Ma naħlux it-tbatija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 12 ta’ April 2019: Omelija ta’ Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Festa devozzjonali tal-Verġni Mqaddsa Marija Addolorata, fil-Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/605327013″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

MA NAĦLUX IT-TBATIJA

Ħadd ma jagħżel li jbati jew ifittex it-tbatija, imma t-tbatija hija parti mill-ħajja tagħna lkoll. Meta titfaċċa t-tbatija normalment nistaqsu kif nistgħu negħlbuha, imma ftit huma dawk li jistaqsu jekk it-tbatija għandhiex xi tifsira. Nietzsche jgħid li s-saħta mhix it-tbatija fiha nfisha imma l-assurdità tagħha – għax it-tbatija hija bla sens. Fil-fatt, il-veru dulur huwa li ħafna drabi t-tbatija hija esperjenza inutli li tagħmlilna l-ħajja miżera.

F’dan il-kuntest il-bniedem bir-raġun għandu terrur li jsib ruħu f’qagħda ta’ tbatija kemm fiżika u kemm morali. Bħal donnu rridu nagħmlu minn kollox biex naħarbu dak kollu li jista’ jħassrilna l-pjaċir, u sa fejn nistgħu, nippruvaw nevitaw, nostru jew ninsew dak li jista’ jdewwaqna ftit imrar. L-ironija hi li llum ħafna qed ibatu qatigħ fl-isforz li qed jagħmlu biex kemm jista’ jkun ibiegħdu t-tbatija minn ħajjithom. Illum qegħdin inbatu biex ma nbatux! Imbagħad jiġri li meta bl-isforzi tiegħu ma jirnexxilux jegħleb it-tbatija, meta l-kawża tad-dulur tkun tant serja li tibilgħu, il-bniedem jiżżarma, jaqa’ żorba u jġarrab sens qawwi ta’ falliment.

Illum il-ġurnata l-kultura tal-pjaċir tant hija qawwija li saħansitra qed taffettwa s-sistema ta’ trobbija tal-ġenerazzjonijiet li telgħin. Biex nevitawlhom li jbatu, it-tfal qed jitrabbew fit-tajjar. Ħafna drabi nagħmlulhom l-ilma jiżfen. Ma jafux x’inhuma ċaħdiet jew mortifikazzjoni. Id-dixxiplina tfajnieha ’l barra mit-tieqa. Dan japplika kemm fil-ħajja umana u kemm f’dik reliġjuża u spiritwali. Sa fejn nistgħu, qed nippruvaw inħassru kull għamla ta’ tbatija min-nofs u konsegwenza ta’ hekk m’aħniex nikbru. Insejna li l-ħajm qatt ma għamel nies. Effett ta’ dan għandna ġenerazzjoni fluwida għax nieqsa mill-pedamenti; ġenerazzjoni li taħrab mill-impenn u s-sagrifiċċju; ġenerazzjoni li mill-ewwel tinstaram f’qagħdiet negattivi u dulurużi li jinqalgħu fil-ħajja personali, fiż-żwieġ, fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-komunità, fil-partit… Ladarba m’aħniex kapaċi nweġġgħu ftit, malli xi ħadd jirfsilna l-kallu, nirreaġixxu.

Din il-kultura li wieħed jaħrab jew jevita t-tbatija taħkem lilna s-saċerdoti u r-reliġjużi wkoll.

Huwa minnu li t-tbatija hija theddida serja u kapaċi tagħmilna trietaq; imma jekk nagħrfu ngħixuha t-tbatija taf ukoll tibnina f’persuni ta’ saffejn – it-tbatija għandha qawwa li tgħinna nimmaturaw kemm umanament u kemm spiritwalment. It-tbatija tgħinna niġu f’sensina, naraw dak li qabel ma konniex naraw, nagħżlu l-qamħ mill-karfa, neħilsu mix-xniexel bla sens…

Konferma ta’ dan hija d-Duluri. Marija hija l-Addolorata għax qed tara lil Ġesù Binha jingħata l-mewt fuq is-salib. Imma għal Marija nistgħu napplikaw dak li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħid għal Kristu: “għad li kien iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (5:8). Id-duluri tagħha – li ma humiex biss dawk li hija ġarrbet fuq il-Kalvarju, għax kif qalilha Xmun dakinhar li ppreżentat lil Binha fit-Tempju, “sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35) – kienu tħejjija remota għaliha biex minn fuq is-salib Ġesù seta’ jagħtiha missjoni ġdida: li tkun Omm il-Knisja. Il-fatt li Marija ffaċċjat id-duluri tagħha b’mod kostruttiv għenha biex psikoloġikament u spiritwalment tkun matura biżżejjed biex Ġesù fdalha l-umanità kollha. Bħalma l-qamħa tinżera’ fl-art, titħassar, tmut u tnibbet żbula ġdida, hekk Marija għamlet il-passaġġ mid-dulur għal ħajja ġdida. Kif miż-żebbuġ misħuq joħroġ iż-żejt u r-riħa tfuħ, hekk fil-każ ta’ Marija, magħsura bid-duluri tagħha, hija terġa’ ssir Omm ta’ ħafna wlied.

Mingħajr ma nnaqqas xejn mill-kruha tas-sofferenza u konxju li mal-ewwel impatt tagħna mat-tbatija naraw id-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq, quddiem Marija Addolorata nixtieq nitlob lil Alla jagħtina l-grazzja li ma naħlux il-ġawhar tat-tbatija, għax “it-tbatija u l-imħabba għandhom kapaċità li jifdu, imma l-bnedmin insewha jew ittraskurawha” (Martin Luther-King). Intenni li t-tbatija taf tkun kerha ħafna u tgħakkisna, imma l-bniedem huwa akbar mit-tbatija u jista’ jagħtiha tifsira. Inħallu lil Marija Addolorata tkun ta’ ispirazzjoni għalina kif nistgħu nibdlu din l-esperjenza negattiva f’waħda pożittiva.

Il-psikjatra ta’ fama, Victor E. Frankl, jgħid li biex il-bniedem jiskopri l-potenzjal li għandha t-tbatija biex tgħin lill-bniedem jissawwar u jimmatura, jeħtieġlu dik li huwa jsejjaħ “tbatija sinifikattiva” (tbatija li għandha tifsira), fis-sens li wieħed ibati għal xi ħadd li jħobb (Homo patiens, 108-110). Dan l-argument jaqbel ħafna mal-mod kif aħna l-Insara nħarsu lejn it-tbatija. It-tbatija mhix xi ħaġa li nżommuha għalina, imma noffruha bħala rigal lil ħaddieħor – noffruha lil dawk ta’ madwarna u lil Alla.

Hekk għamlet id-Duluri. Misjuqa mill-imħabba għal Kristu u għall-bnedmin, hija waħħdet it-tbatija tagħha ma’ dik ta’ Binha li bil-passjoni u l-mewt tiegħu fdiena mid-dnub tagħna. Marija titħaxken ma’ Kristu jbati u hekk tingħaqad fl-offerta kollha mħabba li huwa jagħmel lill-Missier biex ipatti għal dnubietna u jerġa’ jħabbibna mal-Missier u bejnietna. Marija taf li “fis-salib ta’ Kristu mhux biss seħħet il-Fidwa permezz tat-tbatija, imma l-istess tbatija tal-bniedem ġiet mifdija” (Salvifici doloris, 19). Għalhekk Marija ma tagħmilx bħall-Appostli u “taħrab” ix-xena tat-tbatija. Anzi, Marija hija dik l-Omm li bil-preżenza tagħha f’dik l-arena kollha tbatija, “wieqfa” ħdejn l-Imsallab, twieżen lil Binha biex ma jaqtax qalbu u tgħinu jgħix dawk il-mumenti ta’ duluri kbar. Nistgħu nistħajluha qed tgħid lil Kristu fl-agunija dak li omm is-seba’ wlied Makkabin qalet lil binha: “Tibżax minn dan il-biċċier, imma kun ta’ ġieħ għal ħutek u ilqa’ l-mewt, sabiex jien niksbek mill-ġdid fi żmien il-ħniena flimkien ma’ ħutek” (2 Makk 7:29).

L-esperjenza tixhdilna li fejn hemm l-imħabba vera, anki jekk wieħed ikun ibati, dik it-tbatija ma jarahiex. Min iħobb tassew, lest li jħallas kull prezz għall-maħbubin tiegħu/tagħha. It-tbatija megħjuxa bl-imħabba tbexxaq il-qlub magħluqa u ssaħħan il-qlub kiesħa, u dan kemm f’relazzjoni ma’ ħutna l-bnedmin u kemm f’relazzjoni ma’ Alla. Ilkoll nafu b’persuni li meta laħaqhom il-mard, irnexxielhom iħitu t-tiċrit li kellhom fir-relazzjonijiet ma’ oħrajn u ma’ Alla – għamlu ħbieb ma’ sħabhom u ma’ Alla!

Ma naħlux it-tbatija, għax din għandha valur. Flimkien mad-Duluri ngħaqqdu s-salib tagħna mas-salib ta’ Kristu. It-tbatija ta’ Kristu msallab ma tneħħi xejn mit-tbatija tal-ħajja, iżda titfa’ dawl ġdid fuq it-tbatijiet tagħna. Bil-passjoni tiegħu, Ġesù mhux biss wettaq il-fidwa, imma fl-istess waqt tella’ t-tbatija tal-bniedem għall-għoli tal-Fidwa. Għax aħna msejħin biex fit-tbatija tagħna bħad-Duluri aħna nissieħbu f’dik il-Passjoni li biha seħħet il-Fidwa, imsejħin biex nissieħbu f’dik il-passjoni li biha nfdiet kull tbatija tal-bniedem (ara Salvifici doloris, 20).

Dan l-atteġġjament jgħinna nimmaturaw spiritwalment, u meta l-Vanġelu jitlob minna xi ħaġa li tolqotna fil-laħam il-ħaj, ma ninġibdux lura, ma nagħmlulux reżistenzi, imma naċċettaw bil-ferħ ir-rieda ta’ Alla.

Fl-Ittra tiegħu San Ġakbu jgħidilna: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar” (1:2). Il-fidi tagħna tgħinna naraw ’l hinn mit-tbatija u ’l hinn mill-mewt li biha “l-qawwa qerrieda tat-tbatija fil-ġisem u fir-ruħ tilħaq il-qofol tagħha” (Salvifici doloris, 20). Għalina li nemmnu fi Kristu, id-duluri jibqgħu duluri, imma ma’ San Pawl nistgħu ngħidu li aħna magħfusin iżda m’aħniex mgħattnin, imħassbin iżda ma għandniex qalbna maqtugħa, ippersegwitati iżda m’aħniex abbandunati, mixħutin mal-art iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù (ara 2 Kor 4:8-11).

F’din is-Sena Marjana li qegħdin niċċelebraw fid-Djoċesi, nitolbu lil Marija tgħinna ngħixu l-misteru tat-tbatija. Marija hija d-Duluri ferħana, għax frott tad-Duluri tagħha hija mhux biss issieħbet fil-fidwa li ġab Kristu, imma wkoll saret Omm il-bnedmin kollha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading