L-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-bidu tal-Viżta Pastorali f’Santa Luċija


Il-Ħadd, 20 ta’ Jannar 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa mal-komunità fil-bidu tal-Viżta Pastorali f’Santa Luċija.

d5w_0076_20-01-2019.154806775919.jpg

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Santa Luċija

Fl-ewwel qari li smajna llum hemm frażi li tagħti t-togħma lil din il-quddiesa li qegħdin niċċelebraw. Il-profeta jgħid: “Bħalma għarus jitgħarres ma’ għarustu, hekk jitgħarras lilek il-Mulej” (Iż 62:5). Il-profeta qed jispjega kif Alla jħares lejn il-poplu tiegħu. Hu qed jipprova jispjegalna li Alla, meta jħares lejna, iħares dejjem b’ħarsa ta’ mħabba. “Bħalma għarus iħares lejn l-għarusa tiegħu”.

Iż-żmien tal-għerusija huwa żmien tal-istennija, huwa żmien tal-entużjażmu u forsi għalhekk il-profeta jagħżel it-tixbiha tal-għerusija għax l-għerusija hija dik l-imħabba mimlija tama u meta Alla jħares lejna, iħares b’din l-imħabba ta’ għerusija.

…l-qalb ta’ Alla hija miftuħa għal kulħadd.

Dan il-kliem iġegħelna nifhmu wkoll l-għażla tal-Evanġelju tal-lum, li huwa t-tielet Evanġelju ta’ dik li nsejħulha ‘l-epifanija’. ‘L-epifanija’ tfisser li Alla juri l-qalb tiegħu, lilu nnifsu. L-ewwel Evanġelju tal-Epifanija huwa l-Evanġelju tal-maġi. Ġesù tarbija juri lilu nnifsu bħal “dawl minn dawl” (Kredu) u juri lilu nifsu lil kulħadd, lill-ġnus. Mela l-qalb ta’ Alla hija miftuħa għal kulħadd.

It-tieni Evanġelju tal-Epifanija huwa l-Evanġelju li smajna l-Ħadd li għadda, l-Evanġelju meta l-Mulej Ġesù jitgħammed u jsir wieħed minna l-midinbin. F’dak l-Evanġelju Ġesù jinżel fil-Ġordan u f’isimna jieħu l-magħmudija tal-indiema għaliex il-qalb ta’ Alla hi mimlija maħfra u ħniena għal kull wieħed minna.

Illum il-Mulej irid juri l-qalb tiegħu bħala qalb mimlija mħabba tal-għerusija li kapaċi tibdilna. Hu jibdel l-ilma f’inbid, imma jrid jgħidilna: ‘Taqtax qalbek, jiena għandi l-qawwa nbiddel sitwazzjoni li tidher bla tama, xi ħaġa li timlik bit-tama’.

…l-ewwel sinjal tiegħu jfakkarna wkoll li hu l-għarus tal-poplu tiegħu

Waqt il-messaġġ fundamentali li aħna qegħdin niċċelebraw illum, tajjeb niftakru fil-miżżewġin tagħna għaliex Ġesù jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu biex jgħin żewġ għarajjes li kien spiċċalhom l-inbid tat-tieġ. Imma l-ewwel sinjal tiegħu jfakkarna wkoll li hu l-għarus tal-poplu tiegħu; li meta jħares lejna jħares b’imħabba kbira.

Ħsieb ċkejken biex nikkonkludi. Ma ninsewx li fl-ewwel Evanġelju tal-Epifanija kien hemm il-Madonna tippreżenta ’l binha lis-Slaten Maġi u huma jgħidulha li ġew ifittxu s-Sultan tal-Lhud li twieled. Fit-tieni Evanġelju tal-Epifanija l-Madonna mhijiex qiegħda hemm. Jidher Ġwann il-Battista li ismu ifisser Alla ħanin, ‘Johannan’. Imma llum kif Ġesù jibda l-ewwel sinjal tiegħu, terġa’ tidher Marija u lill-qaddejja tgħidilhom kelma sabiħa li ta’ min nisimgħuha u nġorruha fil-qalb tagħna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Kemm hu parir sabiħ ta’ omm; kemm huma kliem sabiħ ta’ omm il-Feddej. “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Hu obdieha għax għall-bidu kien eżitanti u kienet hi li mbuttatu biex jagħmel l-ewwel sinjal. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħallimna: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11).

Illum ejjew nieqfu biex nirringrazzjaw lil Alla talli l-ħarsa tiegħu fuqna hija ħarsa ta’ għerusija, ħarsa ta’ mħabba u li tlaqqagħna mal-glorja tiegħu.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.