Ħa jkollkom ir-regħba għal Alla u mhux dik għad-dinja

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 3 ta’ Awwissu 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Festa ta’ Santa Klara ta’ Assisi, fil-Monasteru “Nazareth” tas-Sorijiet Klarissi. Belt Victoria.

L-IMĠEWĦIN

Il-ġid materjali tant huwa barka li ħafna fis-soċjetà tagħna jorqdu u jqumu jaħsbu kif ser ikabbru l-ġid. Bħal donnu l-progress jitkejjel skont kemm ikun tkattar il-ġid. Imma minkejja li l-ġid żdied, ma għandna ebda garanzija li llum aħna moħħna mistrieħ, għax min għandu dejjem irid!

L-esperjenza tixhdilna li l-ġid mhux biss huwa barka imma huwa wkoll kawża ta’ ħafna u ħafna nkwiet. Fil-fatt, hawn min jgħaddi ħajtu indannat minħabba problemi marbuta mal-ġid. Għalkemm il-qawl jgħid li d-demm qatt ma jsir semm, imma hemm ċirkustanzi fejn minħabba l-ġid id-demm mhux biss sar ilma imma sar velenu. Il-ġid jaf ikun kawża li jħassar relazzjonijiet saħansitra bejn koppja miżżewġa, bejn ġenituri u aħwa, bejn l-istess aħwa u bejn ħbieb kbar! Raġel anzjan li kien għamel kemxa flus kien jgħid li kellu jagħraq biex għamel sold, imma mbagħad għaraq l-għaraq tad-demm biex iqassam ġidu mingħajr ma jaqla’ nkwiet! Wisq drabi l-ġid iwassal lill-bniedem fuq l-għatba tal-qrati – fil-fatt, jingħad li ma humiex ftit il-kawżi dwar il-wirt li hemm fil-qrati.

Il-kawża ta’ dan kollu hija r-regħba, u għalhekk bir-raġun Ġesù jgħidilna: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:14). Kif jikteb San Pawl, “ir-regħba għall-flus hija l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim 6:10). U fi kliem Dante Alighieri fid-Divina Comedia, ir-regħba hija l-“antica lupa” li hija l-aktar perikuluża fost l-annimali selvaġġi kollha (ara Purg., XX, 10-12). Proprju għax qatt ma jħossu mimli biżżejjed, min hu rgħib jasal biex jagħmel kollox mingħajr ebda skruplu. Fil-fatt ir-rgħib faċli jasal biex jisraq. Bħal fil-każ ta’ imprenditur li jħaddem in-nies miegħu u ma jagħtihomx paga ġusta biex hekk jibqagħlu aktar qligħ għalih innifsu. Każ ieħor fejn ir-regħba twassal għall-inġustizzja huwa fil-kura tal-anzjani. Illum ħafna anzjani jaċċettaw li jidħlu fi djar, anki bi prezzijiet għoljin, biex iserrħu rashom; imbagħad issib li min imexxi d-dar jagħmel razzjon tas-servizzi li suppost jagħti biex hekk jifdallu aktar qligħ fil-kexxun tiegħu! Verament li r-regħba u x-xeħħa huma aħwa. Ir-regħba tikkawża l-korruzzjoni. Min huwa rgħib jipprova jikkorrompi lil kulħadd, anki lill-Isqof. Ftit ilu kien hemm interview għal post ta’ għalliem f’waħda mill-iskejjel tal-Knisja u ma ngħoddhomx dawk li avviċinawni biex nimbotta lill-kandidat tagħhom!

Għalhekk kemm huwa kliem umanament għani l-kliem ta’ Ġesù! San Franġisk de Sales jinnota li r-regħba hija deni ħażin, u aktar ma d-deni jitla’, aktar insiru insensibbli (Daħla għall-ħajja devota, L. III, kap. 14)! Ma jgħidx ħażin il-qawl li min jirgħeb għall-flus jintemm ħtija tagħhom.

Hemm mediċina kontra dan il-vizzju?

Kif għidt aktar ’il fuq ir-regħba hija xewqa li mhix indirizzata tajjeb. Li wieħed jixtieq li jkollu l-ġid hija ħaġa tajba; imma jekk din ix-xewqa ma tkunx edukata, taf toħolqilna diżordni kbir fil-ħajja. Barra minn hekk ir-regħba hija wkoll imħabba żbaljata – għax il-bniedem rgħib iħobb biss lilu nnifsu (egoiżmu). Għaldaqstant għal liema ġid veru għandu jixxennaq il-bniedem? Inkella jiġrilna bħar-raġel tal-parabbola li jsemmi Ġesù. Kien hemm raġel għani li ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu u billi ma kellux fejn ipoġġih, ħatt l-imħażen li kellu biex bena oħrajn akbar. San Bażilju jistaqsi x’jiġri jekk il-bejgħa tas-sena ta’ wara tkun aktar abbundanti: jerġa’ jħott l-imħażen u jibni oħrajn ġodda? Għalhekk San Bażilju jikkummenta: “Bena bil-ħsieb u waqqa’ bil-ħsieb. Hemm xi ħaġa bla sens aktar minn hekk?”. San Ġwann Kriżostmu jgħid li r-regħba hija l-bulimja tar-ruħ (Omelija fuq it-Tieni Ittra lil Timotju, VII,2). Il-bulimja hija diżordni psikoloġika meta l-bniedem jimla l-istonku aktar milli dan jiflaħ, imbagħad “ibattlu” biex jerġa’ jimlieh!

Għalhekk tiġi waħidha l-mistoqsija jekk teżistix xi ħaġa li tissodisfa għalkollox ix-xewqa tal-bniedem imġewwaħ! Ġesù biss jista’ jimla l-qalb tagħna. Kif afferma San Pietru f’Ġerusalemm, “f’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni” (Atti 4:12). Ġesù nnifsu jikxef mas-Samaritana: “Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, qatt iżjed ma jkun bil-għatx” (Ġw 4:16). Darba oħra Ġesù qal: “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35). Fi kliem ieħor Ġesù jiżgurana li hu biss jissodisfa x-xewqat profondi tal-bniedem. Din il-verità jikkonfermawha l-foqra li jemmnu f’Ġesù: minkejja li ma għandhomx għaxja ta’ lejla, huma kuntenti u ferħana! Proprju għax Alla jimlielhom qalbhom, forsi jkunu kuntenti aktar minn min għandu l-bwiet mifqugħa bil-ġid! Din hija t-traġedja tas-seklu tagħna: imsaħħrin wara l-ġid, tlifna x’inhu l-ġid veru.

Għalhekk f’ċertu sens nixtieq li nkunu “rgħiba għal Alla”. Ma nistgħux ma nkunux. Nagħrfu kemm nagħrfu aspetti mill-ġmiel u l-qdusija ta’ Alla, qatt mhu ser naslu biex nagħrfuh fil-milja tiegħu jekk mhux meta narawh wiċċ imb wiċċ. Fi kliem San Pawl, “għalissa nafu biċċa u l-profezija tagħna hija nieqsa; imma meta jfeġġ dak li huwa sħiħ, jgħib dak li huwa nieqes” (1 Kor 13:9). Fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla dejjem tibqa’ xi ħaġa nieqsa u għalhekk ix-xewqa għalih tibqa’ mhix sodisfatta! Ninkwieta meta xi ħadd jgħid li jħossu spiritwalment perfett! Min fil-ħajja spiritwali jgħid li wasal, ikun għadu ma telaqx! Għalhekk f’dan il-kuntest ngħid li huwa sewwa li għandna nkunu rgħiba għal Alla, fis-sens li qatt ma jkollna xaba’ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla – li nkunu mġewħin għal Alla!

San Bernard minn Clairvaux bħal donnu jinsinwa dan il-kunċett ta’ “regħba” għal Alla meta jiddeskrivi r-regħba bħala xewqa mhix f’postha. Li kieku l-bniedem, li għandu magħġuna fih ix-xewqa għal Alla, isaħħaħ u jentużjażma din ix-xewqa, huwa jasal biex jikseb l-ogħla ġid. Ir-regħba hija l-imħabba għall-ġid li ssir imħabba egoistika. Skont San Bernard, il-bniedem jista’ jikkoreġi din l-imħabba mħassra billi jagħtiha l-finalità proprja tagħha: terġa’ ssir imħabba għal Alla – “il-bniedem ifejjaq din in-natura feruta biex jerġa’ jroddilha s-saħħa oriġinali tagħha” (De diligendo Deo, kap. 12-15).

Illum kienet Santa Klara li laqgħetna madwar il-mejda tal-Ewkaristija. Din il-qaddisa tagħtina eżempju qawwi dwar x’relazzjoni għandu jkollna mal-ġid materjali. Kemm San Franġisk u kemm Santa Klara ntebħu li l-ġid materjali jista’ jkun ta’ xkiel, tant li t-tnejn irrinunzjaw għall-ġid tal-familja tagħhom. San Franġisk tant kien jibża’ mid-“deni tad-deheb” illi ordna lill-patrijiet tiegħu biex ma jmissux lanqas l-iċken munita! Santa Klara talbet u kisbet mingħand il-Papa “l-privileġġ tal-faqar”. Fl-ispiritwalità Franġiskana l-faqar ma għandux valur fih innifsu, imma huwa meħteġ għaliex aktar ma wieħed jitbattal mill-ġid tad-dinja, aktar jimtela bil-preżenza ta’ Alla. Fil-fatt San Franġisk ħaddan il-faqar biex ikun kollu kemm hu ta’ Kristu. Għalih Kristu kien kollox. Kulma kellu kien Kristu. L-istess nistgħu ngħidu dwar Santa Klara: Kristu kien l-uniku ġid tagħha. Hija u sħabha s-sorijiet kienu “mġewħin” għal Alla.

Għalhekk il-preżenza tas-Sorijiet Klarissi fid-djoċesi hija don minn Alla u riżorsa kbira. Il-monasteru tagħhom huwa spazju partikulari ta’ serenità u ferħ ġenwin li Alla biss jaf idewwaq. Niġu għandhom għax huma għandhom il-kollox – forsi minn xi daqqiet ma jkollhomx il-meħtieġ, imma qalbhom hi mimlija b’Alla. Il-preżenza tagħhom mhux biss tfakkarna fl-ogħla ġid li jaqtgħalna l-għatx, imma hija preżenza li tgħallimna l-valur tas-sobrjetà u s-sempliċità f’kultura ferm ikkumplikata u effimera, għax ħafna drabi hija mfassla mill-ħtiġijiet tas-suq. Fuq kollox, din il-komunità kontemplattiva hija għanja umanament. Ħafna jiġu jferrgħu qalbhom magħhom, “iqerru” magħhom u jitfarrġu bit-talb tagħhom, għax fihom naraw nisa mżejna b’ħafna umanità li huma jitgħallmu mill-kontemplazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla. Meta jiffissaw il-ħarsa tagħhom fuq il-pjagi miftuħa tal-Kurċifiss, huma jqiegħdu jdejhom fuq il-ġerħat idemmgħu mhux biss ta’ Kristu imma wkoll tal-bnedmin – huma jiġu f’kuntatt mar-realtà tal-ħajja u hekk isiru esperti fl-umanità.

Għalhekk il-Klarissi jfakkruna x’ġid kbir nistgħu niksbu meta jkollna “r-regħba” għal Alla u x’nitilfu meta ninħakmu mir-regħba tad-dinja!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading