matul l-istorja. Huma wara dak li huwa meħtieġ. Ifittxu dak li jiswa għall-ħajja. Dak li jagħmel sens u jibqa’ għal dejjem. Minn dak li huwa sekondarju jgħaddu għal dak li huwa essenzjali u fidabbli. Bdew jagħżlu bejn il-qamħ u l-karfa. F’ċertu sens il-monaċi huma orjentati lejn dak li huwa eskatoloġiku – mhux fis-sens li moħħhom kien dwar x’ser jiġri wara l-mewt, imma kienu jgħixu l-preżent fil-perspettiva tal-eternità.

It-tiftix tagħhom ma kienx fid-dlam jew f’deżert mingħajr triq, għax Alla nnifsu fasslilhom u pprovdielhom it-triq. Din it-triq hija l-Kelma rivelata: l-Iskrittura. Għalhekk il-monaċi jgħaddu ħafna ħin jistudjaw il-Kelma, jirriflettu dwarha, jitolbu biha u japplikawha f’ħajjithom. Għalihom ix-xewqa ta’ Alla timplika n-namur mal-Kelma u għalhekk ħassew il-ħtieġa tax-xjenzi umani bħala għodda biex jifhmu aktar il-Kelma. Għaldaqstant saru parti importanti mill-monasteru kemm il-bibljoteka u kemm l-iskejjel. Dan ikkontribwixxa għat-tkattir tal-kultura fis-soċjetà. Fil-fatt, fil-monakiżmu tal-Punent insibu l-għeruq tal-kultura Ewropea. Ħasra li l-Ewropa tal-lum trid taqta’ barra dawn l-għeruq!

Dan kollu għandu tifsira għal żminijietna, għax l-ispiritwalità tagħna mhix differenti minn dik tal-monaċi. Huwa fatt li llum hemm diversi qed iħallu l-Knisja għax fiha ma humiex qed isibu tifsira – mhux qed iduqu lil Alla! L-esperjenza li qed jagħmlu fil-Knisja mhix timlielhom qalbhom! Il-fatt li rridu nibqgħu Knisja tal-massa qed isuqna biex nittraskuraw dak li huwa l-ispeċifiku tagħna, jiġifieri li nkunu poplu li qed ifittex lil Alla u għalhekk japprezza aktar il-Kelma, l-Ewkaristija u t-talb. Anki fil-Knisja nistgħu nintlaqtu mill-populiżmu. Hemm bżonn naraw kif ser nerġgħu ndewqu l-benna tal-Vanġelu. Huwa meħtieġ li nfarfru ċerta għabra li maż-żmien ħallejna toqgħod fuq Kristu ħalli hekk jerġa’ joħroġ il-ġmiel tiegħu li jsaħħar u jgħammex l-għajnejn. Din ir-responsabbiltà tagħfas fuq spallejna: jien inġorrha mod u intom mod ieħor. Ma nistgħux inserrħu rasna qabel ma nkunu ġarar mimlija bi Kristu.

M’ilux ħafna, fil-ftuħ tas-Sena Marjana, għamilt mistoqsija – imma bħas-soltu kliemi jibqa’ għaddej minn fuq il-bjut! Dakinhar staqsejt jekk il-ġarar tagħna fihomx inbid, għax jekk tbattlu, ma nistgħux nibqgħu bihom vojta. Sant’Anton u s-segwaċi tiegħu ħarbu mill-Knisja għax il-ġarar ta’ dak iż-żmien kienu xxuttaw. Ħa naraw flimkien kif nistgħu nimlew il-ġarar tal-Knisja llum biex inkunu nistgħu noffru dak l-inbid tajjeb li Sant’Anton u l-monaċi xorbu mill-esperjenza tagħhom fid-deżert.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading