Messaġġ tal-Isqof Mario Grech lil grupp ta’ żgħażagħ li se jmorru Gwatemala

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 8 ta’ Settembru 2019: Il-Messaġġ li ta l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, waqt il-Pontifikal fis-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, fil-Bażilika tagħha, ix-Xagħra, fejn ta l-mandat lil grupp ta’ żgħażagħ mill-komunità ta’ Ġesù Nazzarenu li se jitilqu għal esperjenza missjunarja fil-Gwatemala:

It-Twelid ta’ Marija Bambina għandu jnissel fina x-xewqa li llum ukoll aħna nitwieledu mill-ġdid! Bħal Nikodemu, illum hawn min jistaqsi kif nistgħu nitwieldu mill-ġdid meta għandna fuq spallejna sekli ta’ snin u tradizzjoni antika. Imma kif Ġesù qal lil Nikodemu, intennilkom: bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla dan it-twelid ġdid huwa possibbli!

Inħoss li għandna bżonn nitwieldu mill-ġdid umanament, ċivilment u spiritwalment. Jien għandi xewqa li qabel immut nara l-Knisja tagħna titwieled mill-ġdid! Imma hawn ħafna li jriduha tibqa’ fil-ġuf – ħafna li qed jimbuttawha ’l ġewwa biex ma toħroġx. Imma tajjeb nirriflettu fuq il-fatt li jekk inżommu lura l-Knisja tal-Konċilju milli titwieled fostna, jista’ jiġrilna bħal dik it-tarbija li meta ma titwelidx fi żmienha, imbagħad titwieled mejta…

Insellem lil dan il-grupp ta’ żgħażagħ mill-komunità ta’ Ġesù Nazzarenu li għada filgħodu ser jitilqu fuq esperjenza missjunarja fil-Gwatemala fejn għandna żewġ missjunarji Għawdxin, Dun Anton Grech u Dun Mario Curmi. Fil-Knisja tagħna hemm diversi affarijiet li jtaqqluli qalbi, imma meta nara lilkom, qalbi tintrefa’ ’l fuq u nissaħħaħ fit-tama. Mhux daqshekk faċli li ssib żgħażagħ bħalkom li jiddedikaw il-ħin, l-enerġija u l-mezzi. Dawn huma l-proġetti jew “opri” li nieħu gost bihom!

Nawguralkom li l-esperjenza li ser tagħmlu ta’ Knisja żagħżugħa fil-Gwatemala timliekom b’ħeġġa tant li, meta tiġu lura, tkunu tistgħu tistimulaw ftit lill-Knisja xiħa tagħna! Intom sejrin ixxandru l-Vanġelu f’art tal-missjoni; imma meta niftakar li l-Knisja li evanġelizzatna llum ma għadhiex teżisti, jaf jiġri li l-Knisja fostna għad tant tiftaqar spiritwalment li tkun il-Knisja fil-missjoni li terġa’ tħabbrilna l-Vanġelu! Infakkarkom li n-Nisrani huwa missjunarju mhux biss fil-Gwatemala, fil-Perù jew fil-Brażil, imma wkoll f’Għawdex tagħna. F’isem Ġesù, nibgħatkom!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading