Kull laqxa tifred l-imramma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Festa tal-Verġni Mqaddsa tal-Karmelu, fil-Knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta.

KULL LAQXA TIRFED L-IMRAMMA

Ir-rakkont tal-esperjenza tal-profeta Elija fuq l-għolja tal-Karmelu jitfa’ dawl fuq il-ħajja tagħna llum. Barra li kien żmien ta’ nixfa, ġuħ u faqar, in-nies kienu qed jagħtu daharhom lil Alla. F’dan il-kuntest soċjali u reliġjuż, Elija kien qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi tqal tant li kien kważi daħal fi kriżi mhux biss spiritwali imma wkoll dwar l-identità tiegħu. X’aktarx li l-agħar problema li kellu kien is-skiet ta’ Alla. Minkejja li kien tant reliġjuż u jitlob, ħass li Alla kien inħbielu waqt li l-ħażin kien ir-riħ fl-impoppa.

Mhux darba u tnejn insibu ruħna fis-sandli ta’ Elija. Il-fatt li l-ħajja (personali, familjari, soċjali…) hija triq għat-telgħa, faċli naħbtu naqtgħu qalbna. Xi drabi nħossuna qed nagħżqu fl-ilma (anki fil-Knisja!). Biex tkompli tagħqad, ġieli nsejħu lil Alla imma jibqa’ ma jweġibniex. Ma niskantax li jkun hemm min jidħollu s-suspett dwar is-siwi tal-fidi, aktar u aktar meta l-ġnien ta’ min jiġi jaqa’ u jqum mit-twemmin Nisrani jidher qed iwarrad, filwaqt li tagħna ma jistax jieħu r-ruħ.

Imma Alla li jħobbna mhux ser jitlaqna! Huwa fatt li Alla tagħna huwa mistur. Proprju biex iħallina ħielsa jekk naċċettawhx jew le fil-ħajja, mhux ser jimponi ruħu fuqna billi jagħmel il-preżenza tiegħu daqshekk evidenti. Għalhekk aħna għandna bżonn inkunu aktar attenti biex nintebħu bis-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fostna. Ħafna drabi jiġrilna bħall-qaddej ta’ Elija. Dan kemm-il darba xiref fuq in-naħa tal-baħar u ma ra xejn. Elija, li kellu tama kbira f’Alla, jerġa’ jibgħat lill-qaddej sakemm fl-aħħar intebaħ li kien hemm “sħaba ċkejkna daqs keffa ta’ id ta’ raġel” tielgħa mill-baħar. Ma damx ma s-sema swied u bdiet nieżla xita bil-qliel. Jien ma ngħidx li xħin il-qaddej xiref biex jara kienx hemm sħab, ma kien hemm xejn fix-xefaq; imma kien il-qaddej li ma għarafx japprezza dik is-sħaba ċkejkna daqs keffa ta’ id li kienet sinjal tal-preżenza ta’ Alla. Billi bħal qisu stenna li jara sħab kbir u iswed, ma tax kas ta’ dak l-element żgħir. L-aspettattiva tiegħu għal ħwejjeġ kbar ma ħallitux jitgħaxxaq b’ħaġa tajba!

Dan spiss jiġri lilna! Aħna dejjem neqirdu li Alla huwa assenti. Imma madwarna hawn ħafna u ħafna sinjali żgħar li jitkellmu fuq il-preżenza tiegħu, imma aħna bħal dak il-qaddej ma għandniex il-ħila li nindunaw bih. Xi drabi aħna għandna għajnejn tal-baqar: tant naraw kbir li mbagħad nitilfu d-dettalji. Alla huwa preżenti fi ħwejjeġ żgħar u ħafna drabi insinifikanti. Forsi tort tal-formazzjoni li rċivejna – għax jidhrilna li Alla jgħammar fejn hemm ħafna storbju, tlellix u binjiet kbar. Imma Alla tagħna jħobb iċ-ċkunija u jikkomunika t-tjubija u l-ġmiel f’dożi żgħar. Anki meta bagħat lil Ibnu fid-dinja, huwa għażel triq ċkejkna: ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox u sar bniedem bħalna.

Niżbaljaw jekk infittxu lil Alla fil-ħwejjeġ jew ċelebrazzjonijiet pompużi u straordinarji – f’waqtiet ta’ din ix-xorta jkun hemm aktar il-preżenza tagħna l-bnedmin milli dik ta’ Alla! Għall-kuntrarju, huwa normali li Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-affarijiet ordinarji tal-ħajja, ħafna drabi fejn l-inqas nistennew li ser insibuh jew induquh. Kull fejn hemm it-tajjeb, il-veru u s-sabiħ… hemm ir-rifless ta’ Alla. Fi kliem il-Papa, Franġisku (għax bħal donnu llum fil-Knisja sar għandna bżonn ngħidu min hu l-Papa!), “it-tnebbiħ ta’ Alla… ħafna drabi nsibuh fil-ħwejjeġ żgħar, f’dak li jidher irrelevanti, għax in-nobbiltà tal-qalb tidher fil-ħwejjeġ sempliċi u ta’ kuljum” (Gaudete et exsultate, 169).

Huwa minnu li madwarna hawn irqajja’ koroh, imma ħasra li għajnejna jeħlu fuq dawn u hekk nitilfu l-opportunità li nitgħaxxqu b’sinjali anki ċkejknin daqs keffa ta’ id ta’ bniedem li jirriflettu l-preżenza ta’ Alla. Ma għandniex għalfejn nistagħġbu li dawn is-sinjali pożittivi jinsabu wkoll “’il barra miz-zuntier tal-Knisja” – jinsabu wkoll kemm fil-qalba u kemm fil-periferija tas-soċjetà sekularizzata tagħna. F’kull attività lajka (kummerċ, politika, edukazzjoni, arti, letteratura, sport, u l-bqija) hemm żerriegħa tajba!

Ħasra li ħafna drabi n-Nisrani jieħu l-attitudni li jbarri dak kollu li mhux “mgħammed”. Meta nagħmlu hekk inkunu qegħdin nirriskjaw li niskartaw ukoll sinjali li jitkellmu dwar Alla.

F’dik is-sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel li fl-aħħar ra l-qaddej ta’ Elija, il-Missirijiet tal-Knisja jilmħu simbolu ta’ Marija. Għax Marija wkoll kienet tfajla ċkejkna mir-raħal ċkejken u minsi ta’ Nazaret. Imma Alla għoġbu jsejjaħ lil dik “iċ-ċkejkuna” biex permezz tagħha twieled Ġesù, li tana ilma li min jixrob minnu ma jagħtih qatt il-għatx. Marija hija konferma li Alla jagħżel ħwejjeġ żgħar biex jidħol fl-istorja tagħna. Ma niskantax li llum ukoll għad hawn min jitfixkel quddiem il-figura ta’ Marija, Omm Alla u Omm tagħna, minħabba l-istess ċkunija tagħha.

Kif fl-ambjent ta’ madwarna hawn ħafna ħwejjeġ pożittivi li jkellmuna dwar Alla imma lilna jaħarbulna, hekk ukoll hemm ħafna tajjeb fil-bniedem li aħna m’aħniex dejjem konxji minnu. Għax ladarba l-bniedem huwa ħolqien ta’ Alla, ma jistax ikun li ma jkollux fih elementi tajbin, anki jekk ikunu daqs keffa ta’ id! Ħafna drabi aħna nistennew li l-proxxmu tagħna jkun perfett f’kollox (anki spiritwalment), u miskin hu min hu mxellef, għax jaqla’ l-kundanna. Spiss nilagħbuha ta’ puritani u nkunu ħfief biex niġġudikaw. Imma jien nemmen li hemm it-tajjeb anki f’dik il-persuna li skont il-kejl tagħna għandha tmur l-infern b’rasha ’l isfel u saqajha ’l fuq. Is-sejħa tagħna mhix li niskartaw imma li nwieżnu anki li min għandu ftit tajjeb, biex dak li għandu jitkattar. Irridu nitgħallmu napprezzaw it-tazza li tkun mimlija sa nofsha, għax anki jekk mhix imfawra, xorta għandha valur. Mhux qed ngħid dan biex inkunu minimalisti, imma għax irridu nibnu fuq it-tajjeb li jkun hemm. Irridu nemmnu li jekk wieħed għandu biss terz mimli, xi darba dak it-terz jista’ jsir nofs tazza, żewġ terzi jew aktar.

Fl-Eżortazzjoni ta’ wara s-Sinodu dwar il-Familja (verament inħoss li għandna bżonn nerġgħu naqbdu f’idejna Il-ferħ tal-imħabba, għax hemm min għandu interess jidfinha!), il-Papa Franġisku jikteb passaġġ interessanti ħafna: “Niftakru li pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti” (AL 305). Peress li d-dgħufija hija parti minn ħajjitna, ilkoll nafu x’inhuma l-passi ċkejknin fil-ħajja spiritwali u morali. Hawn min jaqta’ qalbu meta jara li ma jistax jagħmel passi kbar. Imma jien intennilkom: ma naqtgħux qalbna, għax kif jgħid il-Papa Franġisku, Alla jaf japprezza l-impenn tagħna biex nagħmlu dawn il-passi żgħar. Fuq kollox hija l-grazzja ta’ Alla li timbuttana anki biex immiddu dawn il-passi ċkejknin. Fl-Eżortazzjoni appostolika Ifirħu u thennew, imdawwal mill-prinċipju ta’ Sant’Injazju li jgħid li “hija ħaġa qaddisa li ma nħossuniex imġiegħla minn dak li huwa kbir imma minn dak li huwa ċkejken”, il-Papa jikteb: “Ma npoġġux limiti għall-kobor, għal dak li huwa l-aħjar u l-isbaħ, imma fl-istess waqt nikkonċentraw fuq iż-żgħir, fuq dmirna ta’ kuljum” (GE 169).

Nagħmlu l-qalb meta niftakru li anki l-Verġni Mbierka kienet konxja miċ-ċkunija tagħha. Fil-fatt, fl-għanja tal-Magnificat hija tistqarr li s-Setgħani xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħha! Bir-raġun ħassitha żgħira quddiem il-proposta li għamlilha l-anġlu, għax kienet għadha żgħira umanament u spiritwalment! Imma minkejja ċ-ċkunija tagħha, hija tinfetaħ għal Alla li jagħmel magħha ħwejjeġ kbar.

Dan kollu ngħidu l-ewwel nett biex il-komunità Nisranja tkun preżenza pożittiva fis-soċjetà tagħna. Ma għandniex bżonn inkattru l-profeti tal-qerda. Bil-qrid ma ser niksbu xejn. Ħa napprezzaw it-tajjeb li għandna madwarna, ġej minn fejn ġej, u nibnu fuqu. Alla jaf qed jikkomunikalna xi ħaġa anki permezz ta’ persuni li bil-kejl tagħna niġġudikawhom li ma humiex idonji biżżejjed għal din il-missjoni! Imbagħad nixtieq nagħmel il-qalb lil kuħadd. Jien naf li hawn min tant huwa konxju mil-limitazzjonijiet tiegħu li fil-mixja tiegħu wara Ġesù jaħbat jintefa’ lura jew huwa ttentat li jiddeċiedi li m’hemmx post għalih fil-Knisja. Kull laqxa tirfed l-imramma. Kull min beda vjaġġ twil, dejjem telaq b’passi żgħar. Dan jgħodd ukoll għall-vjaġġ tal-qdusija. Kieku ma kinitx dik is-sħaba żgħira daqs keffa ta’ id ta’ bniedem, kieku ma kienx ikun hemm xita ta’ barkiet! Kemm huwa minnu li kull qaddis għandu l-imgħoddi tiegħu u kull midneb għandu l-ġejjieni!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading