Il-jum tant mistenni għalija kien wasal! Kont ilni sena nistennieh! Kien il-jum fejn stajt nitla’ biex nistrieħ tassew! Għax nistrieħ fid-dar ta’ Ommi u Ħija! Fid-dar ta’ Marija u Ġesù! Fid-dar ta’ Medjugorje!
Medjugorje! Il-post fejn tant jintefgħu grazzji fuq id-dinja mis-sema ta’ kuljum! Il-post fejn, min jersaq lejh b’qalb miftuħa, ma jistax le jerġa’ jirritorna lura lejn artu b’qalbu u b’idejh vojta! Medjugorje! Il-post fejn, min imur biex jirċievi, jerġa’ lura minfejn ġie b’dik il-paċi kbira li, int u jien, aħna min aħna, irrilevanti x’uniformi nilbsu, tant u tant għandna bżonn!
Hemm hu Medjugorje! Reġa’ wasalli! Bħalma jasalli kull sena! L-għaliex mhux jien immur iżda niġi iva mibgħut! U mibgħut mhux minn xi persuna ta’ din id-dinja li tirrapreżenta kemm lil Ċesari jew inkella lill-Mulej. Xejn minn dan! Jiena niġi mibgħut Medjugorje mill-Omm! Minn Ommok u Ommi tas-Sema u, jekk nemmen tassew, anki tal-art! Niġi mibgħut minnha biex inżurha l-għaliex hi personalment tistedinni. Mhux b’xi dehra tafux! Xejn minn dan! Jien min jien biex nirċievi d-dehriet? Jien, patri midneb, li tant għandi bżonn tal-ħniena u l-maħfra tal-Mulej f’ħajti? Imma proprju għalhekk tistedinni l-Gospa, Marija, Omm Alla, u, nerġa’ nfakkrek bħalma nfakkar lili nnifsi, Ommi u Ommok tas-Sema u, jekk nemmnu tabilħaqq, tal-art ukoll.
Qabel tlajt din is-sena kelli problema: b’liema żarbun ħa nitla’? Bħalma tafu Medjugorje trid timxi mhux ħażin. L-aktar jekk tkun trid titla’ fuq l-Għolja Podbrdo jew il-muntanja Križevac, jew kif inhi misjuba aħjar bħala l-Għolja tas-Salib. Għalhekk kelli bżonn papoċċ. U dan bil-għan li nkun nista’ nimxi. U nimxi komdu f’Medjugorje.
Minn hawn u minn hemm, għall-grazzja tal-Mulej, il-papoċċ wasal! Għalhekk, f’jum it-tluq tiegħi għal dan il-post qaddis, stajt nitfgħu f’saqajja. L-ewwel miraklu li rċevejt kien il-qjies tal-papoċċ. Dan l-imbierek papoċċ qagħdli eżatt! Qisu kien maqtugħ għalija! Barra minhekk, dan il-papoċċ kellu tassew ikun imbierek. L-għaliex rifes art qaddisa. L-art fejn l-art u s-sema jiltaqgħu. L-art ta’ Ommna Marija. L-art ta’ Medjugorje.
Wara l-waqfa f’Dubrovnik dan il-papoċċ rifes Medjugorje fis-2.30 am. F’jum il-Ħadd, jum il-Mulej! U, anki wkoll, jum għeluq snin Santa Fawstina! L-ewwel ħaġa li dan il-popoċċ esperjenza f’Medjugorje kienet il-quddiesa sabiħa tal-11.00 am ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ San Ġakbu li tqaddset bl-ilsien Kroat. Il-quddiesa qaddisha Patri Marinko Šakota OFM, il-kappillan tal-parroċċa. Għalkemm ma stajtx nifhem kelma iżda l-quddiesa xorta waħda fihmtha. L-għaliex l-ispirtu li bih dan il-Patri qaddes il-quddiesa ma tanix li ma nipparteċipax minn qalbi fiha!
Il-papoċċ baqa’ idur! Għas-6.00 pm kont preżenti għad-dehra ta’ Ommna Marija għand Marija Pavlović. F’kappella fid-dar tagħha kelli l-grazzja nassisti għad-dehra u anki għall-messaġġ li xxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-kliem ta’ dan il-messaġġ li tat Ommna Marija għad-dinja kien dan: Għeżież Uliedi! Itolbu, aħdmu u kunu xhieda b’imħabba għas-Saltna tas-Sema li hi tajba għalikom li qiegħdin hawn, f’din id-dinja. Uliedi ċkejknin, Alla għad ibierek l-impenn tagħkom għal mitt darba; intom tkunu xhieda qalb il-popli. L-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux se jħossu l-grazzja tal-konverżjoni u s-Sema għad ikun grat għall-impenn u s-sagrifiċċji tagħkom. Uliedi ċkejknin, ixhdu bil-Kuruna tar-Rużarju f’idejkom li intom tiegħi u ddeċiedu għall-qdusija. Grazzi li weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Quddiem dan il-messaġġ il-papoċċ tiegħi ħariġlu d-dmugħ. Le! Ma kienx sempliċiment l-għaraq tas-sħana li ħareġ minni f’Medjugorje. Il-papoċċ tiegħi ħariġlu d-dmugħ! Dak id-dmugħ li serraħ il-qalb mtaqqla’ tiegħi. Din il-qalb ċkejkna li tant tisma’ t-tbatijiet tan-nies mhux biss fl-isptar imma kullimkien! Kull fejn jibgħatha l-Mulej Ġesù nnifsu, l-Alla ta’ kull faraġ! U din il-qalb li titaqqal ukoll għal dnubietha u għall-effetti tad-dnubiet ta’ dawk li jħokku magħha wkoll.
Il-papoċċ, bil-kumdità li ta lil riġlejja, ġagħlni nagħmel ħafna kuraġġ għall-kelma setgħana ta’ Ommok u Ommi tas-Sema u, għax issa qed nikkonvinċu ruħna wkoll, forsi anki jekk bil-qatra l-qatra, tal-art ukoll. Il-papoċċ hu xhieda li għal Marija jien u int għażiż u għażiża. U li, kif qal eżattament Patri Leon Pereira O.P., il-kappillan tal-lingwa Ingliża f’Medjugorje, Marija tħobbok u tħobbni b’dik l-imħabba daqslikieku fid-dinja teżiżti int u jien biss. Issa ejja nkunu sinċieri: hawn xi omm, missier, ħu jew oħt, patri, qassis, isqof, Papa, raġel, mara, tifel u tifla, li verament iħobbuna b’din l-imħabba li biha tħobbna Marija? Biżżejjed nagħtu titwila lejn ġrajjiet ħajjitna u x’inhu jiġri madwarna biex nindunaw li dan żgur li mhux il-każ. Nirċievu mħabbiet. U allaħares le! Imma dawn l-imħabbiet kollha huma mtappna b’kundizzjonijiet u termini li japplikaw! Mela, u quddiem dan kollu, nistgħu ngħidu li f’din id-dinja tassew li jħobbna xi ħadd? Kif nixtiequ aħna li jħobbuna? U meta ma nifhmux kif, il-fidi stess tgħidilna kif għandna bżonn li niġu maħbuba?
Dan il-papoċċ sama’ wkoll xhieda oħra sabiħa: li hu qed jiksi r-riġel li hu msejjaħ ikun xhud tas-Saltna tas-Sema. Iva! U dan il-papoċċ, bil-kumdità tiegħu, qed jagħmel possibbli dan! Xi grazzja hi din ħbieb! Int u jien, riġlejk u riġlejja, huma msejħa biex ikunu xhieda tas-Saltna tal-Mulej. Li, fi kliem San Pawl, m’hijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu (Rum 14:17). Din is-Saltna ta’ mħabba vera, ġenwina, ħelwa u li tqanqal saħansitra l-blat samm tal-qalb, li tant kemm hi tajba li qed tiġi issuġerita għalina, minn Marija Ommna, li tkun hawn fl-art. F’dan il-wied tad-dmugħ, kif tabilħaqq nitolbu fis-Salve Regina.
Dan il-papoċċ imbierek sama’ il-kliem biex iġorr il-ferħ ta’ Kristu kullimkien. L-aktar fost dawk fostna li huma xettiċi. Dawk li huma mbegħdin. Dawk li jagħmlu parti minn popli vasti tad-dinja. Dawk li jixtiequ l-verità u għadhom ma sabuhiex. Iva! Dan il-papoċċ irid iwassal dik l-umiltà ta’ Marija b’ħafna impenn u sagrifiċċju. U, ma’ dan, irid iġorr dik il-Kuruna tar-Rużarju f’id min qiegħed iġorr il-ħin kollu. L-għaliex, u b’dik il-Kuruna, trid isseħħ id-deċiżjoni għall-qdusija! B’dik il-Kuruna, bħall-muftieħ, irid jinfetaħ it-teżor tas-sema ħalli jinżlu fi qlub in-nies, inkluż ta’ min dak il-papoċċ qed iġorr, l-għaxar virtujiet ta’ Marija. Jiġifieri l-umiltà, il-karità lejn il-Mulej, il-karità lejn il-proxxmu, il-fidi, it-tama, is-safa, il-faqar, l-ubbidjenza, is-sabar u t-talb.
U, dan il-papoċċ imbierek, assista wkoll għall-ġid li sar fi grupp partikulari li tela’ Medjugorje din is-sema. Sama’ dan il-papoċċ l-għaqal li Ġesù ta lill-qassis li jżewweġ il-misteri tar-Rużarju ma’ dak li qed ngħixu illum f’ħajjitna. Feraħ bil-kbir u iżża ħajr il-Mulej dan il-papoċċ meta tela’ fuq il-Podbrbo u hemm, fuq dik l-għoja mqaddsa, ġie mħaddan bl-imħabba ta’ Ommi u Ommok tas-sema u tal-art.
U issa x’fadallu jagħmel dan il-papoċċ għajr li jdur il-kurituri twal ta’ Mater Dei, ħalli, bil-preżenza tiegħu, iwassal il-fejqan u l-qdusija li ġie mħaddan biha hu lil tant u tant nies fostna li għandhom bżonn huma wkoll tal-ħniena tal-Mulej Ġesù u t-tħaddina ta’ Ommi u Ommok Marija? X’fadallu jagħmel aktar dan il-papoċċ għajr li jwassal il-grazzja tal-assoluzzjoni sagramentali tal-qrar lil min hu mbiegħed fl-Isptar u barra minnu? U xi tridu jagħmel aktar dan il-papoċċ jekk mhux li jwassal il-Kuruna tar-Rużarju f’idejn min abbanduna kollox minħabba d-dgħjufija tal-ministri ta’ Alla u tal-Knisja u wkoll minħabba li f’qalbu iddeċieda li ma jrid jaf b’xejn? X’fadallu jagħmel aktar dan il-papoċċ għajr li jwassal ma’ kulħadd l-umiltà li tiddi f’Marija? Liema umiltà x-xitan ikollu jaħrab minnha tellief għall-eternità?
Grazzi papoċċ ta’ qalbi! Papoċċ li meta qed nilbsek qed nitlob il-Kantiku ta’ Marija Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej … Grazzi papoċċ għax qiegħed il-ħin kollu tfakkarni li Medjugorje issa qiegħed f’nofsna! F’Malta! Fl-Isptar Mater Dei! Fil-Kunvent! U kull fejn toħodni! Grazzi papoċċ umli! Itlob għalija ħa nkun umli, imqar b’farka, bħalek! Amen!
Patri Mario Attard OFM Cap