Is-Santwarju Ta’ Pinu: Klinika tal-Ispirtu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2019: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

IS-SANTWARJU TA’ PINU: KLINIKA TAL-ISPIRTU

F’Kana għandna żewġ għarajjes friski mriegħxa għax ma kienx fadlilhom inbid għall-mistednin. Nistħajjel li meta ntebħu bil-problema, l-għarajjes riedu l-art tinfetaħ u tiblagħhom għax waqgħu għaċ-ċajt. Bl-intervent tiegħu Ġesù mhux biss ipprovdielhom l-inbid, imma serrħilhom rashom u mliehom bit-tama. F’ċertu sens fil-miraklu ta’ Kana Ġesù ma kienx tant dak li jimla l-ġarar bi nbid ġdid, imma huwa t-tabib li fejjaq il-qalb miksura u muġugħa ta’ din il-koppja.

Għal ħafna mill-Missirijiet tal-Knisja Ġesù huwa t-tabib. Sant’Ambroġ jikteb li “l-kelma ta’ Kristu hija l-mediċina li għandha l-qawwa tagħlaq il-ġerħat”. U fi kliem Santu Wistin, “Ġesù huwa tabib tal-kuxjenza li f’idu għandu xafra li tfejjaq u din hija l-kelma tiegħu”. Oriġene jgħallem li Alla ħejja għalqa bil-ħxejjex mediċinali bid-diskorsi li nsibu fil-Bibbja. Hu jtenni li l-“mediċina tal-Ispirtu tinsab fih”.

Il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmu li filwaqt li Kristu huwa “archiatrus” (it-tabib ewlieni), huwa għadda din il-missjoni lill-oħrajn. Hekk San Ġrolmu jagħraf lill-profeti bħala “tobba tal-Ispirtu” u Oriġene jsostni li din il-missjoni medika rċevewha wkoll dawk li wara l-Appostli jagħmlu parti mill-Knisja u lilhom ġiet fdata l-missjoni li jfejqu l-feriti. Jekk il-profeti u s-suċċessuri tal-Appostli huma wkoll “tobba tal-Ispirtu”, bir-raġun nistgħu nżommu li wkoll Marija, Sultana tal-Appostli, hija esperta li tfejjaq lill-bniedem miġruħ.

Fil-fatt Kristu t-tabib ma kienx waħdu f’Kana imma kellu miegħu lil Marija Ommu. Meta hija titlob lil Ġesù biex jgħin lill-għarajjes, nistħajjilha l-“infermiera” li tkun mat-tabib waqt li jkun idur fis-sala tal-isptar. Marija għandha l-kwalitajiet kollha biex tkun infermiera tajba: għax barra li bħala mara mżejna bil-ġenju femminili għandha bedside manners tajbin ħafna, hija Omm dawk li jeħtieġu l-kura tat-tabib. Liema omm ser tittraskura lil uliedha morda jew mhix ser tirrakkomandahom lit-tabib, aktar u aktar meta t-tabib huwa Binha wkoll? Barra minn hekk, din l-infermiera taf kemm hija effettiva l-mediċina li jagħti dan it-tabib: Marija taf li l-kelma ta’ Ġesù tagħti l-ħajja. Kien għalhekk li f’Kana lill-għarajjes tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

F’dan il-kuntest illum nilmaħ f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu dak li l-Papa San Pawlu VI sejjaħ “klinika tal-Ispirtu”: “Dak li forsi ma jersaqx biex jirċievi l-grazzja ta’ Alla fil-parroċċa, jagħmel il-qalb u jmur għand Marija”. L-istess ħsieb tennieh dan l-aħħar il-Papa Franġisku meta qal li “s-santwarji [huma] mkejjen kważi sagramentali ta’ Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja, li jħarsu l-memorja ta’ poplu fidil li qalb it-tiġrib tiegħu ma jegħja qatt ifittex l-għajn tal-ilma ħaj mnejn iġedded it-tama tiegħu”. Iva, is-Santwarju Ta’ Pinu huwa “klinika tal-Ispirtu” fejn iservu Kristu t-tabib u Marija l-infermiera.

Huwa fatt irreġistrat fl-istorja li x-xniegħa li l-Madonna kienet tkellmet ma’ tnejn min-nies mill-Għarb, Karmni Grima u Franġisku Portelli, bdiet tixtered fl-1886 (tliet snin wara li seħħet il-ġrajja tas-Sejħa) kawża ta’ fejqan mirakuluż ta’ Ċensa, omm Franġisku. “Ċensa minħabba marda tal-qalb kienet waslet f’xifer il-qabar. Uliedha Franġisk, Nikola u Nardu marru jżuru l-Kappella Ta’ Pinu u wara li qalu r-rużarju għall-fejqan ta’ ommhom, għamlu wegħda li jdendlu lampier quddiem ix-xbieha tal-Madonna u li kull meta jkunu jistgħu jixegħluh. L-għada ommhom bdiet ġejja għat-tajjeb u wara ftit irnexxielha teħles mill-periklu ta’ ħajjitha u għexet għal sentejn u nofs oħra”.

Biex ngħid hekk, Ċensa Portelli kienet l-ewwel pazjenta f’din il-“klinika” Ta’ Pinu u minn dakinhar huma bla għadd dawk li ġew f’dan is-Santwarju jfittxu fejqan ta’ kull xorta. Meta din is-sena nedejna s-Sena Marjana, kelli f’moħħi li bħala Knisja f’Għawdex nibagħtu messaġġ qawwi biex infakkru li hawn din il-“klinika” li tilqa’ fiha lil kull min qed iħoss is-saħħa tonqoslu – kemm is-saħħa fiżika, affettiva, psikoloġika, morali u spiritwali. Barra l-mard personali hemm il-mard li qed jifni ż-żwiġijiet u l-familji tagħna, hemm mard li jżarma lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, hemm mard li jheżżeż l-istrutturi soċjali tagħna, hemm mard li qed iċajpar il-viżjoni tagħna tad-dinjità umana, hemm mard li qed imermer l-ekonomija, hemm mard li qed iħawwad lill-ħassieba u x-xjenzati, hemm mard li laqat il-Knisja u n-nies tagħha.

Kulħadd huwa milqugħ f’din il-klinika – kemm dawk li huma qrib u kemm dawk li huma fil-bogħod, kemm dawk li huma Nsara prattikanti u kemm dawk li abbandunaw il-fidi, kemm dawk li huma mgħammda u kemm dawk li għandhom twemmin ieħor, kemm dawk li huma vittmi tad-deni li għamel ħaddieħor u kemm dawk li huma responsabbli tal-ħsara li tkun saret.

Ħadd ma għandu jaqta’ qalbu mill-fejqan, anki jekk il-marda tkun ilha s-snin fuqu. Ma hemm ebda marda li ma titfejjaqx; anki jekk l-esperti tad-dinja ma jsibux tarf, xorta waħda nfittxu kenn f’din il-klinika għax it-tabib (Ġesù) huwa Alla u l-infermiera (Marija) hija Omm Alla. Forsi ma naqilgħux l-għamla ta’ fejqan li nkunu nixtiequ, imma kif jgħid San Ġustinu, il-fatt li Ġesù huwa qrib tagħna u nħossuh jerfa’ fuqu parti mit-tbatija tagħna diġà huwa mediċina. San Pietru Krisologu jgħallem: “Ġesù sar bniedem biex jieħu fuqu l-mard tagħna u minflok lilna jagħtina l-virtujiet tiegħu, jieħu fuqu l-uman u jagħtina d-divin, jissaporti t-tbatija u jagħtina s-saħħa. It-tabib li ma jerfax il-mard ma jafx ifejjaq u min mhux marid ma’ min hu marid, ma jafx ifejjaq”.

Kif f’Kana Marija daħlet quddiem Ġesù biex tfejjaq lil dawk l-għarajjes, hekk f’dan is-Santwarju-klinika Ta’ Pinu Marija tibqa’ tressaqna għand Ġesù biex jagħtina l-mediċina għall-fejqan. Ħa jkun magħruf li hawnhekk f’Ta’ Pinu hawn “Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja” fejn Marija hija l-infermiera li kollha tenerezza u mħabba lesta tilqa’ u tisma’ lil kull min qed iħossu magħsur bil-piż ta’ mard u tressqu quddiem Ġesù, dak li Klement ta’ Lixandra sejjaħ “it-tabib li jfejjaq l-infermità tal-bnedmin u jirbaħ ir-ruħ marida”. Niżbaljaw jekk naħsbu li biex tidħol fid-dar ta’ Marija trid tkun “imfejjaq”, u għalhekk hemm min, għax konxju mill-mard tiegħu, partikularment dak spiritwali u morali, jibqa’ barra. Nerġa’ ntenni: is-Santwarju Ta’ Pinu huwa “sptar” u “klinika” li għandu l-bibien tiegħu miftuħa biex ikebbes it-tama fil-qalb ta’ dawk kollha li jkunu tilfuha. Bħal kull sptar, dan is-Santwarju ma jagħlaq qatt. Hija xewqa tiegħi li jitwessa’ l-orarju tal-ftuħ ta’ dan is-Santwarju u jkunu ħinijiet li jirriflettu ż-żminjiet tal-lum. Marija, Saħħa tal-morda, itlob għalina.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading