It-tliet affarijiet li jgħallimna San Publiju

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Parroċċa tal-Floriana, fil-Festa ta’ San Publju.

“LAQAGĦNA U BIL-QALB KOLLHA ŻAMMNA GĦANDU…”

San Publju, il-prinċep tal-gżira, jissemma b’mod prominenti u mill-aktar pożittiv fil-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta. Ir-rakkont jgħidilna li Publju laqa’ għandu bil-qalb lil Pawlu u lil dawk li kienu miegħu.

Fil-festa ta’ San Publju, għażiża għal din il-parroċċa imma wkoll għal Malta, nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti prinċipali.

L-ospitalità

Publju ma kien jaf lil ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen li kellu n-nawfraġju f’Malta, ma kellux ħbieb fuq il-ġifen, u ma kien hemm ħadd fuq il-ġifen li kien jiġi minnu, imma l-Atti tal-Appostli jenfasizza li “laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem”. Dan hu l-istess bħal dak li jgħid fuq il-Maltin: “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”.

Publju kien għadu ma semax bil-kliem ta’ Kristu “kont barrani u lqajtuni” – il-kliem li smajna fl-Evanġelju skont San Mattew. Kliem Kristu kien għad irid iħabbru Pawlu. Imma kellu f’qalbu diġà din l-ospitalità.

Publju juri kemm hu sabiħ li jkollok qalb kbira u miftuħa għal kulħadd, hu min hu, hi min hi. Qalb li tittratta lill-ieħor u lill-oħra b’rispett u mħabba. Kemm min hu barrani, kif ukoll min hu Malti u kultnat inqisuh barrani. Publju jsejħilna biex inkunu komunità b’qalb kbira fejn kulħadd iħossu milqugħ u maħbub.

Il-ħajja

Publju kien lest li jilqa’ għax kien jgħożż il-ħajja ta’ kull persuna li kien hemm fil-ġifen. Ma ħalllihomx jiffirżaw. Għalih il-ħajja umana ta’ dawk li ma kienx jaf kienet prezzjuża bħalma kienet prezzjuża l-ħajja ta’ missieru li kien marid imma kellu x-xorti jirċievi l-fejqan minn Pawlu.

Lilna Publju jsejħilna biex dejjem ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Hu messaġġ attwali ħafna fi żminijietna. Għalina li ngħożżu l-ħajja, ma jistax ikun li meta fil-baħar Mediterran imutu għexieren ta’ nies qisu mhu qed jiġri xejn, qishom dawn m’humiex bnedmin. Bħalma ma jistax ikun li nisktu meta jkun hemm min irid jelimina l-ħajja umana li tnisslet imma li tkun għadha ma twelditx.

Il-komunità

Publju, bħala prinċep tal-gżira, kien dak li jaħdem għall-bini tal-komunità – komunità li fil-bażi tagħha hemm l-ospitalità u l-għożża tal-ħajja. Publju, bis-saħħa ta’ Pawlu, fehem x’inhi l-Knisja u kien lest imut għaliha.

Illum nħarsu lejn San Publju biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għall-parroċċa bħala komunità ħajja. Jurina Publju li l-parroċċa mhix id-damask jew il-linef jew l-istatwa jew l-ark li jintrama barra fil-festa. Dan kollu hu ta’ valur jekk ikun espressjoni ta’ fidi u ta’ komunità ħajja.

Il-komunità parrokkjali hija dawk li jiġu l-Knisja u jkollhom qalb miftuħa għal dawk li ma jiġux. Fi ħdan il-komunità kulħadd huwa importanti, jagħmel x’jagħmel. Ħadd ma għandu jaħseb li huwa aktar importanti. Dak li jitlob minna Kristu hu li aħna lkoll inkunu ħaġa waħda fih u bejnietna. Dak li jagħmel il-parroċċa hu aħna lkoll maghqudin bħala l-ġisem ta’ Kristu. Hu Kristu li jrid imexxina u jibnina tassew bħala komunità.

Ikun żball jekk ikun hawn min jaħseb li hu l-protagonista, u jħoss li l-bini tal-Knisja huwa tiegħu. Il-knisja hija ta’ Alla, għalhekk hi kkonsagrata lilu. Hu l-protagonista. L-Arċipriet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u tant nies hawn f’din il-parroċċa huma dawk li jagħmel hiltu kollha biex dan it-tempju jkun ta’ Alla u jkun tal-ġemgħa kollha li tiltaqa’ fih.

Aħna u nfaħħru lil Alla u nirringrazzjawh ta’ San Publju, nitolbuh biex dan il-qaddis għażiż ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għalina fl-ospitalità, fl-għożża tal-ħajja u fil-bini ta’ komunità skont il-qalb ta’ Alla.

 Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading