L-Isqof Mario Grech fit-13-il Anniversarju tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fit-13-il Anniversarju tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu, fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria, Għawdex.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/563500023″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

NAPPREZZAW LILL-INSARA ANONIMI

Xi drabi wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li l-istorja hija bħal żiemel maħrub, jiġri ’l quddiem mingħajr ma jaf fejn hu sejjer sakemm jaħbat u jitfarrak. Bħal donnu t-tmiem tad-dinja huwa l-kaos u t-tmermir ta’ kollox, inkluż il-bniedem. Imma l-viżjoni Nisranija tal-istorja hija differenti. Aħna nemmnu li l-istorja tal-umanità għandha appuntament: il-laqgħa definittiva ma’ Kristu. Hija s-sejħa tagħna bħala Knisja li ngħinu lil ħutna jimxu lejn din il-laqgħa.

Insib interessanti li meta San Mattew jitkellem dwar din il-laqgħa finali (ara 25:31-40), jikteb li quddiem Bin il-Bnidem għad jinġabru “l-ġnus kollha”. Fl-oriġinal Grieg il-kelma “ġnus” hija ethne li tfisser “nazzjonijiet barranin”, li bil-Lhudi hija tradotta bil-kelma goym li tfisser “nazzjonijiet pagani”. Ma rridx inkun tekniku, imma din it-tifsira naraha meħtieġa, għax dan ifisser li meta hawnhekk San Mattew qed jgħid li “l-ġnus kollha” għad jinġabru quddiem Kristu, huwa qed jirreferi għall-pagani.

Dan ifisser li f’dan ir-rakkont għandna parti minn dak li ser jiġri fl-aħħar tal-istorja. Dwar il-poplu ta’ Iżrael, li wkoll jinsab miexi lejn dan l-appuntament, Mattew diġà qal li l-ġudizzju sar: “Is-saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha” (21:43). Biex ifisser il-laqgħa konklużiva tal-komunità Nisranija, Mattew jinqeda bi tliet parabboli: il-qaddej fidil (24:45-51), l-għaxar xebbiet (25:1-31), u l-istorja tat-talenti (25:14-30). Imbagħad fil-passaġġ li jmiss (25:31-40) l-Evanġelista jindirizza kategorija oħra: il-pagani – dawk li jgħixu mingħajr Kristu.

Fost dawn hemm it-tajbin li qed jagħmlu t-tajjeb u li għalkemm ma jafux li qed jagħmluh ma’ Kristu, huma werrieta tal-ħajja ta’ dejjem. Fil-fatt, meta dawk li kienu fuq il-lemin semgħu lil Ġesù jgħidilhom: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont il-ħabs u ġejtu maġenbi”, huma baqgħu sorpriżi għalkollox, għax qatt ma basru li f’din l-attività huma kienu f’relazzjoni miegħu! Għalhekk fost “il-ġnus” hemm dawk li ma jafux li huma ġusti (righteous). Huma dawk li ma semgħux bil-Vanġelu, imma xorta qed jissieltu kontra d-dnub u l-istrutturi tad-dnub li qed joħolqu l-faqar, l-inġustizzji, it-tbatija, u iktar. Huma dawk li għandhom bħala wirt il-ħajja ta’ dejjem, imma l-ħidma tagħhom mhix immirata biex jiksbu dan il-wirt.

Għal din il-kategorija fost il-ġnus napplika dik li Karl Rahner u xi teologi oħra jsejħu “Nsara anonimi”. Hija duttrina tal-Knisja li bniedem jista’ jkollu l-grazzja santifikanti (u għalhekk ikun iben Alla, werriet tal-Ġenna, ikun misjuq mill-grazzja biex jikseb il-fidwa eterna) qabel ma jkun laqa’ l-kredu Nisrani u qabel ma jkun irċieva l-Magħmudija. Ma’ dawn ngħodd lil dawk li jkunu tgħammdu żgħar imma kibru, u għalkemm ikunu għamlu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, qatt ma jkunu għamlu l-għażla fundamentali favur Kristu.

“Insara anonimi” huma dawk li qatt ma jkunu għamlu l-istqarrija tal-fidi bħalma nagħmlu aħna, imma qed jgħixu l-fidi, il-karità u t-tama fi Kristu mingħajr ma jafu xejn espliċitu dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu. Ħafna drabi dawn qed jgħixu dawn il-virtujiet teologali aħjar minna!

Xi teologi bħal Rahner u Riesenhuber iżommu li meta dawn il-persuni jgħixu ħajja normali ta’ bnedmin, fis-sens li jgħożżu u jindukraw id-dinjità umana, jagħmlu x-xogħol ordinarju tagħhom, jerfgħu r-responsabbiltajiet familjari u soċjali tagħhom, u jaċċettaw it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum, huma diġà qed jgħidu: “Hawn jien, Mulej”. Ma jgħidux “iva” bil-kliem, imma b’ħajjithom. Meta l-bniedem jaċċetta l-umanità tiegħu bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, aktar u aktar meta jmidd idejh biex ifejjaq il-ġrieħi tal-umanità feruta, huwa diġà jkun qed jagħmel att ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ tama fi Kristu.

Dan nistgħu ngħiduh fid-dawl tal-verità rivelata li “Alla jrid lill-bnedmin kollha jslavaw” (1 Tim 2:4). Il-fidwa li wettaq Kristu tilħaq lill-bniedem anki ’l hinn mir-relazzjoni espliċita li jista’ jkollu mar-reliġjon Nisranija, mar-Rivelazzjoni uffiċjali u mal-Knisja. Kristu wasal għand dawn il-persuni qabel ma huma waslu fil-komunità ekkleżjali u qabel ma laħqithom l-istess komunità. Dawn huma dawk li ma jmorrux il-knisja, ma jiħdux sehem fil-quddies, ma jersqux għas-sagramenti, ma jagħmluhiex mal-Kelma, imma frattant għandhom fihom il- gratia Christi – il-grazzja li tqaddes. Għalhekk huma nies tajba u jagħmlu t-tajjeb.

It-teologu B. Sesboue jgħid li din l-esperjenza ta’ Alla f’dawn l-Insara anonimi jista’ jkollha żewġ għamliet: (a) hemm il-forma reliġjuża, u għalhekk importanti li nħarsu b’mod pożittiv lejn ir-reliġjonijiet l-oħra li jistgħu joffru esperjenza vera ta’ Alla; u (b) fil-qalb tar-realtajiet profani.

Dan mhux tagħlim ġdid. Diġà Sant’Ambroġ kien jgħallem li l-katekumeni li jmutu qabel ma jirċievu l-Magħmudija għandhom il-possibbiltà li jsalvaw.

Il-Konċilju Vatikan II, li nhar il-Ġimgħa, Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, ikunu għaddew sebgħin sena minn meta kien tħabbar mill-Papa San Ġwanni XXIII, fih passaġġi li jikkonfermaw dan it-tagħlim. Nagħti żewġ eżempji. Fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja jingħad illi “dawk li mingħajr ħtija ma jagħrfux l-Evanġelju ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu, iżda fl-istess ħin ifittxu bis-sinċerità lil Alla u bl-għajnuna tal-grazzja jippruvaw jagħmlu r-rieda tiegħu kif jaslu jagħrfuha minn dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem. Il-Providenza ta’ Alla lanqas tiċħad l-għajnuna meħtieġa għas-salvazzjoni lil dawk li bla ħtija tagħhom għadhom ma waslux għall-għarfien veru u ċar ta’ Alla, iżda jagħmlu ħilithom, mhux mingħajr il-grazzja ta’ Alla, li jgħaddu ħajja tajba. Għaliex dak kollu li hu tajjeb u veru fihom il-Knisja tara fih bħal tħejjija biex huma jilqgħu l-Evanġelju, u huwa kollu mogħti minn Dak li jdawwal lil kull bniedem sabiex fl-aħħar ikollhom il-ħajja” (LG, 16). U fil-Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum insibu illi “l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd il-possibbiltà li b’manjiera magħrufa lil Alla, jingħaqad mal-misteru tal-Għid” (GS, 22).

Din l-esperjenza ssir anki barra mill-ħitan tal-Knisja istituzzjonali. Għalhekk dik is-sentenza ta’ San Ċiprijanu li “m’hemmx salvazzjoni barra mill-Knisja” tiftiehem biss skont x’nifhmu bi Knisja. Għax dawn “il-ġnus” ukoll, jekk għandhom il-grazzja ta’ Kristu, huma parti mill-Knisja, anki jekk ma humiex fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ħitan tal-Knisja.

Dan kollu jkompli jdawwal kemm il-ministeru tiegħi bħala Isqof u kemm il-missjoni tagħna bħala Knisja.

Nibda biex ngħid li f’dan il-kwadru ekkleżjali, il-Vanġelu jagħmilha ċara li mhux kompitu tagħna li nisseparaw in-nagħaġ mill-gidien. Fil-komunitajiet tagħna għandna t-tendenza li nifirdu t-tajbin mill-ħżiena. Dan irridu nħalluh f’idejn Alla: “Hu jifridhom minn xulxin bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-gidien” (Mt 25:32). Ma nkunux aħna li naqtgħu lil dak u lill-ieħor – dan la għandna nagħmluh fattwalment u lanqas mentalment (għax xi darba ma naslux biex naqtgħu lil xi ħadd minn magħna, imma nkunu neħħejnieh minn qalbna!). L-azzjoni li tissepara ma tistax tkun azzjoni tal-Knisja. Meta nisseparaw inkunu nirriskjaw li nwarrbu lil xi ħadd li jkun fi ħdan il-“ġnus”, kif fissirt aktar ’il fuq.

Madwarna qiegħda dejjem toħroġ fid-dieher il-kategorija tal-“ġnus” – ta’ dawk li ma għadhomx fil-Knisja istituzzjoni, ma jħossuhomx f’posthom fl-ambjenti ekkleżjali. Dawn il-persuni jinsabu fil-familji tagħna, huma ġirien tagħna, kollegi tagħna… Naf ġenituri li huma inkwetati ferm għax uliedhom ma għadhomx imorru l-quddies u forsi ma jridux jisimgħu aktar bil-Knisja. Fid-dawl tal-Kelma tal-lum, ma nistgħux naqtgħu qalbna minnhom; Alla żgur mhux ser jaqta’ qalbu minnhom. Għax jekk dawn ma jirfsux l-għatba tal-knisja imma mbagħad ilibbsu lill-għeri, jitimgħu lil min hu bil-ġuħ, jieħdu ħsieb l-iltim u r-romol… f’kelma waħda, jekk dawn iħobbu tassew, jista’ jkun li Kristu wasal għandhom qabel ma wassalnihulhom aħna!

Jistax ikun hemm xi ħadd aktar ’il bogħod? Imma anki fost dawn jaf ikun hemm Insara anonimi! Il-Konċilju Vatikan II għandu kelma interessanti dwar dawn ukoll. Fil-fatt, meta fil-Konċilju l-Knisja tgħid li hemm atej li ma humiex ħielsa mill-ħtija għax ikunu jfittxu apposta li jbiegħdu minn qalbhom lil Alla, indirettament qed tirrikonoxxi l-possibbiltà li jkun hemm persuni ateisti (u forsi jibqgħu hekk ħajjithom kollha) li ma jġorrux fuq spallejhom il-ħtija morali. Għalhekk xi teologi jikkonkludu li meta dawn il-persuni jżommu li dak li tgħidilhom il-kuxjenza huwa regola suprema, fil-prattika dawn ikunu qegħdin jaffermaw li Alla huwa l-fundament, ammess bħala esiġenza etika assoluta.

Dan kollu joffrilna viżjoni aktar wiesgħa għall-ħidma pastorali tagħna u jistimulana biex nifirxu aktar l-attenzjoni u l-kura tagħna kemm bħala ragħajja u kemm bħala komunitajiet ekkleżjali. Fid-dawl ta’ dan li għidt, mhux biss ma għandniex nisseparaw, imma nintegraw mingħajr ma nippretendu li nkunu omoġenji. Għandna naraw kif napprezzaw din il-preżenza tal-Ispirtu anki f’dawk li jgħidu li ma humiex fil-merħla imma huma fil-merħla. Dan mingħajr ma mmewtu l-ħeġġa pastorali biex anki lil dawn ngħinuhom jiskopru lil Ġesù Kristu u dawk l-għejun tal-grazzja li toffri l-Knisja.

Wara tlettax-il sena fil-ministeru qed nara dawn l-isfidi ġodda. Il-ġografija ta’ ġensna nbidlet waħda sew. Mhux bilfors li nbidlet għall-agħar; imma żgur li nbidlet il-forma. Lill-Knisja, partikularment fil-ministeru tagħna, Alla tana l-grazzja biex nagħmlu d-dixxerniment biex inkomplu ngħinu lil kull bniedem f’din il-mixja tal-istorja illi għandha l-appuntament definittiv tagħha ma’ Ġesù Kristu. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading