L-Isqof Mario Grech f’Quddiesa Ta’ Pinu għal mijiet ta’ sewwieqa tal-muturi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 15 ta’ Settembru 2019: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech waqt Quddiesa li mexxa fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu għal mijiet ta’ sewwieqa tal-muturi li, permezz tal-organizzazzjoni “Bikers for Charity”, għamlu Pellegrinaġġ li fih inġabru flus għall-Fondazzjoni Puttinu Cares, fejn ġiet imfakkra l-memorja ta’ sewwieqa tal-muturi li tilfu ħajjithom traġikament.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/681553718″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

 

MARIJA L-GPS TA’ ALLA

Meta naqra l-istorja ta’ “l-iben il-ħali” (Lq 15:11-32) inħossni qed naqra l-istorja tiegħi, u konvint li ħafna minnkom, meta jisimgħu r-rakkont bħali, iħossuhom komdi fiż-żarbun ta’ din il-persuna.

Dan iż-żagħżugħ ma kienx xi bniedem ħażin; imma meta bħali u bħalek kellu l-età tiegħu, ħass li ma kellux jibqa’ bil-kurdun taż-żokra marbut ma’ ommu u missieru. Xtaq ikun liberu u jieħu l-awtonomija tiegħu. Deherlu li mhux sew jibqa’ miexi fit-triq li għamillu missieru. Ma riedx li l-ġenituri tiegħu jibqgħu jiddeċiedu għalih. Iddeċieda li joħroġ mill-qafas tat-tajjar li kellu d-dar. Ried jagħmel triqtu. Kien wasal iż-żmien li jqum fuq riġlejh u jimxi waħdu.

Imma l-istorja tkompli tgħidilna li meta għamel din l-għażla, ma ġitux tajba. Ħafna drabi l-istess jiġri lilna: nafu fejn nixtiequ mmorru, nafu x’inhi d-destinazzjoni, imma nieħdu triq żbaljata. Ħafna drabi nitilqu lejn post imbiegħed, imbagħad meta naslu, niskopru li nkunu ħadna triq b’oħra.

Intom il-bikers li dejjem tfittxu destinazzjonijiet ġodda li jistgħu jagħmlukom kuntenti, li bil-muturi tagħkom tieħdu toroq ġodda biex flimkien tammiraw il-ġmiel tan-natura u tistrieħu, tistgħu tgħinuna nifhmu din l-esperjenza. Għax naħseb li jiġrilkom li tkunu konvinti li tkunu qbadtu triq tajba li ser twassalkom fil-post, imbagħad issibu li tkunu żbaljati – tkunu soqtu l-mutur għal tant kilometri u taslu f’destinazzjoni differenti minn dik li tkunu ħlomtu biha.

Insib interessanti li meta dan iż-żagħżugħ tilef triqtu, sab it-triq tiegħu! Meta żbalja t-triq, sab ruħu f’ċirkustanzi li stimulawh biex ifittex u jsib it-triq it-tajba. Mela li wieħed jitlef it-triq – b’kumbinazzjoni jew b’għażla – mhux bilfors hija ħaġa ħażina, imma taf tkun opportunità biex wieħed isib it-triq tiegħu!

Dan iż-żagħżugħ “ħela” l-wirt kollu li tah missieru. Mingħand missieru huwa ma wiritx biss flus, imma rċieva fehmiet, konvinzjonijiet, tradizzjonijiet, twemmin, ritwali u l-bqija. Meta dan iż-żagħżugħ rema dan kollu, sab ruħu f’diffikultajiet serji. L-istess jiġri lilna: meta nikbru, aħna nkunu ttentati narmu dak kollu li jkunu għaddewlna ta’ qabilna. Imma meta nagħmlu hekk, inkunu nirriskjaw inċidenti gravi – nirriskjaw li naraw il-mewt bħaż-żagħżugħ tal-parabbola li kien ser “imut bil-ġuħ”.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li ż-żagħżugħ ġie f’tiegħu, intebaħ li kien ħa triq b’oħra u ħass il-bżonn li jfittex it-triq. Il-memorja ta’ missieru tatu l-qawwa jqum u jibda miexi f’dik it-triq li kellha twasslu biex iġarrab it-tgħanniqa kollha mħabba tal-missier. Meta ftakar kemm kien iħobbu missieru, huwa għażel it-triq li twasslu biex isib dak li kien imxennaq għalih!

Jien ninkwieta meta xi ħadd jgħid li huwa konvint mit-triq tiegħu, meta ma jkunx hu li sab it-triq imma jkun fassalhielu ħaddieħor. Ninkwieta qatigħ meta fil-Knisja jkun hemm min tant hu ċert minnu nnifsu li ma jħossx li għandu jfittex it-triq tiegħu, u pjuttost jistrieħ fuq toroq li kienu tajba għall-bieraħ imma ma għadhomx tajba llum. Importanti li kull wieħed minna jsib it-triq tiegħu jew tagħha, fis-sens li wieħed għandu jsib il-mod tiegħu kif jersaq għand Alla. Fidi li mhix frott ta’ tfittix tiegħek personali tibqa’ fidi formali u fidi ambjentali. Ma nsuqux fuq mappa li jpittrilna ħaddieħor, imma nistinkaw biex kull wieħed jagħmel ir-road map tiegħu biex ikun jista’ jidħol f’relazzjoni ma’ Alla.

Għax jaf jiġrilna kif ġara lill-iben il-kbir tal-istorja. Dan baqa’ fid-dar ta’ missieru u ma ħassx il-bżonn li jsib triqtu. Ma rriskjax li jfittex it-triq tiegħu u baqa’ fl-iżball. Mingħalih kien fit-triq it-tajba, imma kien żbaljat; mingħalih kien “ġewwa” fid-dar (fil-Knisja), u fil-fatt kien “barra”, tant li qatt ma rnexxielu jidħol fil-qalb tal-missier! Iż-żgħir li “telaq” mid-dar sab id-dar, filwaqt li l-kbir li kien konvint li kien fid-dar, “tilef” id-dar. Hekk jista’ jiġri lilna fil-Knisja!

Dettall interessanti f’din l-istorja huwa l-atteġġjament tal-missier. “Kif kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu”. Kif ra lil ibnu fit-triq, il-missier “tar” minn postu u ħareġ jiġri. F’din l-okkażjoni, meta aħna mdawrin b’tant muturi, jiġini li ngħid li l-missier kien tant imħeġġeġ biex iħaddan lil ibnu li “qabbad il-mutur” u tar biex jgħabbih u hekk iħaffiflu t-triq u jdaħħlu f’daru.

Ma nistgħux inkunu ħbieb ta’ Alla jekk qabel ma nkunux intbaħna li Alla jħobbna. Naslu biex inħobbu lil Alla biss meta nagħmlu esperjenza tal-imħabba b’xejn tiegħu.

Intom il-bikers tgħallmuna li ħafna drabi għandna bżonn il-GPS biex insibu t-triq. Meta llum qegħdin f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, nippreżentalkom lil Marija bħala ‘GPS ta’ Alla’. Tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom! Marija hija GPS li nistgħu noqogħdu fuqu biex iwassalna għand Ġesù li huwa t-triq.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading