Ir-Rebħa


Is-Sibt, 20 ta’ April 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Vġili tal-Għid, fil-Katidral tal-Mdina.

d5z_5127_20419201401.155601484294.jpg

IR-REBĦA

Fl-istorja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù hemm miġbur dak li hu ikrah fil-ħajja tal-bniedem – il-mibegħda, il-vjolenza, l-inġustizzja, l-abbuż mill-poter, it-tradiment, iż-żeblieh, l-ingann, l-ingratitudni. Qisu hemm konċentrazzjoni ta’ ħażen li jwassal għall-kundanna inġusta ta’ Ġesù u fl-aħħar għall-mewt brutali tiegħu u d-dfin tiegħu ssiġillat fil-qabar.

Mhux ta’ b’xejn li d-dixxipli ta’ Ġesù għaddew minn trawma, spiċċaw diżillużi, raw kull tama tispiċċa fix-xejn. Għalihom kien it-tmiem.

Kellhom biss il-memorja ta’ esperjenzi sbieħ, ta’ tagħlim siewi li jagħmel sens, ta’ tant ġid li kienu raw isir minn Ġesù ma’ nies fil-bżonn, mal-morda, mal-foqra, mal-imwarrbin. Mal-mewt u d-dfin ta’ Ġesù, kollox qisu spiċċa fix-xejn bħal ħolma li għaddiet.

L-ikbar ġrajja għall-umanità

Kieku l-istorja waqfet hawn, bir-raġun wieħed jitkellem fuq it-trijonf tal-ħażen. Imma l-istorja ma ġietx fi tmiemha hawn. Ġesù Kristu qam mill-mewt! Għalhekk l-Għid hi l-ikbar ġrajja, l-isbaħ festa possibbli għall-umanità, għax Ġesù rebaħ il-mewt u qam għal ħajja ġdida.

Nifirħu, għalhekk, ma’ Ġesù Kristu Rebbieħ, is-Salvatur tagħna. Bil-qawmien tiegħu, aħna ksibna ħajja ġdida. Miegħu rbaħna aħna. Hi r-rebħa definittiva tat-tajjeb fuq il-ħażin, tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda. Huwa ħaj! Mhuwiex sempliċiment xi persuna li għexet tant snin ilu u nfakkru b’għożża l-memorja tagħha. Huwa ħaj, u għalhekk illum hu jimlielna ħajjitna bil-paċi u l-ferħ tiegħu.

Bil-qawmien tiegħu, Kristu jagħtina s-sinifikat veru għal ħajjitna, u għal dak li għandna nirsistu għalih. Jurina xi tfisser tirbaħ u xi tfisser titlef fil-ħajja. Aħna mifdija minnu, aħna mexjin wara rebbieħ. Għalhekk, nafu li t-triq li hu wriena hi t-triq rebbieħa.

It-triq rebbieħa

It-triq hi rebbieħa mhux fis-sens li jaqbel ma’ Kristu kulħadd. Il-passjoni wriet kemm il-folla tista’ tkun żbaljata u tarmi t-tajjeb biex tħaddan il-ħażin, tippreferi qattiel milli tagħżel lil sid il-ħajja. M’hijiex rebbieħa għax hi l-għażla tal-folla.

It-triq hi rebbieħa mhux fis-sens li kollox jimxi ħarir, mingħajr diffikultajiet u tbatija, u li ma jibqax tant sfidi fil-ħajja. Altru li mhux hekk.

Imma t-triq ta’ Kristu hi rebbieħa għax hi vera. Hi t-triq li ma twassalx biss sal-qabar imma tmur lil hinn mill-qabar, u tieħu sal-ħajja ta’ dejjem.

Hi rebbieħa għax hi vera f’din il-ħajja stess, fejn iġġib il-veru ferħ u paċi. Għalhekk meta aħna nagħżlu t-triq tal-imħabba, tal-maħfra, tal-onestà, tal-ġustizzja, tal-paċi, tal-għaqda, tal-għożża tal-ħajja, qed nagħżlu t-triq rebbieħa. Hi t-triq li jurina Kristu ħaj, u għax rebbieħa, hi t-triq tas-suċċess veru, tat-tama li ma tqarraqx bina.

Nissieħbu ma’ Kristu fil-qawmien tiegħu

Għalhekk, kull meta aħna stess niżbaljaw u flok niġġustifikaw lilna nfusna fl-iżbalji tagħna nqumu mill-ħażen tagħna, qed nieħdu sehem mill-qawmien ta’ Kristu li jagħtina din il-ħajja ġdida.

Kull meta aħna ngħinu lil xi ħadd biex jintrefa’ mill-problemi li qed ikissruh, u biex jegħleb l-ostakli li ma jħalluhx jgħix ħajja xierqa, qed nissieħbu ma’ Kristu fil-qawmien tiegħu. Kull meta noffru tama vera lil min jaħbat jaqta’ qalbu mill-ħajja, kull meta nieqfu ma’ min qed ibati u hu vittma ta’ xi forma ta’ inġustizzja jew abbuż, qed nieħdu sehem mill-qawmien ta’ Kristu.

Kull meta naħdmu biex insalvaw il-ħajja umana, bħalma tagħmel il-Knisja – kemm il-ħajja ta’ xi ħadd li jispiċċa bejn sema u ilma waqt li qed ifittex il-kenn, kif ukoll il-ħajja umana li tnisslet u għadha ma twelditx, u f’kull waqt ieħor, għax il-Knisja ma tifridx ħajja minn oħra imma għaliha kull ħajja umana għandha tiġi salvata u mħarsa – qegħdin f’din it-triq rebbieħa li wriena Kristu bil-qawmien tiegħu.

Grazzi, Mulej, li fdejtna bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħek. Għinna biex ikollna l-paċi u l-ferħ li ġibtilna int bil-qawmien tiegħek, u nimxu dejjem f’din it-triq rebbieħa.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju