Is-siegħa tal-Omm

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt il-Għid, 20 ta’ April 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fiċ-ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/608806542″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IMG_7015

Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm – Fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb 

MARIJA WIEQFA ĦDEJN IL-QABAR

Dalgħodu, waqt li kont inħejji ruħi biex niġi f’din id-dar ta’ Marija biex flimkien magħkom noffrilha l-wens u l-faraġ f’dan il-jum tas-Sibt Qaddis wara li lbieraħ assistiet lil Binha jinqatel fuq is-salib, l-Ispirtu s-Santu pprovdieli għarfien ġdid permezz ta’ għejun teoloġiċi li huma patrimonju tal-Knisja Biżantina, liema tagħrif ifarraġni qatigħ, għax skoprejt li f’dan is-Sibt li fih riħa ta’ mewt, hawnhekk f’din id-dar mhux jien ser inwennes lil Marija, imma Marija twennes lili (lilna).

Fil-fatt nistqarr magħkom li għall-ewwel darba bl-għajnuna ta’ Girgor Palamas (1296-1359), li huwa meqjus bħala l-akbar teologu fil-Knisja ta’ Biżanzju, tant li meta nikkwotawh inkunu qisna qed nikkwotaw lil San Tumas ta’ Aquino fit-teoloġija Kattolika, intbaħt li meta San Mattew jgħid li “Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar” (27:61), imbagħad ikompli li “l-għada s-Sibt maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar” (28:1), Marija l-oħra hija Marija, Omm Ġesù u Omm tagħna!

Iva, illum is-Sibt, Marija kienet ħdejn il-qabar ta’ Binha! Fuq kollox mhux naturali li omm li tidfen lil Binha, l-għada tmur fuq il-qabar tiegħu? Anzi, Palamas jgħid li l-Ġimgħa filgħaxija, wara li niżżlu lil Ġesù minn fuq is-salib, Marija marret man-nisa l-oħra (mirafore) jixtru l-fwejjaħ (myron) biex jidilku l-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Fi kliem Palamas, “mingħajr dubju, Marija hija Omm Alla”. Fl-Għanja tal-Għanjiet “myron” (fwieħa) huwa l-isem tal-Għarus (1:3). Kristu huwa l-Iben ta’ Alla “midluk” bil-fwieħa tal-Ispirtu bħala Sultan, Saċerdot u Għarus tal-Knisja. Myron huwa wieħed mit-titli li l-Knisja Griega tagħti lil Kristu. Marija, il-Mirofora, hija dik li ġġorr il-fwieħa – dik li ġġorr lil Kristu, il-midluk tal-Mulej, Feddej tal-bnedmin u Għarus tal-mifdija. Dawn in-nisa, magħhom Marija, huma xhieda tal-mewt u d-difna ta’ Ġesù; huma dawk li qegħdin ifittxu lil Kristu li huwa nieqes. Wara tlett ijiem, Marija flimkien man-nisa li kien hemm magħha, kienet parti minn dik il-laqgħa tal-għaġeb li seħħet meta dehrilhom Kristu Rxoxt.

Marija kienet ħdejn il-qabar ħerqana tistenna lill-Iben tagħha jqum! Għax kuntrarjament għad-dixxipli u n-nisa, Marija, li kienet iżżomm f’qalbha dak li kienet tisma’ minn fomm Binha, emmnet lil Ġesù meta qal li kien ser iħott it-Tempju u fi tlett ijiem jerġa’ jibnih… meta ħabbar li kien ser iqum mill-mewt. Huwa kien jgħidilhom li kien meħtieġ li Bin il-Bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u wara tlett ijiem jerġa’ jqum (Mk 8:31). Imma d-dixxipli ma emmnuhx! Waqt li l-qlub tad-dixxipli u tan-nisa twajba kienu tqal bin-niket tat-telfa, fir-ruħ ta’ Marija, illum is-Sibt, jibda jbexbex iż-żerniq ta’ dak il-jum mingħajr għabex, il-jum tal-Qawmien.

Palamas ikompli jgħid li meta nħasset tħeżżiża, kulħadd beża’ u ħarab, imma Marija baqgħet hemm. Kien għalhekk li jinżel l-anġlu tal-Mulej mis-sema biex igerbeb il-ġebla biex proprju lil Marija, li l-ġuf tagħha kien l-ewwel “qabar” ta’ Kristu, issa jiftħilha dan il-qabar biex tkun hi l-ewwel waħda li tara lil Binha ħaj mill-ġdid. Kien jixirqilha li tkun hi l-ewwel li tara l-qabar miftuħ, għax hu permezz tagħha li għalina nfetħu t-teżori tal-grazzja.

Palamas jgħid li dak l-anġlu li niżel biex igerbeb il-ġebla tal-qabar kien Gabrijel, dak li ħabbar lil Marija li kellha tkun Omm Alla. Għalhekk, xħin illum Gabrijel ra lil Marija ġejja lejn il-qabar, ħaffef niżel ħdejha fejn il-qabar biex jgħidilha: “La tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla”.

Meta jikkontempla lil Marija fil-jum tas-Sibt il-Kbir, Ġorġ min-Nikomedja, isqof li kien jgħix fis-seklu disgħa, ipoġġi dan il-kliem sabiħ fuq fomm Marija, dik li jsejjaħ “esperta ta’ Alla”:

“Mulej, int fin-natura divina tiegħek ma tmut qatt; imma bħala bniedem batejt fin-natura umana tagħna; u issa, int li minn dejjem inti fi ħdan il-Missier, tinsab fil-ġuf tal-art. Qum bil-ġisem int li fid-divinità tiegħek ma tistax tiġi mjassar. Stenbaħ, għalhekk, int li b’għajnejk miftuħa tgħasses fuq is-sekli. Oħroġ u l-ġemgħa tal-popli tilqgħek bit-tifħir. Hekk anki jien nara l-wiċċ mixtieq tal-Mulej li tant qed nistenna ħerqana. Biex inkun nista’ nikkontempla l-ġmiel li jiżboq kull ġmiel uman u nara tielgħa l-glorja ta’ Alla kollu qdusija. Hekk inkun nista’ nisma’ l-leħen tiegħek li jlissen kliem ħelu u mimli grazzja. Kif fit-twelid Marija Ommok kienet l-ewwel waħda li int fawwart bil-ferħ, hekk tkun hi l-ewwel waħda li tħabbrilha l-ferħ tal-Qawmien. Idher, int li int dejjem magħqud magħha, biex hi tibqa’ dik li ħadd ma jirbħilha”.

Għalhekk, f’dan il-Jum ta’ skiet kollu fwieħa, intennilkom minn qalbi: La tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom! F’Marija għandna lil dik li emmnet li l-mewt mhix l-aħħar kelma, u għalkemm kollox kien riħa ta’ mewt, hi baqgħet wieqfa kollha tama. Din l-istedina nagħmilha bil-qawwa lill-Knisja f’Għawdex li f’ċerti partijiet tagħha, jiddispjaċini ngħid, hemm biss sinjali ta’ mewt – f’ċerti rqajja’ nara li l-ħajja spiritwali hija assenti għalkollox, anki jekk inperrċu kostumi reliġjużi. X’jiswa li jkollna tempji mlibbsa sabiħ u niġru bl-Irxoxt fuq spallejna jekk Kristu Rxoxt ma jheżżiżx ħajjitna? Kieku mhux għax bħal Marija u bl-għajnuna ta’ Marija nibqa’ nistenna sakemm jiġi anġlu u jgerbeb il-blata tqila li qed timblokka l-ħajja Kristjana, kieku naqta’ qalbi minn din il-Knisja! Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading