L-Isqof Mario Grech fil-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni presbiterali ta’ Mons. Pawlu Cremona OP

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 21 ta’ Marzu 2019: Messaġġ mill-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni presbiterali ta’ Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof emeritu ta’ Malta.

F’ismi u f’isem il-Knisja miġbura f’Għawdex nifraħ lill-E.T. Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof emeritu ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-Ordinazzjoni presibterali tiegħu. Flimkien miegħu rroddu ħajr lil Alla għal dan id-don li huwa tah b’risq il-Knisja f’pajjiżna. Bil-kelma u l-istil tiegħu, l-Arċisqof Cremona kien u għadu xempju ta’ ħajja saċerdotali eżemplari li ssaħħaħ lilna s-saċerdoti, tqanqal fiduċja fil-lajċi u nittama li tispira u tagħmel il-qalb lil dawk li l-Mulej qiegħed isejħilhom biex jilqgħu s-sejħa għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Ngħożż l-esperjenza li qsamt miegħu fis-snin li huwa kien Arċisqof ta’ Malta.

Intenni s-sentimenti li kont esprimejt fil-messaġġ li għamiltlu fi tmiem il-mandat tiegħu: “Il-Knisja f’Għawdex hija ħafna grata lejk u mhix ser tinsa l-ġenerożità li inti qsamt magħha. Xejn inqas jien midjun lejk, meta nqis li kien fl-istess żmien li bdejna nitgħallmu mmiddu l-passi fit-triq tal-episkopat u inti kont għalija bastun sod li stajt inserraħ fuqu b’kunfidenza kbira. Nistqarr li wara l-mewt tal-predeċessur tiegħi l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, fik kont sibt it-tieni missier spiritwali”.

Inħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla biex f’dawn il-jiem jinterċedi għall-Arċisqof Cremona quddiem Alla bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading