L-Art li xxettel is-Slaleb


Il-workshop ta’ Sakalauskas

Algimantas Sakalauskas hu skultur li l-workshop tiegħu, fil-villaġġ ta’ Prienai, il-Litwanja, xi 100 km ’l bogħod minn Vilnius, il-kapitali, hu fl-istess ħin mużew fil-beraħ, magna tas-serrar, u presbiterju.

algimantas
Algimantas Sakalauskas fil-workshop tiegħu

Jilqgħu lill-viżitaturi fid-daħla tal-post hemm slaleb tradizzjonali ta’ għoli minn 2 sa 5 metri. Qalb zkuk ta’ siġar li wħud minnhom għadhom raffi u turruni ta’ twavel stivati fuq xulxin, hemm mibdija slaleb b’figuri ta’ Kristu, tal-Madonna u ta’ qaddisin, flimkien ma’ simboli ta’ annimali nordiċi, ta’ sriep, ajkli, kokki kif ukoll draguni. Ir-riħa tal-injam timla l-arja. Il-kwiet tal-post mhux imfixkel mill-ħoss tad-daqqiet tal-mannara ta’ wieħed mill-apprentisti, u jistieden għal waqtiet ta’ kwiet u ta’ meditazzjoni, f’veduti ta’ ġonna mdawrin mill-foresta.

Il-Litwani minn dejjem kellhom għal qalbhom dawn is-slaleb, li fihom taħlita ta’ figuri reliġjużi u ta’ elementi folkloristiċi. Mill-1991, is-sena tal-indipendenza tal-Litwanja, li mmarkat it-tmiem tal-ħakma Sovjetika, l-arti tas-slaleb ħadet ħajja ġdida hekk li l-ordnijiet għalihom baqgħu jiżdiedu dejjem aktar.

salib
Salib fil-kampanja Litwana

L-art tas-slaleb

Il-Litwanja hi xi mindaqqiet imsejħa ‘l-Art tas-Slaleb’, għall-għadd kbir ta’ slaleb, kolonni, u kappelli fiċ-ċokon, magħmulin mill-injam. Dawn il-monumenti, li wħud minnhom huma mogħtija kulur u mżejna b’biċċiet tal-ħadid, huma espressjoni ta’ arti popolari Nisranija u pagana. Issibhom, f’salib it-toroq, fl-awtostrada, fid-daħla tal-villaġġi, fiċ-ċimiteri, fil-pjazez, f’xatt ix-xmajjar, fuq l-għoljiet u wkoll fil-qalba tal-foresti.

Il-Kristjaniżmu, li dam ma wasal fil-Litwanja, fis-seklu XIV, integra f’dawn it-temi l-wirt tal- paganeżmu Baltiku mal-ikonografija Kattolika Litwana. Il-perjodu ta’ paganeżmu żamm is-simboli tiegħu imma maż-żmien is-simboliżmu Nisrani tas-Salib mar lil hemm minn dak pagan. Is-slaleb għandhom konnessjonijiet man-natura, bħall-għasfur, meqjus sa mill-qedem li jġib xorti tajba, li mbagħad ngħata t-tifsira tal-Ispirtu s-Santu u qed iwassal il-messaġġ Kristjan. Is-slaleb u l-kappelli żgħar Litwani joffru taħlita ta’ elementi – kemm naturali bħal fjuri, ħxejjex u annimali, kif ukoll kożmiċi bħall-kwiekeb, il-qamar u x-xemx – li fiċ-ċentru tagħhom tiddomina xi figura tradizzjonali Nisranija. Is-serp, wieħed mis-simboli, li fil-paganeżmu kellu konnotazzjoni pożittiva, ħa l-aspett negattiv kif nafuh illum bħala xbieha tal-ħażen.

Kristu qabel kollox

Ħafna mix-xeni f’din l-arti huma dawk tal-Passjoni, l-aktar ta’ ‘Kristu Mħasseb’, jew ‘Kristu Mnikket’, xbieha realistika ta’ Kristu fit-tbatija tiegħu. Kristu hu tradizzjonalment bilqiegħeda, b’rasu mistrieħa fuq idu u b’minkbu fuq irkopptu. Fl-aħħar 40 sena din il-qagħda evolviet hekk li l-klijenti qed jitolbu rapprezentazzjonijiet ta’ Kristu f’aktar azzjoni, b’idejh miftuħa jew b’mod li qed ibierek.

vergni
Il-Verġni Marija hi eku tan-niket tal-bnedmin

Il-Madonna wkoll hi x’aktarx rappreżentata fl-attitudnijiet li jagħmlu eku għat-tbatija tal-bnedmin. Insibuha bħala l-Verġni Protettriċi u l-Madonna tad-Duluri. Imbagħad hemm il-qaddisin, b’ilbies tipiku ta’ raħħala Litwani, fejn jiddomina San Ġorġ, li hu  wieħed mill patruni tal-pajjiż, flimkien ma’ qaddisin oħra, bħal Isidoru, Rokku, Anton, Agata u Ġwanni Nipomiċenu, il-qassis Ċekoslovakk popolari ħafna fl-Ewropa tan-Nofs. B’dan il-mod il-Litwani jittraduċu fl-injam  xi ġrajja, emozzjoni, xi xewqa fil-ħajja personali tagħhom, azzjoni votiva għal xi grazzja maqlugħa, kommemorazzjoni ta’ episodji personali jew tal-istorja tal-pajjiż.

Taħt il-madmad tal-ħakkiema

Kif toħroġ mill-villaġġ ta’ Prienai hemm post mhux tas-soltu u li ftit iżuruh: il-foresta ta’ Birštonas, li matulha sserrep ix-xmara Nemunas. Kien hawn li, sal-1988, taħt l-okkupazzjoni Sovjetika, l-artisti Litwani tellgħu għadd ta’ slaleb tal-injam u kappelli f’minjatura. Dawn huma mfassla bħala Kalvarju u moghtija l-isem ta’ It-Triq tat-Tifkira, li tkopri distanza ta’ 1500 metru. Probabbli l-iskop hu li jfakkar is-sagrifiċċju ta’ eluf ta’ oppożituri għar-reġim Sovjetiku li mietu fit-taqbid jew fl-eżilju tal-gulak tas-Siberja. Is-slaleb għandhom l-għeruq tagħhom fir-ruħ Litwana, fit-tbatija tal-poplu u fl-imħabba tagħhom għal arthom.

Il-Litwanja kienet maħkuma mir-Russi, Pollakki u mill-Ġermanizi, wara xulxin, u mbagħad mill-ġdid, mir-Russi. Għal 200 sena kienu impenjati li jżommu fil-moħbi dawn is-slaleb, minkejja li, kull poplu li invadihom, hekk kif kien isir jaf b’dawn is-simboli – li huma wkoll ta’ identità nazzjonali – kien jagħmel minn  kollox biex jeqridhom. Il-perjodu Sovjetiku, li kien l-aktar ħakma bla ħniena, ma rnexxilux jeqred dan il-patrimonju. Il-Litwani ħbew is-simboli l-iżjed qodma fil-knejjes u fl-għerien, filwaqt li sadattant bnew oħrajn ġodda ’l bogħod mill-għajn fil-qalba tal-foresti u bidlu dawk li ġew imqaċċta ma’ oħrajn ġodda . B’hekk irnexxielhom isalvaw parti mit-teżor tagħhom.

L-Għolja tas-Slaleb

L-iktar famuża hi l-Għolja tas-Slaleb li darbtejn ġiet meqruda għalkollox mill-awtoritajiet Sovjetiċi, fl-1963 u fl-1975. L-għolja qiegħda fid-distrett ta’ Šiauliai, fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Hi l-aktar xhieda impressjonanti ta’ reżistenza, imsoqqija mill-patrijottiżmu Litwan u mid-devozzjoni Nisranija tal-poplu. Kull darba li ġiet meqruda, l-għolja mbniet mill-ġdid mill-abitati u mill-pellegrini Litwani, li fis satra tal-lejl reġgħu ħawwlu aktar slaleb.

slaleb.jpg
Il-Passjoni ta’ Kristu, f’salib it-toroq

L-Għolja tas-Slaleb saret magħrufa ħafna biż-żjara ta’ Papa Ġwanni Pawlu II fl-1993, li kien impressjonat biha u sejħilha “L-Għolja tas-seklu li għadda”. Illum tilqa’ għadd kbir ta’ viżitaturi u pellegrini mid-dinja kollha. Hemmhekk, filwaqt li fakkar fil-valur simboliku tas-Salib u fil-ferħ qaddis li jnissel, bħala sinjal tal-imħabba divina u tal-ħajja eterna, il-Papa qiegħed salib, li fuq il-pedestall tiegħu hemm imnaqqax il-kliem: “Grazzi, poplu Litwan, għal din l-Għolja tas-Slaleb, li tixhed, quddiem il-pajjiżi tal-Ewropa u tad-dinja kollha, il-fidi tan-nies ta’ dan il-pajjiż.” Kien mod kif il-Papa ta omaġġ lil dawk involuti fix-xogħol u fit-‘tħawwil’ ta’ dawn is-slaleb.

Sal-lum, il-poplu Litwan għadu jgħożż il-fidi Nisranija. Minkejja t-tibdil ta’ żmienna, teżisti determinazzjoni li b’umiltà u b’fidi dawn in-nies ikomplu jaffermaw dak li s-Salib ifisser għalihom. Hekk tkompli tevolvi din l-arti unika, li biha jsibu fl-injam it-triq tad-dawl, li mill-profan jgħaddu għas-sagru u li minn dak li hu temporali jerfgħu l-ħsieb f’dak li hu etern.

Kitba ta’ Joe Galea