Lectio Divina tal-24 Ħadd matul is-Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 15, 1-3, 11-32): Illum għandna waħda mill-isbaħ parabboli ta’ Ġesu. Ma qalhiex lill-midinbin imma lill-Fariżej u kittieba li bdew igemgmu li “nies midinba jilqa’ għandu dan.” Dawn il-“ġusti” kienu barra jittawlu ġewwa fejn Ġesu kien qed jiekol mal-midinbin. Igemgmu, i.e. ma jaqblux u jipprotestaw. Allura Ġesu ħareġ barra għax kellhom aktar bżonn jikkonvertu minn dawk li kienu ġewwa.  Bħal meta Alla sabha iktar diffiċli jikkonverti lil Ġona milli n-nies ta’ Ninwe.

Ġesu kien iħobbhom lill-Fariżej u għalhekk qalilhom dil-parabbola bit-tama li jiskopru il-veru wiċċ ta’ Alla u b’hekk jiksbu l-ferħ. Jiħtieġ jagħmlu hekk ukoll dawk li llum għadhom iqisu lil Alla imħallef sever li jikkastiga bla ħniena. Il-parabbola kienet mod effikaċi biex tgħallem, għax dak li jismagħha mill-ewwel jidentifika ruħu ma’ xi persunaġġ. Il-Fariżej żgur qablu mat-tifel il-kbir meta qal lill-missieru li ma kienx ġust miegħu.

  1. “Agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” Dan l-iben qisu qed jgħidlu: “Ma rridx nistenna li tmut. Irrid nirtek issa ħa ngħix fejn irrid bla indħil tiegħek.” Kemm-il darba aħna ngħidu hekk lil Alla għax naħsbu li biex issegwi l-liġi Tiegħu titlef il-ferħ. Forsi għax għallmuna li min ma jobdix lil Alla jiġi kkastigat. Ġesu qatt ma qal “Obdu lil Alla” imma “Intom ulied Alla. Mela ixbhu ‘l Missierkom.” It-tifel iż-żgħir ħass li se jaħli żogħżitu jagħmel ix-xewqat ta’ missieru. Ried igawdi qabel ma jikber sew. Forsi wkoll għax ħuh kien jobdi ‘l missieru bi skruplu kbir, kien iħossu perfett u għalhekk kien ipoġġi lil ħuh f’dell ikrah. Illum irridu naraw kemm l-aħwa żgħar qed jitilqu mill-Knisja imħabba l-aħwa l-kbar “perfetti” li jikkritikaw, izekzku u jikkundannaw b’xi “għarukaża”.
  2. Iż-żgħir spiċċa ħażin. Il-pjaċir li ma jtikx dak il-ferħ li jiġi minn Alla. Dan l-iben ma riedx ikompli jwettaq il-proġetti tal-missier. Ried ikun indipendenti u liberu. Spiċċa lsir ta’ tirann li bagħtu jirgħa l-qżieqeż bla paga u bla ikel. Min jitbiegħed minn Alla biex mingħalih isir alla tiegħu nnifsu jiġrilu l-istess: padruni ġodda jisfruttawh u jordnawlu jagħmel ħwejjeġ tal-mistħija u diżumani.  Nafu x’wieħed jasal biex jagħmel għall-flus, karriera, poter, eċċ. Dawn padruni kiefra li jieħdu post il-Missier mimli ħniena. Iż-żgħir spiċċa biex jisraq l-ikel tal-qżieqeż għax ħadd ma ried jgħinu. Il-ġuħ ġegħilu jmur lura għand missieru jitolbu jilqgħu bħala seftur. Minn kliemu, la sogħob bih talli għamel u l-anqas bidel l-ideja li missieru kien padrun biss. Din l-ideja  kellu wkoll it-tifel il-kbir, l-ideja falza t’Alla li kellhom il-Fariżej u li għandhom xi wħud minna llum. Kieku ma kienx hekk, iż-żagħżugħ kien jgħid: “Issa qed nifhem kemm missieri jħobbni u jridni ferħan; u jien għamilt ta’ rasi. Immur nitolbu maħfra ta’ kemm weġġajtu, u nerġa’ nitlaq mid-dar għax ma jistħoqqlix missier tajjeb daqs dan.”
  3. “Ħa nieklu u nagħmlu festa.” Din hi l-qalb ta’ missier li ż-żewġ uliedu ma fehmux: (a) “kif kien ‘il bogħod” i.e. kien jistenna anzjuż li ibnu jiġi lura. Din hi l-ħarsa t’Alla fuqna, mhux biex jgħoddilna l-ħtijiet, imma biex qatt ma jabbanduna ‘l uliedu, għax iħobbna u jridna dejjem ferħanin. Din tikkanċella l-ideja djabolika ta’ Alla li moħħu biex jikkkastiga l-iċken ħtija. Ma jiħux pjaċir bid-dnubiet, imma jiddistingwi bejnhom u bejn ibnu midneb; (b) “tħassru”: dil-kelma insibuha 12-il darba fil-Vanġelu: il-Missier jew Kristu li jitqanqlu “mill-imsaren” (gut feeling), bħal omm li titqanqal mill-ġuf għat-tbatija ta’ binha anki jekk hu kriminali. Hi dagħwa li tgħid li “Alla jħobb it-tajbin u jobgħod lill-ħżiena” għax Hu jħobb lill-kulħadd bla kundizzjonijiet; (ċ) “b’ġirja waħda”: rari kont tara sid jiġri. Dal-missier ma qgħadx jara jekk ibnu ddispjaċiehx jew le. L-anqas ħabbel rasu x’se jgħidu l-ġirien: “Fejn tħobb il-qalb jiġru r-riġlejn.” Alla wkoll ma jinpurtahx x’se jgħidu fuqu għax iħobb ‘l uliedu midinba; (d) “inxteħet fuq għonqu” għax aktarx, bil-ġenn li kellu biex jgħannqu, fl-aħħar tliet passi ma mexhiex, imma tar għal fuqu; (e) “imlieh bil-bews”, i.e. ma setax jieqaf ibusu.
  4. Hawn l-iben jibda jgħid dak li kien ipprepara: “Missier … ma jistħoqqlix..” Il-missier waqqfu ħesrem għax induna li ibnu għadu jqisu bħala sid li jordna biss, jippremja lil min jobdi u jikkastiga l-oħrajn. Biex ibiddillu fehmtu ordna festa. Dawk li llum jobdu għal xi merti, jew biex jevitaw xi kastig, mhumiex iqimu ‘l Alla tal-Insara, għax dan l-aġir mhux imqanqal mill-imħabba pura. (a) “Ġibulu l-isbaħ libsa, mhux ta’ seftur imma li tagħmlu jixbah lill-Missier, u li tagħmlu jħobb kif iħobb Hu; (b) Libbsuh iċ-ċurkett biex ikun jista’ jissiġilla d-dokumenti f’ismi; (ċ) Is-sandli f’riġlejh, għax ma rridux ħafi bħas-servi. Dan mhux seftur imma ibni.”
  5. It-tifel il-kbir ma fehemx kif tista’ tagħmel festa għal min ma jistħoqqlux, bħal xi Nsara li jemmnu li biex tmur il-Ġenna trid tpatti qares għal dnubietek biex tikseb merti biżżejed biex taqta’ l-passaġġ. Ġesu jikkanċella din l-ideja: Alla jħobb lil kulħadd bla limitu u bla kundizzjonijiet. Dat-tifel hu simbolu tal-Fariżej u ta’ xi Nsara “ġusti”: jirrabjaw għax is-Sid jagħmel festa gratuwita għal min ma ħadimx fl-għalqa, berbaq flus is-sid, u anki weġġgħu. Dan hu l-Wiċċ veru tal-Missier li l-Insara jiħtieġ li jxandru għax rawh imnaqqax f’Wiċċ Kristu. Id-dnub ġa jpoġġi ħafna toqol fuq il-midneb. Il-Missier ma jridx iżid imma jnaqqas dan it-toqol. Meta naċċettaw dan l-aspett inkunu nistgħu naħfru l-għedewwa tagħna. Il-kbir qatt ma jlissen il-kelma “Missier”: “Ilni dawn is-snin kollha naqdik..” Il-Missier wieġbu: “Għax ġibt ruħek ta’ seftur miegħi? Int ibni u kulma hu tiegħi hu tiegħek. Stajt ħadt gidien kemm trid għax irridek ferħan. Ma kellekx bżonn il-permess tiegħi. Liż-żgħir l-anqas tqisu bħala ħuk (“Dan ibnek…”). Ma tistax tifhem li jien missier mhux sid u f’dari rrid ulied mhux sefturi? Tista’ tagħmel festa jekk taċċetta u tifraħ li dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.” Aktarx daħal ftit għall-festa biex jobdi ‘l missieru, imma malajr ġab xi skuża biex jerġa’ jmur jaħdem fl-għalqa għax ma bidilx l-ideja li missieru mhux padrun biss.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini