X’għamel, ġie u reġa’ mar?

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 10 ta’ Ġunju 2019, Festa ta’ Marija Omm il-Knisja:

Il-preżenza ta’ Marija fiċ-Ċenaklu biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu mal-Appostli u l-kumpalment tad-dixxipli nhar Għid il-Ħamsin minn dejjem poġġiet quddiemi għadd ta’ domandi. Jekk dakinhar tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, l-Anġlu qal lil Marija li l-Ispirtu s-Santu ser jinżel fuqha, allura għala kien hemm il-ħtieġa li hija terġa tirċevih mad-dixxipli wara li Kristu tela’ s-sema?

L-istess domanda nistgħu wkoll nagħmluha fuq bażi personali.  Jekk aħna niċievu l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija tagħna, allura kif nerġgħu nirċevuh fil-Konfermazzjoni?

X’ġara f’Marija bejn l-ewwel miġja tal-Ispirtu s-Santu u t-tieni? X’ikun ġara fina bejn il-Magħmudija tagħna u l-Konfirmazzjoni?  Jew inkella, jekk l-Ispirtu s-Santu niżel fuq il-Knisja nhar Għid il-Ħamis, għaliex aħna kontinwament nitolbuh, Veni Sancte Spiritus – Ejja Spirtu s-Santu?

Forsi l-Ispirtu s-Santu jiġi jżurna, jagħtina d-doni tiegħu u jitlaq lura?  Jew forsi kif darba ssuġġerieli xi ħadd, li aħna nirċevuh bil-biċċiet, doża doża?

Il-verità hi li l-Ispirtu s-Santu ma jħallina qatt.  Anke meta aħna niċħduh bid-dnub, xi ħaġa li żgur ma kienx il-każ f’Marija, l-Ispirtu s-Santu xorta jibqa’ magħna biex jiddefendina kontra l-Ħażin u l-akkużi tiegħu.  Lanqas ma huwa l-każ li l-Ispitu nirċevuh ftit ftit.  Meta Hu jiġi fina fil-Magħmudija tagħna, aħna nirċevuh bil-milja kollha tiegħu.  Mela x’inhi r-raġuni tassew?

Marija Omm il-Knisja

Jekk niflu l-każ ta’ Marija, dakinhar tat-Tħabbira mill-Anġlu, hija kellha s-sejħa li tkun Omm Alla, missjoni li għaliha kellha bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.  Wara li hija wettqet dik il-missjoni, minn għand Binha stess minn fuq is-salib hija irċeviet sejħa ġdida, dik li tkun Omm il-Knisja, “Dak hu ibnek”.  Issa wkoll hija kellha bżonn mill-ġdid il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex tista’ twettaq din il-missjoni ġdida tagħha. U allura l-preżenza tagħha mal-ewwel Knisja fiċ-Ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin ma kienetx forsi l-aħjar mument biex iseħħ dan?  Kien propju il-mument tat-twelid tal-Knisja fid-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Marija li hija stess bint il-Knisja, hemm issir ukoll Omm il-Knisja.

Minkejja li sa mill-ewwel żminijiet il-Knisja dejjem ħarset lejn Marija bħala Omm Alla u Ommha, kien matul il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li l-Papa Pawlu VI ta uffiċjalment it-titlu ta’ Omm il-Knisja lil Marija.

Imbagħad fil-11 ta’ Frar 2018, f’digriet publikat mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin, il-Papa Franġisku daħħal din it-tifkira fil-kalendarju liturġiku billi ddikara li l-għada ta’ Għid il-Ħamsin ta’ kull sena, għadha tkun iċċelebrata l-Festa ta’ Marija, Omm il-Knisja.

joe farrugia

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading