L-Isqof Mario Grech fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Frar 2019: Messaġġ tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem.

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ANZJANI FAVUR IL-ĦAJJA

Biex fis-soċjetà tagħna tissaħħaħ il-kultura favur il-ħajja umana, nipproponi li jkun hemm aktar impenn li jġib ’il quddiem id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija dik li toħlom, filwaqt li l-anzjani huma dawk li ħadmu biex raw il-ħolm tagħhom; fosthom, imma, hemm dawk li jgħallmuna biex fil-ħajja ma noħolmux bil-ftajjar! Għax xi drabi, frott l-entużjażmu u n-nuqqas ta’ esperjenza, il-ħolm taż-żgħożija jaf ikun frott l-idealiżmi!

Kif jgħid il-Malti, kliem ix-xiħ żomm fih! Għax ix-xiħ huwa skular tal-esperjenza li hija l-aqwa għalliema. Ix-xjuħ huma dawk li rnexxielhom jgħumu l-baħar tal-ħajja, u għax kienu jafu jaqdfu anki kontra l-kurrent, wasslu l-familja tagħhom fil-kenn tal-port. Ix-xiħ huwa mogħni bl-għerf li l-ħajja taf tikkomunika. Min jista’ jqis l-għerf li għandhom l-anzjani fil-konfront tal-ħajja?

Żgur li hemm anzjani li quddiem ix-xewqa li jnisslu ħajja, qalbhom imtliet bil-beżgħat imma rnexxielhom jirbħuhom. Hemm anzjani li minkejja l-faqar li kellhom, xorta kienu ġenerużi mal-ħajja, u għax ittamaw, messew b’idejhom il-Providenza. Hemm anzjani li għandhom memorji sbieħ tal-ferħ li tnissel familja numeruża. Hemm anzjani li ġarrbu t-tbatija ta’ min tilef it-tarbija fil-ġuf kemm b’mod naturali jew b’għażla. Hemm anzjani li maż-żmien irnexxielhom ifiqu mill-ġerħa tal-abort u llum tgħallmu mill-iżbalji tal-ħajja. Hemm anzjani li bkew ma’ wliedhom u għal uliedhom, imma għax ipperseveraw f’dak li huwa tajjeb, in-niket tagħhom inbidel f’ferħ.

Tajjeb li ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tiskopri din ir-riżorsa prezzjuża li għandna fl-anzjani tagħna. Jekk nagħrfu nakkumpanjaw liż-żgħażagħ jagħmlu l-patt mal-anzjani, l-esperti fil-ħajja, indirettament inkunu qegħdin ngħinu biex fil-ġenerazzjonijiet li telgħin ikun hawn aktar reverenza quddiem il-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil. L-anzjani tagħna huma konfessuri tal-għaġeb tal-ħajja. Billi jafu x’inhi l-ħajja u stinkaw biex jgħixu, huma difensuri tal-ħajja. Ħafna minnhom ħallsu prezz għoli biex għexu, u għalhekk jafu kemm tiswa l-ħajja. Jekk huwa ż-żmien li jsajjar il-bajtar, huwa ż-żmien li jimmatura l-bniedem anki fl-apprezzament u l-għożża tal-ħajja.

Dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet mhux biss jgħin biex fostna jikber il-ħarsien tal-ħajja, imma jnissel fina wkoll ir-rispett lejn il-ħajja tal-anzjani. Għax jekk il-qtil tat-tarbija fil-ġuf huwa ikrah, daqshekk ieħor hija mneżżgħa minn kull dinjità umana t-temma volontarja tal-ħajja tal-marid u tal-anzjani.

Filwaqt li nirringrazzja lil Dar Ġużeppa Debono u l-Komunità Anawim għall-ħidma tagħhom favur il-ħajja kemm fid-Djoċesi tagħna u kemm ’il barra minn xtutna, nistedinkom biex tirriflettu dwar x’jista’ jsir biex inqarrbu liż-żgħażagħ lejn din l-għajn sapjenzjali li għandna fl-anzjani.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading