Evanġelju tat-Tnejn 11 ta’ Frar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 6, 53-56

Il-belt ta’ Ġennesaret kienet fuq ix-xtajta tal-Punent tal-Baħar ta’ Ġennesaret (jew tal-Gallilija), belt ewlenija fuq medda art forma ta’ nofs qamar li kienet fertili ħafna. Isimha jfisser ‘il-ġnien’ jew ‘l-art’ tal-prinċep.

Jista’ jkun li San Mark mhux biss jirrakuntalna li Ġesù mar f’belt oħra, bħal ma kien imur f’ħafna bliet u rħula, iżda qed jilgħab bit-tifisra tal-isem tal-belt. Donnu ġieb biex jibqa’ għax rabtu d-dgħajsa max-xatt u niżlu l-art. In-nie sgħarfuh u marru jiġru f’dawk l-inħawi kollha. Għandna ħjiel ta’ żjara rjali. Il-prinċep wasal u donnu kien mistenni ħafna għax folol marru jilqgħuh.

Iżda din id-darba, li jiġbed lin-nies lejn Ġesù mhix il-kelma tiegħu, imma l-qawwa li jfejjaq. Il-morda bdew jinħarġu mid-djar fejn min jaf kemm kienu ilhom imsakkrin, u l-pjazez u t-toroq imtelw bil-morda ħerqana għall-fejqan, huma u dawk li jħobbuhom, dawk li kienu jixtiequ jarawhom qawwijin u sħaħ.

U Ġesù kien ifejjaq b’qawwa kbira. Kull min kien imissu kien ifiq. Waħda mara fis-skiet ta’ qalbha kienet għamlet hekk u fieqet bil-fidi li żammet mistura f’qalbha. Il-fama tiegħu ta’ fejjieq xterdet ma’ kullimkien u l-ħniena tiegħu farrġet u qawwiet lil min kien għaddej mit-tbatija tal-mard.

Ġesù huwa dak li jfejjaq; l-għan tiegħu hu li jtaffi t-tbatija li ddgħajjef lill-bniedem anke fir-rieda tiegħu. Ma’ din it-tbatija hemm il-qtugħ ta’ qalb, ix-xewqa għall-ħelsien anke kultant bil-mewt, it-tbatija umiljanti tad-dipendenza għal kollox fuq ħaddieħor. Il-ħeslien, għal Ġesù, huwa sħiħ; mhux tar-ruħ biss jew tal-ġisem biss, lanqas wieħed qabel l-ieħor jew wieħed jintuża bie xjinkiseb l-ieħor, huwa ħelsien sħiħ tal-persuna sħiħa, għax il-bniedem huwa maħluq bniedem minn Alla nnifsu u Alla ma jħobbx biċċa minnu iżda lill-bniedem sħiħ.

Huwa l-prinċep tan-nies mhux tal-art li jgħixu fiha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading